Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0590/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0590/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) tal-UE

8.11.2017 - (2017/2705(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0000/2017 u B8-0000/2017
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Sirpa Pietikäinen, Simona Bonafè, Mark Demesmaeker, Gerben-Jan Gerbrandy, Luke Ming Flanagan, Benedek Jávor f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Proċedura : 2017/2705(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0590/2017
Testi mressqa :
B8-0590/2017
Testi adottati :

B8-0590/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) tal-UE

(2017/2705(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2017 intitolata "L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar" (COM(2017)0063), u 2-28 rapport għall-Istati Membri li jakkumpanjawha,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2016 intitolata "It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta' Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali" (COM(2016)0316),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" ("is-7 EAP")[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015 "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli" (A/RES/70/1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 intitolata "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli. Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà" (COM(2016)0739),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2017 intitolata "Semestru Ewropew 2017: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi "(COM(2017)0500),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 intitolat "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (COM(2017)0033),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill (O-000065/2017 – B8-0000/2017) u lill-Kummissjoni (O-000066/2012 – B8-0000/2017) dwar ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (l-EIR) tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, filwaqt li l-UE għandha leġiżlazzjoni ambjentali b'saħħitha, l-implimentazzjoni dgħajfa u difettuża tagħha hija problema dejjiema; billi dawn il-lakuni fl-implimentazzjoni jheddu l-iżvilupp sostenibbli, iħallu impatti transkonfinali ħżiena fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem, u jġibu magħhom kostijiet soċjoekonomiċi konsiderevoli; billi, barra minn hekk, il-lakuni fl-implimentazzjoni jimminaw il-kredibilità tal-UE;

B.  billi 70 % tad-dritt ambjentali tal-UE jimplimentawh l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

C.  billi l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) tal-UE u t-28 Rapport speċifiku għall-Istati Membri għal darb'oħra wrew li l-implimentazzjoni tad-dritt ambjentali fl-UE mhijiex omoġenja, iżda tvarja b'mod drammatiku kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-oqsma ambjentali differenti; jinnota, madankollu, li jeżistu oqsma problematiċi komuni fejn l-implimentazzjoni hija batuta fl-UE kollha kemm hi, u li dawn ħafna drabi jikkonċernaw l-akbar theddidiet għas-saħħa ambjentali;

D.  billi l-eżerċizzju ta' rappurtar ta' kull sentejn huwa importanti ħafna biex jagħti stampa tas-sitwazzjoni reali tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri, iżda jkun importanti wkoll li jsir monitoraġġ regolari;

E.  billi l-EIR tindirizza partijiet importanti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, iżda jeħtieġilha titwessa' ulterjorment biex tippermetti l-provvediment ta' soluzzjonijiet aktar sistematiċi għall-isfidi mqajma mill-iżvilupp ambjentali sostenibbli;

F.  billi l-EIR għandha tkun strument transettorjali, li jkun kapaċi jevalwa l-impatti ambjentali f'oqsma oħrajn bħalma huma l-agrikoltura, is-sajd, l-industrija, it-trasport, il-forestrija u l-politiki reġjonali inġenerali;

G.  billi l-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tikseb komparabbiltà aħjar tad-data li tintuża fil-valutazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-Istati Membri; billi d-differenzi bejn id-data miġbura fi Stati Membri differenti jirrappreżentaw ostaklu importanti għall-komparabbiltà tagħha, u fl-aħħar mill-aħħar għall-valutazzjoni nfisha;

H.  billi huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti kollha jkunu involuti fl-EIR, b'mod konsistenti mar-realtà istituzzjonali tal-Istati Membri; billi, b'mod partikolari, huwa importanti li jiġi enfasizzat li f'xi Stati Membri r-reġjuni għandhom kompetenza sħiħa fil-qasam tal-leġiżlazzjoni ambjentali;

I.  billi l-EIR hija għodda għalkollox komplementari għal strumenti oħra li jiffokaw fuq implimentazzjoni aħjar, bħall-IMPEL (in-Netwerk Ewropew għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali) u l-proġett "Make it Work";

J.  billi l-EIR għandha titqies bħala strument għal diskussjoni politika, b'mod partikolari fil-livell ministerjali, u mhux biss bħala għodda teknika;

