Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0649/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0649/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

22.11.2017 - (2017/2849(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0649/2017

Proċedura : 2017/2849(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0649/2017

B8‑0649/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

(2017/2849(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, fosthom dik tal-15 ta' Ġunju 2017[1],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2216, 2266, u 2342 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, u d-dikjarazzjoni tal-President tal-KSNU tad-9 ta' Awwissu 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, is-Somalja, is-Sudan t'Isfel u l-Grigal tan-Niġerja;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Lulju 2017 ta' dak li kien is-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji, Stephen O'Brien, quddiem il-KSNU;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati tal-25 ta' Mejju 2000,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar Ċerti Armi Konvenzjonali tal-10 ta' Ottubru 1980;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tat-18 ta' Settembru 1997 fuq il-projbizzjoni tal-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni bbażati fuq ir-Reliġjon jew it-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, li saret f'Ġinevra, l-Iżvizzera, fil-25 ta' April 2017;

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Settembru 2017 li jiġu investigati l-allegazzjonijiet kollha ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen matul il-kunflitt;

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/628 tat-3 ta' April 2017 li jimplimenta l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen[2];

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Jemen jinsab devastat wara aktar ta' sentejn ta' gwerra, li bdiet meta r-ribelli Houthi – appoġġjati mill-Iran – ħatfu l-belt kapitali Sana'a u waqqgħu l-gvern tal-President Abd-Rabbu Mansour Hadi; billi fl-2015 ġiet iffurmata koalizzjoni multinazzjonali, immexxija mill-Arabja Sawdija, biex tiġġieled ir-ribelli u t-truppi tal-armata alleati magħhom; billi, b'konsegwenza ta' dan, il-kunflitt żviluppa fi "gwerra bi prokura" qalila bejn tnejn mill-akbar żewġ potenzi tar-reġjun;

B.  billi l-ġlied ħalla madwar 20 miljun persuna Jemenita – madwar 70 % tal-popolazzjoni – fi bżonn ta' assistenza umanitarja; billi l-gwerra wasslet ukoll għall-ispostament intern ta' aktar minn żewġ miljun persuna, il-qerda tal-infrastruttura, il-kollass tal-ekonomija tal-Jemen, u l-interruzzjoni tal-aċċess għall-prodotti bażiċi u l-provvista tal-utilitajiet, l-infrastrutturi sanitarji u l-ilma nadif u tajjeb għax-xorb;

C.  billi l-gwerra wasslet għall-mewt ta' aktar minn 10 000 ruħ – il-biċċa l-kbira minnhom persuni ċivili – filwaqt li eluf oħrajn sfaw midruba; billi t-tifqigħa tal-kolera li kien hemm dan l-aħħar laqtet aktar minn 700 000 persuna u kkawżat il-mewt ta' aktar minn 2 000 ruħ wara li fl-attakki mill-ajru nqerdu s-sistemi sanitarji tal-ilma;

D.  billi, skont in-NU, seba' miljun persuna, inklużi tfal taħt il-ħames snin – fosthom 2.3 miljuni fi stat ta' malnutrizzjoni u 500 000 fi stat ta' malnutrizzjoni severa – qegħdin f'xifer karestija u huma vulnerabbli għall-mard;

E.  billi s-sistema tas-saħħa fil-Jemen ikkollassat, minħabba l-ħsara kkawżata waqt il-gwerra jew minħabba nuqqas ta' fondi;

F.  billi l-gwerra toriġina mill-fatt li, wieħed wara l-ieħor, gvernijiet differenti naqsu milli jissodisfaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi, ekonomiċi u soċjali tal-poplu Jemenit, u b'hekk żiedu l-iskuntentizza, il-firda u l-vjolenza;

G.  billi, f'Settembru 2017, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU qabel li jiġu investigati l-allegati abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen mill-partijiet kollha;

H.  billi l-gwerra fil-Jemen ħolqot possibbiltajiet għall-gruppi estremisti – fosthom Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija – biex iwessgħu l-azzjoni tagħhom, u dan qed jhedded ir-reġjun kollu kemm hu;

I.  billi l-forzi fuq iż-żewġ naħat fil-gwerra ġew akkużati li użaw armi tqal f'inħawi mibnija, inkluż f'attakki fuq sptarijiet, bini ċivili u strutturi mhux militari oħra;

J.  billi għexieren ta' attakki mill-ajru mmexxija mill-Arabja Sawdija kienu responsabbli għall-qtil u l-feriment indiskriminat jew sproporzjonat ta' persuni ċivili bi ksur tal-liġijiet tal-gwerra, anke permezz ta' munizzjon dispersiv li huwa pprojbit internazzjonalment;

