MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-difiża tal-Insara persegwitati fil-pajjiżi b'maġġoranza Musulmana
9.11.2017
Lorenzo Fontana
B8-0599/2017
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-difiża tal-Insara persegwitati fil-pajjiżi b'maġġoranza Musulmana
Il-Parlament Ewropew,
– – wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fi ħdax minn fost il-pajjiżi taħt osservazzjoni tar-rapport "Perseguitati e Dimenticati" (Persegwitati u Minsija) tal-Fondazzjoni Pontifiċja "Aiuto alla Chiesa che sofre" (ACS - Għajnuna lill-Knisja li qiegħda ssofri), bejn nofs l-2015 u nofs l-2017, il-qagħda tal-Insara persegwitati marret għall-agħar meta mqabbla mas-sentejn preċedenti, li diġà kienet f'qagħda ferm ħażina;
B. billi fost it-theddid prinċipali għall-inkolumità tal-Insara fid-dinja hemm l-azzjoni vjolenti tal-gruppi estremisti Iżlamiċi;
C. billi bosta pajjiżi bi tmexxija Iżlamika jadottaw il-liġi dwar il-blasfemija, li tmur għalkollox kontra l-kostituzzjonijiet demokratiċi moderni u kontra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li tiggarantixxi lill-individwi kollha l-libertà ta' reliġjon;
1. Jenfasizza l-bżonn, ikkonfermat miċ-ċifri, li terġa' titnieda b'mod effettiv l-azzjoni internazzjonali għad-difiża u għall-ħarsien tal-Insara persegwitati;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal programmi għad-difiża tal-Insara persegwitati intortament fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom u tkun promotur internazzjonali tal-libertà reliġjuża;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex, fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, jippromwovu l-libertà reliġjuża tal-Insara fil-pajjiżi Iżlamiċi.