L-importanza u l-kuntest tal-EIR

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tintroduċi EIR u jirrikonoxxi l-potenzjal enormi tagħha, jekk tingħata l-importanza politika li jistħoqqilha u tkun għalkollox trasparenti; jirrimarka li l-EIR għandha l-potenzjal li l-problemi ta' implimentazzjoni tagħtihom prominenza fl-aġenda politika, li sservi bħala mekkaniżmu ta' "twissija bikrija" għal min jieħu d-deċiżjonijiet, u fl-aħħar mill-aħħar, li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali tal-Ewropa;

2.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew talab, f'diversi okkażjonijiet, li l-Kummissjoni jkollha rwol aktar proattiv fil-monitoraġġ, il-gwida u l-appoġġ rigward l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali, eż. b'rabta mad-Direttivi dwar in-Natura; iqis li l-Kummissjoni għandha taġixxi b'mod deċiżiv f'każijiet ta' ksur, billi tuża b'mod attiv il-miżuri leġiżlattivi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha;

3.  Jappoġġja l-approċċ transettorjali, b'bosta partijiet interessati u olistiku adottat mill-Kummissjoni, li huwa kruċjali biex isiru bidliet fil-prattika; jilqa' l-fatt li l-EIR tidentifika l-għeruq tal-implimentazzjoni batuta u tissuġġerixxi miżuri biex dawk l-isfidi jiġu indirizzati b'mod kostruttiv;

4.  Iqis li l-EIR jenħtieġ li tkun waħda mill-għodod li jintużaw biex tinħoloq koerenza akbar mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u għall-evalwazzjoni tal-progress imwettaq mill-Istati Membri u mill-Unjoni lejn it-twettiq tal-SDGs rilevanti mil-lat ambejntali; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tkompli tidentifika kif l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE wkoll iġġib 'il quddiem dik tal-SDGs rilevanti u l-ilħiq ta' indikaturi u miri speċifiċi tal-SDGs min-naħa tal-Istati Membri;

5.  Jirrikonoxxi li l-EIR tista' sservi wkoll bħala għodda ta' prevenzjoni u b'hekk tista' tnaqqas l-għadd ta' proċeduri ta' ksur; jenfasizza, madankollu, li l-EIR m'għandhiex tissostitwixxi jew iddewwem azzjonijiet neċessarji min-naħa tal-Kummissjoni rigward każijiet ta' ksur;

Kif tista' tissaħħaħ l-EIR u jitwettqu riżultati aħjar

6.  Jilqa' l-fatt li l-EIR tkopri l-maġġoranza tal-objettivi tematiċi tas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (is-7 EAP); jiddispjaċih, madankollu, li oqsma importanti bħat-tibdil fil-klima, miżuri tal-effiċjenza enerġetika u tal-iffrankar tal-enerġija, is-sustanzi kimiċi u l-emissjonijiet industrijali, kif ukoll ċerti sfidi sistemiċi u ambjentali marbuta mal-politiki tal-enerġija, tat-trasport, tal-prodotti u tar-reġjuni ma ġewx koperti, u jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li dawn ikunu inklużi f'verżjonijiet futuri; jirrimarka li d-data eżistenti diġà ppubblikata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent setgħet ippermettiet tal-anqas analiżi preliminari tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, tal-miżuri ta' effiċjenza enerġetika u tal-iffrankar tal-enerġija, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri;

7.  Jiddispjaċih, barra minn hekk, dwar il-fatt li ma ġewx indirizzati kwistjonijiet ewlenin bħar-resdiwi tal-ormoni u tal-mediċini fl-ilma mormi, fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma tal-pjan, u l-effetti tagħhom fuq l-ilma tax-xorb, fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq il-bijodiversità u fuq l-ambjent (akkwatiku), u jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li dawn ikunu inklużi f'verżjonijiet futuri;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, fil-livell globali, u s-7 EAP, fil-livell tal-UE, joħolqu qafas għal politiki ambjentali progressivi;

9.  Iqis li rabta aktar qawwija bejn l-EIR u s-Semestru Ewropew tkun ta' benefiċċju għall-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni;

