Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0584/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0584/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kontroll u l-prevenzjoni tal-għargħar

25.10.2017

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Ivan Jakovčić, Jozo Radoš

B8‑0584/2017

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontroll u l-prevenzjoni tal-għargħar

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tibdil fil-klima qed jikkawża u qed jintensifika l-avvenimenti estremi tat-temp u diżastri naturali bħall-għargħar;

B.  billi l-għadd u l-iskala tal-għargħar fl-Ewropa, inkluż fir-reġjuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kibru b'mod konsiderevoli;

C.  billi l-miżuri preventivi wrew li jistgħu jillimitaw u jnaqqsu l-ħsara materjali li l-għargħar jikkawża lis-settur tal-abitazzjoni, lill-infrastruttura u lill-attivitajiet ta' produzzjoni;

D.  billi jeħtieġ li tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-istrumenti varji tal-UE sabiex tinkiseb kapaċità sostenibbli għall-prevenzjoni tad-diżastri;

E.  billi r-reġjuni mhedda mill-għargħar huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima;

1.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw politiki u leġiżlazzjoni favur użu tal-art ġenwinament sostenibbli, u jiffinanzjaw u jippromwovu miżuri ta' konverżjoni għall-ekosistemi fix-xmajjar u fil-widien;

2.  Ifakkar li l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali jew reġjonali għall-ġestjoni tad-diżastri, inkluż fil-livell interreġjonali u transkonfinali, iridu jkunu fis-seħħ, u jridu jqisu l-adattament għat-tibdil fil-klima bħala kondizzjonalità ex-ante għall-opportunitajiet ta' finanzjament futuri;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.