Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0582/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0582/2017

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE

    24.10.2017 - (2017/2897(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Elisabeth Morin-Chartier, Manfred Weber, Esteban González Pons f'isem il-Grupp PPE

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0576/2017

    Proċedura : 2017/2897(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-0582/2017
    Testi mressqa :
    B8-0582/2017
    Testi adottati :

    B8‑0582/2017

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE

    (2017/2897(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol[1],

    –  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (riformulazzjoni), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1)(c) u (d) tiegħu[2],

    –  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi[3],

    –  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[4],

    –   wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 u emendati l-aħħar bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1023/2013 tat-22 ta' Ottubru 2013, u b'mod partikolari l-Artikolu 12a tagħhom,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 25(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif ukoll l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.  billi l-fastidju sesswali huwa forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u huwa l-aktar forma estrema, iżda persistenti, ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess; billi madwar 90 % tal-vittmi ta' fastidju sesswali huma nisa u madwar 10 % huma rġiel; billi huwa stmat li, fit-28 Stat Membru tal-UE, minn 83 miljun sa 102 miljun mara (bejn 45 % u 55 % tan-nisa) ġarrbu tal-anqas forma waħda ta' fastidju sesswali minn meta għalqu 15-il sena;

    B.  billi l-fastidju, definit bħala diskriminazzjoni abbażi tas-sess mid-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel u għaldaqstant huwa pprojbit fl-impjieg, inkluż fl-aċċess għall-impjieg, fit-taħriġ vokazzjonali u fil-promozzjoni;

    C.  billi l-problema tal-fastidju sesswali għadha tippersisti fl-Istati Membri kollha; billi l-ġlieda kontra l-fastidju relatat mas-sess u kontra l-fastidju sesswali permezz tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni għandha valur miżjud fil-livell tal-UE;

    D.  billi forom differenti ta' fastidju sesswali għadhom mifruxa u huma esperjenzi komuni fl-Unjoni Ewropea li jseħħu f'diversi oqsma; billi l-biċċa l-kbira tal-vittmi tiegħu huma nisa, inklużi nisa żgħażagħ impjegati li huma partikolarment vulnerabbli u affettwati b'mod wiesa';

    E.  billi l-fastidju sesswali spiss jibqa' ma jiġix irrappurtat minħabba li l-kuxjenza soċjali dwaru baqgħet, b'mod pjuttost persistenti, relattivament baxxa, minħabba l-insuffiċjenza tal-mezzi għall-appoġġ tal-vittmi, kif ukoll minħabba l-perċezzjoni li dan huwa suġġett sensittiv għas-soċjetà, minkejja li jeżistu proċeduri formali biex jindirizzawh fil-post tax-xogħol u f'oqsma oħra;

    F.  billi l-Parlament stabbilixxa struttura ddedikata u regoli interni biex jindirizzaw il-fastidju sesswali fl-istituzzjoni, sew fil-livell tal-persunal kif ukoll bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew, sabiex tivvaluta każijiet possibbli u tipprevjeni mġiba sesswali mhux xierqa u illegali u każijiet ta' fastidju;

    1.  Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' fastidju sesswali u jinsisti fuq l-implimentazzjoni effikaċi tal-qafas legali eżistenti li jindirizza dan il-fenomenu; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll lill-kumpaniji pubbliċi u privati, biex jieħdu miżuri ulterjuri ħalli effettivament itemmu u jipprevjenu l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol;

    2.  Jilqa' l-fatt li, permezz ta' deċiżjoni tal-Bureau tal-14 ta' April 2014, il-Parlament Ewropew adotta regoli ġodda li kienu jinkludu l-ħolqien ta' korpi ddedikati bħall-Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta' fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol, wara l-Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta' fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol għall-membri tal-persunal tal-PE; jilqa' wkoll l-introduzzjoni ta' rappurtar kunfidenzali u t-tnedija ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni maħsuba biex jikkumbattu l-fastidju sesswali fl-istituzzjoni; jilqa' l-fatt li istituzzjonijiet oħra tal-UE ħolqu korpi simili;

    3.  Jilqa' inizjattivi bħall-moviment #Metoo li għandhom l-għan li każijiet ta' fastidju sesswali u vjolenza kontra n-nisa jiġu rrappurtati; jirrimarka li l-proċeduri legali ddedikati stabbiliti biex jindirizzaw każijiet ta' fastidju sesswali fil-post tax-xogħol għandhom jiġu segwiti;

    4.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw miżuri li jistabbilixxu u jiżguraw il-funzjonament effikaċi ta' kumitati ddedikati li jinvestigaw każijiet irrappurtati ta' fastidju sesswali u jagħtu appoġġ lill-vittmi, offrut minn membri konsultattivi u minn persunal speċjalizzati, inklużi – fejn dan ikun possibbli – konsulenti legali, esperti mediċi, u counsellors kunfidenzjali;

    5.  Jitlob li l-Istati Membri tal-UE jsaħħu r-riżorsi umani ta' korpi għall-ugwaljanza li jissorveljaw prattiki diskriminatorji, permezz tal-allokazzjoni ta' riżorsi adegwati suffiċjenti biex jiżguraw li dawn il-korpi jiffunzjonaw b'mod effikaċi;

    6.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri joħolqu sistemi ta' monitoraġġ effikaċi li jippermettu t-teħid ta' miżuri superviżorji u ta' kontroll biex itejbu l-ġbir ta' data kunfidenzjali dwar każijiet ta' fastidju u diskriminazzjoni abbażi tas-sess u jiżguraw smigħ kunfidenzjali u protezzjoni tal-vittmi;

    7.  Jitlob li l-Kummissjoni tipproponi miżuri ċari maħsuba biex jiġġieldu l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol b'mod aktar effikaċi, kif ukoll li tissorvelja mill-qrib l-effiċjenza tal-korpi nazzjonali responsabbli għall-ilmenti u tal-proċeduri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    8.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta, tiskambja u tqabbel l-aħjar prattiki eżistenti, u li xxerred ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni f'dak li jirrigwarda l-effikaċja tal-miżuri kontra l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol;

    9.  Jisħaq fuq l-importanza ta' taħriġ speċifiku u ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni rigward il-proċeduri formali eżistenti dwar ir-rappurtar ta' fastidju sesswali fil-post tax-xogħol kif ukoll dwar id-drittijiet tal-vittmi, biex b'hekk jiġi infurzat il-prinċipju ta' dinjità fil-post tax-xogħol u jinġieb 'il quddiem approċċ ta' tolleranza żero bħala n-norma;

    10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.