10.  Jissottolinja li d-disponibbiltà limitata ta' data tista' twassal għal lakuni fl-implimentazzjoni u għal diffikultajiet b'rabta mal-analiżi tal-implimentazzjoni;

11.  Jenfasizza l-importanza tal-armonizzazzjoni tad-data u taċ-ċikli ta' rappurtar għas-simplifikazzjoni tal-proċessi ta' analiżi futuri; jitlob li l-Kummissjoni żżid il-komparabbiltà tad-data u tinkludi fl-EIRs futuri taqsima speċifika li tivvaluta l-kwalità tar-rappurtar u tad-data pprovduti mill-Istati Membri skont id-direttivi differenti; jissottolinja l-importanza ta' kondiviżjoni elettronika sikura tad-data sabiex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar mill-Istati Membri;

12.  Jenfasizza l-importanza li l-valutazzjoni kwalitattiva tiġi appoġġjata b'miri kwantitattivi; iqis f'dan il-kuntest, li kooperazzjoni aħjar mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tkun ta' għajnuna fl-iżvilupp ta' indikaturi adegwati;

13.  Jenfasizza li l-EIR għandha tqis u tivvaluta kull problema serja u kull għan kunfliġġenti possibbli bejn il-politiki ambjentali u politiki settorjali oħra, filwaqt li tirrileva n-nuqqasijiet ta' allinjament kull fejn jiġu identifikati, u tfassal proposti biex dawn jiġu korretti;

14.  Jemmen li għandu jkun hemm anqas marġini għal diskrezzjoni min-naħa tal-Istati Membri biex jinstabu soluzzjonijiet għal implimentazzjoni aħjar;

Modi kif tista' tittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali

15.  Jissottolinja li n-nuqqas ta' integrazzjoni ta' kwistjonijiet ambjentali f'oqsma ta' politika oħrajn huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tal-lakuni fl-implimentazzjoni fil-qasam tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali;

16.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni tad-dritt ambjentali tista' tittejjeb permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni ambjentali f'oqsma ta' politika oħra, kif ukoll permezz tal-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' prekawzjoni;

17.  Jemmen li n-nuqqas ta' kapaċità amministrattiva u n-nuqqas ta' governanza, li huma tnejn mill-kawżi ewlenin ta' implimentazzjoni difettuża, huma parzjalment dovuti kemm għal nuqqas ta' finanzjament adegwat kif ukoll għal użu ineffiċjenti tal-fondi disponibbli min-naħa tal-Istati Membri, u jistieden lil dawn tal-aħħar jagħmlu titjib f'dan ir-rigward;

18.  Jemmen li, għal raġunijiet ta' governanza tajba u soda u ta' effikaċja mtejba, huwa essenzjali li jkun hemm sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha u trasparenza ta' dawn l-awtoritajiet, tqassim ċar tar-responsabbiltajiet, allokazzjoni ta' riżorsi adegwati, tisħiħ tal-kapaċitajiet u mekkaniżmi ta' koordinament aħjar;

19.  Huwa tal-fehma li l-użu ta' strumenti tas-suq mill-Istati Membri, bħal politika fiskali bbażata fuq il-prinċipju ta' ''min iniġġes iħallas'', huwa għodda effikaċi u effiċjenti biex jintlaħaq l-għan ta' implimentazzjoni sħiħa tal-politika ambjentali;

20.  Jappoġġja bis-sħiħ l-enfasi li tagħmel l-EIR fuq l-iskambju tal-aħjar prattiki u r-rieżamijiet bejn il-pari, u jqis li dan jista' jgħin lill-Istati Membri li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali sabiex isibu soluzzjonijiet innovattivi; jinsab konvint, f'dan il-kuntest, li linji gwida mill-Kummissjoni jkunu ta' għajnuna;

21.  Iqis li l-EIR għandha tinkludi skedi ta' żmien ċari u stretti stabbiliti mill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni tad-dritt ambjentali fl-Istati Membri;

