Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0586/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0586/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija Ewropea għas-sostenn lill-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fil-pajjiżi tal-UE

25.10.2017

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Salvatore Domenico Pogliese

B8-0586/2017

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija Ewropea għas-sostenn lill-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fil-pajjiżi tal-UE

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, kif għarraf id-DĠ AGRI tal-Kummissjoni fl-24 ta' Awwissu 2017, il-produzzjoni Ewropea ta' żejt taż-żebbuġa għaddejja minn fażi ta' dekrementazzjoni ġenerali u rreġistrat, fil-perjodu bejn l-2011 u l-2016, tnaqqis ta' 25 %;

B.  billi ġie osservat tnaqqis drastiku tal-istokkijiet ta' żejt taż-żebbuġa maħżunin mill-2012;

C.  billi huwa sottolinjat li l-pajjiżi produtturi ta' żejt taż-żebbuġa tal-UE jirrappreżentaw bejn is-70 % u l-75 % tal-produzzjoni dinjija;

D.  billi miċ-ċifri fornuti mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika tal-Italja (ISTAT) fejn tidħol il-produzzjoni ta' żejt taż-żebbuġa fil-perjodu bejn l-2012 u l-2016 ħareġ li l-Italja esperjenzat dekrementazzjoni mdaqqsa tal-produzzjoni ta' żejt taż-żebbuġa, minn 505 915-il tunnellata għaddiet għal 292 350 tunnellata, anki fid-dawl tal-bosta ħsara li għamlet il-Xyella;

E.  billi, fl-istess perjodu, il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fil-pajjiżi tal-Mediterran mhux membri tal-UE, bħat-Tuneżija, it-Turkija u l-Marokk, żdiedet, kif turi l-istatistika maħruġa mill-International Olive Oil Council;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta strateġija Ewropea għas-sostenn favur il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fil-pajjiżi tal-UE.