K.  billi 1 600 skola nqerdu parzjalment jew totalment matul il-gwerra, waħda minn kull għaxar skejjel ġew imġiegħla jagħlqu, madwar żewġ miljun tifel u tifla ma jmorrux skola, u tliet kwarti tal-għalliema ilhom sena sħiħ ma jitħallsu;

L.  billi l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, il-Gvern Jemenit u r-ribelli tal-moviment Houthi ġew inklużi f'abbozz ta' lista tan-NU ta' partijiet li joqtlu jew jimmankaw tfal fil-gwerra;

M.  billi t-taħditiet sponsorjati min-NU biex terġa' tirrenja l-paċi fil-Jemen intemmu mingħajr progress f'April 2016 u għaddejjin sforzi internazzjonali biex il-partijiet involuti fil-kunflitt jinġiebu lura madwar il-mejda tan-negozjati;

N.  billi fil-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, li saret f'Ġinevra f'April 2017, id-donaturi internazzjonali offrew USD 1.1 biljun;

1.  Jiddeplora l-gwerra li għaddejja fil-Jemen u l-impatt tagħha fuq irġiel, nisa u tfal innoċenti, kif ukoll fuq l-ekonomija u l-infrastruttura tal-pajjiż;

2.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu l-ġlied u jerġgħu jibdew taħditiet serji malajr kemm jista' jkun, bil-għan li jkun hemm Jemen paċifiku, pluralista u b'saħħtu fl-interess taċ-ċittadini kollha tiegħu;

3.  Jesprimi tħassib profond dwar id-devastazzjoni u d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen; jesiġi, għal darba oħra, li l-partijiet kollha fil-gwerra jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom u jippermettu t-twassil bla xkiel tal-għajnuna umanitarja, inklużi l-ikel u l-ilma, lill-popolazzjoni ċivili tal-Jemen;

4.  Ifakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt li l-persunal mediku u tal-isptarijiet huwa protett espliċitament fil-qafas tad-dritt umanitarju internazzjonali, u li l-attakki intenzjonati fuq il-popolazzjoni u l-infrastruttura ċivili jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

5.  Jappoġġja l-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex jinbdew taħditiet ta' paċi bejn il-partijiet involuti fil-kunflitt u jinġiebu fi tmiemhom il-gwerra u l-kriżi umanitarja;

6.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-ġellieda Houthi u l-alleati tagħhom li jirrifjutaw lil Ismail Ould Cheikh Ahmed bħala negozjatur tal-paċi u jemmen li l-fatt li l-partijiet ewlenin mhumiex lesti juru r-rieda tagħhom li jidħlu f'taħditiet ta' paċi jista' biss itawwal il-kunflitt u t-tbatija tal-poplu Jemenit;

7.  Jemmen li l-Arabja Sawdija u l-Iran huma strumentali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat itejbu r-relazzjonijiet bilaterali u jaħdmu flimkien biex jintemm il-ġlied fil-Jemen;

8.  Jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini tal-Jemen u ta' dawk kollha li qed jaħdmu f'missjonijiet umanitarji u ta' paċi fil-pajjiż, inklużi l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna, it-tobba u l-ġurnalisti;

9.  Jappoġġja t-talba tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, li jintemmu l-imblokki tal-forzi tal-koalizzjoni li ma ħallewx l-għajnuna umanitarja tasal bl-ajru, bil-baħar jew mill-art;

10.  Ifakkar lill-Istati Membri fir-responsabbiltajiet u l-impenji tagħhom skont it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali, inkluża r-riżoluzzjoni 2342 tal-KSNU, fil-kuntest tal-gwerra fil-Jemen;

11.  Jilqa' d-deċiżjoni li ħadu l-UE, in-NU, l-Istati Uniti u oħrajn li jimponu sanzjonijiet u miżuri restrittivi oħra fuq individwi u entitajiet konnessi mal-gwerra fil-Jemen;

12.  Jikkundanna rapporti li l-forzi Houthi u l-forzi tal-gvern u ta' dawk li jiffavorixxuh, kif ukoll gruppi armati oħra, użaw suldati tfal – madwar terz tal-ġellieda kollha fil-Jemen – u jfakkar lill-partijiet kollha fir-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġijiet u l-konvenzjonijiet internazzjonali;

13.  Jilqa' l-impenji li ttieħdu waqt il-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen u jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU biex tittaffa t-tbatija tal-poplu tal-Jemen; itenni l-appell tiegħu biex il-pajjiżi kollha jirrispettaw l-impenji li ħadu fil-konferenza tad-donaturi, bil-għan li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji;

14.  Jappoġġja bil-qawwa l-ħidma tas-Sottosegretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, Mark Lowcock – u tal-predeċessur tiegħu, Stephen O'Brien – biex tittaffa t-tbatija tal-popolazzjoni Jemenita;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Jemen, lill-Kamra tar-Rappreżentanti Jemenita u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.