22.  Jemmen li l-EIR tista' tintuża wkoll bħala għodda biex tingħata informazzjoni lill-pubbliku, tinħoloq sensibilizzazzjoni, jitqawwa l-involviment tas-soċjetà ċivili u jissaħħu l-involviment tal-pubbliku u l-edukazzjoni fir-rigward tal-politika ambjentali, b'benefiċċji għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini; jitlob li l-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżviluppa ġabra ta' miżuri biex tivvaluta l-progress miksub fil-prestazzjoni ambjentali mill-Istati Membri, inklużi valutazzjonijiet komparattivi tal-aħjar prattiki u rapporti tat-tabelli ta' valutazzjoni, li għandhom jiġu aġġornati u ppubblikati fuq bażi regolari biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli għall-pubbliku;

23.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-assigurazzjoni tal-konformità, anke billi jtejbu u jintensifikaw l-isforzi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;

24.  Jenfasizza li l-NGOs u l-pubbliku inġenerali jista' jkollhom ukoll rwol importanti fil-promozzjoni ta' implimentazzjoni aħjar, u b'hekk iħarsu l-istat tad-dritt fejn ikun disponibbli aċċess effikaċi għall-ġustizzja;

25.  Jitlob li l-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali sabiex tħaffef l-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-istandards ambjentali;

26.  Jitlob li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-governanza tajba u l-assigurazzjoni tal-konformità, tressaq proposta leġiżlattiva ġdida dwar standards minimi għall-aċċess għar-rieżami ġudizzjarju, u tipproponi r-reviżjoni tar-Regolament ta' Aarhus li jimplimenta l-Konvenzjoni għal azzjoni tal-Unjoni, bil-għan li titqies ir-rakkomandazzjoni riċenti tal-Kumitat ta' Konformità tal-Konvenzjoni ta' Aarhus;

Ir-rwol tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE fis-segwitu għall-EIR

27.  Jitlob li l-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fl-EIR mingħajr dewmien; jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; jitlob li l-Istati Membri jinvolvu bis-sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jħeġġuhom jinvolvu ruħhom iżjed fin-netwerk IMPEL, u jippromwovu l-involviment ta' esperti lokali u reġjonali sabiex itejbu l-iskambju ta' data, għarfien u l-aħjar prattiki bħala kwistjoni ta' urġenza;

28.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu l-ġbir tad-data u d-disponibbiltà tal-informazzjoni, it-tixrid tal-aħjar prattiki u l-involviment taċ-ċittadini, u jikkunsidraw jinvolvu ferm aktar lill-awtoritajiet lokali fil-proċess ta' definizzjoni tal-politika ambjentali;

29.  Jitlob li l-awtoritajiet kompetenti fil-livell rilevanti fl-Istati Membri jiżguraw li jiġu organizzati djalogi miftuħa u inklużivi dwar l-implimentazzjoni, b'għoti ta' informazzjoni adegwata lill-pubbliku u lill-atturi tas-soċjetà ċivili u bl-involviment tagħhom, u jitlob li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha f'dawk id-djalogi u żżomm lill-Parlament infurmat;

30.  Jilqa' l-proposti ta' politika tal-Kummissjoni dwar il-qafas iddedikat għad-djalogu strutturat dwar l-implimentazzjoni, iżda jqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li dan il-proċess ikun wieħed trasparenti u jinvolvi lill-NGOs rilevanti u lill-partijiet interessati ewlenin;

31.  Jilqa' d-diskussjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati fil-Grupp ta' Esperti "Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew", iżda jqis li l-involviment ta' Grupp ta' Esperti speċifiku għall-implimentazzjoni ambjentali jista' jiffaċilita djalogu strutturat dwar l-implimentazzjoni b'mod addizzjonali għad-djalogi nazzjonali bilaterali;

32.  Iħeġġeġ li l-kwistjoni tal-implimentazzjoni għandha tidher bħala punt rikorrenti fil-programmi u l-prijoritajiet tat-triju ta' presidenzi, tiġi diskussa fil-Kunsill Ambjent tal-anqas darba fis-sena, possibbilment permezz ta' Kunsill ta' Implimentazzjoni ddedikat, u li dan jiġi kkumplementat minn forum ieħor li fih jiġu involuti wkoll il-Parlament u l-Kumitat tar-Reġjuni; jitlob li jsiru laqgħat konġunti tal-Kunsill biex jindirizzaw l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet transsettorjali u orizzontali, sfidi komuni, kif ukoll kwistjonijiet emerġenti b'impatti transfruntiera possibbli;

°

°  °

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.