MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE
24.10.2017 - (2017/2897(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0576/2017
B8‑0576/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, li tiddefinixxi u tikkundanna l-fastidju u l-fastidju sesswali[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-isterjotipi negattivi fuq in-nisa għadhom mifruxa u jistgħu jwasslu għal fastidju u saħansitra vjolenza fiżika jew sesswali;
B. billi l-fastidju sesswali ma jaffettwax biss il-benesseri fiżiku u mentali tal-vittmi, iżda wkoll il-ħajja professjonali tagħhom;
C. billi mara minn kull għaxra kienet vittma ta' fastidju sesswali jew stalking bl-użu ta' teknoloġija ġdida, filwaqt li 75 % tan-nisa fi rwoli ogħla ta' teħid ta' deċiżjonijiet kienu soġġetti għal fastidju sesswali;
1. Jemmen bil-qawwa li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li tikkostitwixxi wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi rispettata, promossa u applikata bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika u fil-ħajja ta' kuljum;
2. Jemmen bis-sħiħ li l-isforzi magħmula fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali huma parti minn impenn lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-appoġġ għall-vittmi ta' fastidju sesswali fil-forom kollha tiegħu jibqa' prijorità għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE;
3. Jemmen li azzjonijiet ewlenin fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali jinkludu l-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-sottorappurtar u tal-istigma soċjali, l-istabbiliment ta' proċeduri ta' rendikont għall-imġiba fil-post tax-xogħol, l-involviment attiv tal-irġiel u tas-subien fil-prevenzjoni tal-vjolenza, u l-azzjoni kontra forom emerġenti ta' vjolenza, eż. fiċ-ċiberspazju;
4. Huwa tal-fehma li l-eliminazzjoni ta' fastidju sesswali teħtieġ aktar sforzi minn għadd ta' atturi, inklużi l-Istati Membri, biex jittejbu d-disponibbiltà, il-kwalità u l-affidabbiltà tad-data, titqajjem kuxjenza, jinbidlu l-attitudnijiet, jiġi evitat tali aġir, jiġi żgurat appoġġ u aċċess għall-ġustizzja aħjar għall-vittmi , u tiġi trasposta u implimentata b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;
5. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiġbru u jipprovdu data ta' kwalità ħalli jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-ġlieda kontra l-fastidju sesswali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-ġbir ta' data aqwa, eżawrjenti, komparabbli u speċifika dwar il-fastidju sesswali; jinkoraġġixxi kooperazzjoni mtejba mal-istituzzjonijiet rilevanti;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ta' data pubblika tal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti li jikkonċernaw it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali f'dan il-qasam;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw jimmodifikaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-impjegati li jiġu sfurzati jiffirmaw ftehimiet ta' non divulgazzjoni fl-ambitu ta' soluzzjoni ta' tilwim ma jkunux jistgħu jintrabtu, minn dan il-ftehim, li jastjenu milli jirrapportaw fastidju sesswali jew abbuż;
8. jappoġġa bil-qawwa l-vittmi kollha ta' fastidju u abbuż sesswali fl-istituzzjonijiet Ewropej fl-ambitu ta' proċeduri dixxiplinari u/jew ta' investigazzjonijiet mill-pulizija lokali;
9. Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-protezzjoni tal-impjegati mill-fastidju u l-abbuż sesswali billi jagħmlu ħilithom biex isibu bilanċ aħjar bejn l-ispetturi tax-xogħol irġiel u nisa, iħarrġu l-ispetturi sabiex ikunu viġilanti fl-identifikazzjoni ta' fastidju sesswali, u jistabbilixxu linja telefonika ta' assistenza li tkun operattiva 24 siegħa kuljum biex jirċievu rapporti ta' fastidju sesswali allegat;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.