Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0650/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0650/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

22.11.2017 - (2017/2849(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marietje Schaake, Izaskun Bilbao Barandica, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0649/2017

Proċedura : 2017/2849(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0650/2017

B8‑0650/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

(2017/2849(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, fosthom dawk tal-25 ta' Frar 2016[1] u tal-15 ta' Ġunju 2017[2] dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, u tad-9 ta' Lulju 2015[3] dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK [4],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015, tas-16 ta' Novembru 2015 u tat-3 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-8 ta' Ottubru 2016 dwar l-attakk fil-Jemen, tad-19 ta' Ottubru 2016 dwar il-waqfien mill-ġlied fil-Jemen u tal-21 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi tan-NU għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, tal-25 ta' April 2017, li matulha ġew imwiegħda USD 1,1 biljun biex titnaqqas diskrepanza fil-finanzjament ta' USD 2,1 biljun għall-2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Mejju 2017 tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar it-tifqigħa tal-kolera fil-Jemen, it-tieni tifqigħa f'inqas minn sena li laqtet lill-pajjiż mifni bil-gwerra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' ftuħ tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fis-36 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-11 ta' Settembru 2017; wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-19 ta' Settembru u tas-7 ta' Novembru 2017 ta' Rupert Colville, il-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Settembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inklużi l-ksur u l-abbużi minn Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet presidenzjali maħruġa mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-15 ta' Ġunju 2017 li appellaw lill-partijiet fil-Jemen biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fi sforz in bona fede favur riżoluzzjoni tal-kunflitt, u fid-9 ta' Awwissu 2017 dwar it-theddida tal-karestija fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/HRC/36/L.8, adottata fid-29 ta' Settembru 2017 fis-36 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li appellat lill-Kummissarju Għoli biex jistabbilixxi Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali bil-mandat li jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jwettqu eżami komprensiv tal-allegati ksur u abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u ta' oqsma rilevanti u applikabbli oħra tad-dritt internazzjonali mwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt minn Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Awwissu 2017 tas-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, Stephen O'Brien, lill-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-ittra konġunta tal-NGOs lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u l-Istati Osservaturi tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2342 (2017), 2266 (2016) 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, tat-30 ta' Jannar, tat-12 ta' Lulju, tad-19 ta' Awwissu u tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minkejja pressjoni internazzjonali biex tinstab soluzzjoni politika stabbli u inklużiva għall-kriżi, il-partijiet f'kunflitt u s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, inklużi l-Arabja Sawdija u l-Iran, naqsu milli jilħqu ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew xi tip ta' ftehim u l-ġlied u l-bumbardamenti indiskriminati qed ikomplu bla waqfien; billi l-ebda naħa ma kisbet rebħa militari u billi mhuwiex probabbli li xi naħa minnhom tagħmel dan fil-ġejjieni; billi soluzzjoni politika għall-kunflitt taħt il-patroċinju tal-inizjattiva għall-paċi tan-NU fil-Jemen għandha tkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali inġenerali;

B.  billi fil-passat l-Arabja Sawdija ma ħallietx li konsenji ta' għajnuna jaslu l-Jemen billi mblukkat il-portijiet u l-ajruporti tiegħu; billi mis-6 ta' Novembru 2017 l-Arabja Sawdija kompliet timblokka l-portijiet kollha ta' dħul fil-Jemen, u b'hekk caħħdet lil miljuni ta' nies mill-konsenji ta' ikel u għajnuna tant meħtieġa; billi aktar minn 20 miljun Jemenit, li jirrappreżentaw 'il fuq minn 70 % tal-popolazzjoni totali, huma fi bżonn ta' konsenji ta' għajnuna biex jibqgħu ħajjin; billi l-aġenziji tal-għajnuna wissew li, jekk l-imblokk ma jitneħħiex, il-Jemen se jiffaċċja l-akbar karestija li rat id-dinja għal għexieren ta' snin, b'miljuni ta' vittmi;

C.  billi abbozz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sponsorjat min-Netherlands u mill-Kanada li jitlob kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga l-atroċitajiet li għaddejjin ġie mdgħajjef wara pressjoni mill-Arabja Sawdija, ir-Renju Unit, Franza u l-Istati Uniti;

D.  billi, skont in-NU, aktar minn 8 000 ruħ, li 60 % minnhom kienu ċivili, inqatlu u aktar minn 50 000 indarbu, fosthom numru kbir ta' tfal, f'attakki mill-ajru u ġlied fuq l-art minn meta l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija intervjeniet fil-gwerra ċivili tal-Jemen f'Marzu 2015; billi l-ġlied, kemm fuq l-art kif ukoll fl-ajru, għamilha impossibbli għall-ooservaturi fuq il-post tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li jaċċessaw iż-żona biex jivverifikaw n-numru ta' vittmi ċivili; billi dawn iċ-ċifri għalhekk jirriflettu biss l-imwiet u l-midruba li l-OHCHR rnexxielu jikkorrobora u jikkonferma;

E.  billi, minħabba l-kriżi gravi attwali tas-sikurezza alimentari u tal-epidemija tal-kolera, kull dewmien fl-istabbiliment mill-ġdid u fl-espansjoni tal-aċċess umanitarju ser jiswa eluf ta' ħajjiet u jaggrava d-diżastru umanitarju li qed iseħħ fil-Jemen kollu;

F.  billi l-għadd ta' vittmi ċivili qed ikompli jiżdied; billi ż-żewġ naħat f'dan il-kunflitt ikkontribwew għall-kontinwazzjoni tal-vjolenza; billi l-attakki mill-ajru għadhom qed jikkawżaw impatt devastanti primarjament fuq persuni u infrastrutturi ċivili fil-kunflitt; billi bosta vittmi ċivili fil-Jemen ġew ikkaġunati mill-gruppi armati tal-Houthis u l-forzi affiljati tagħhom, inklużi l-forzi pro-Saleh, anke bl-użu ta' munizzjonijiet kontra l-inġenji tal-ajru li joqtlu u jimmankaw persuni ċivili hekk kif jisplodu wara li jinżlu f'żoni popolati; billi, f'diversi okkażjonijiet, attakki mill-ajru u bumbardamenti indiskriminati mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija qatlu lil ċivili, inklużi tfal, bi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;

G.  billi l-kaos u l-vjolenza kontinwi wasslu għat-tkabbir rapidu tal-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) kif ukoll tal-ISIS/Daesh u ppermettew li jissaħħu aktar u jwettqu attakki aktar frekwenti u dejjem aktar mortali; billi ż-żewġ gruppi terroristiċi jikkontrollaw it-territorju fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Jemen u wettqu attakki devastanti fil-pajjiż kollu;

H.  billi l-attakki fuq infrastrutturi u l-qerda tagħhom, inklużi skejjel, sptarijiet, faċilitajiet tal-ilma u impjanti tal-enerġija, min-naħa tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija ħarrxu l-problemi umanitarji li jkollhom jiffaċċjaw iċ-ċivili Jemeniti; billi anqas minn 45 % tal-faċilitajiet mediċi fil-Jemen jistgħu joperaw; billi dawn l-attakki fuq infrastruttura ċivili jirrappreżentaw delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; billi l-Houthis u gruppi tal-alleati, inklużi l-forzi pro-Saleh, ġew akkużati bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki indiskriminati u sproporzjonati, kif ukoll li wettqu attakki minn żoni qrib skejjel u sptarijiet, biex b'hekk ipperikolaw lil ċivili fl-inħawi;

I.  billi minn Jannar 2017 kien hemm żieda drammatika fl-operazzjonijiet letali extraterritorjali fil-Jemen imwettqa mill-Istati Uniti, b'tal-anqas 115-il attakk ikkonfermati; billi diversi persuni, inklużi nisa, tfal u anzjani, inqatlu, indarbu jew ġew trawmatizzati serjament minn tali operazzjonijiet letali kontra t-terroriżmu, u billi tqajmu preokkupazzjonijiet li tali operazzjonijiet jiksru l-prinċipji stabbiliti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi hemm ħtieġa urġenti ta' investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar tali operazzjonijiet letali mwettqa minn forzi tal-koalizzjoni li jirriżultaw fi mwiet potenzjalment illegali abbażi tal-Protokoll ta' Minnesota; billi hemm evidenza li Stati Membri tal-UE qed jipprovdu appoġġ kemm dirett kif ukoll indirett għal tali operazzjonijiet letali permezz ta' intelligence u appoġġ operazzjonali ieħor;

J.  billi l-biċċa l-kbira tal-attakki mwettqa mill-forzi tal-Istati Uniti fil-Jemen huma attakki bid-drones; billi d-deċiżjoni biex ċerti individwi jiżdiedu fil-lista ta' bersalji tal-operazzjonijiet bid-drones spiss tittieħed mingħajr mandati tal-qorti jew inġunzjonijiet; billi l-attakki fuq, u l-qtil sussegwenti ta', ċerti individwi jitwettqu mingħajr proċess ġust u għalhekk, taħt dawn iċ-ċirkustanzi, jistgħu jitqiesu bħala qtil extraġudizzjarju;

K.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen laħqet livell bla preċedent; billi sa Settembru 2017 kien hemm 2,9 miljun persuna spostata internament; billi, skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji, sa Settembru 2017 kien hemm 20,7 miljun ruħ fi bżonn ta' assistenza alimentari, b'"9,8 miljun ruħ [...] fi bżonn urġenti u [jeħtieġu] assistenza immedjata biex isalvaw jew isostnu ruħhom"; billi aktar minn 7 miljun ruħ jinsabu f'xifer il-karestija;

L.  billi l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) jirrapporta li, sal-10 ta' Settembru 2017, it-total kumulattiv ta' każijiet issuspettati ta' kolera kien ta' 652 542, b'2 066 mewta assoċjata; billi huwa diffiċli li jiġi aċċertat b'eżattezza in-numru veru ta' każijiet ta' kolera peress li hemm aċċess limitat għal ħafna reġjuni u ħafna pazjenti ssuspettati li għandhom il-kolera jiġu ttrattati qabel ma jiġu dijanjostikati kompletament;

M.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrapporta li "aktar minn nofs il-faċilitajiet tas-saħħa kollha għalqu minħabba ħsara, qerda jew nuqqas ta' fondi" u li hemm nuqqas serju ta' provvisti mediċi; billi 30 000 ħaddiem tas-saħħa essenzjali ilhom ma jitħallsu 'l fuq minn sena;

N.  billi l-iskarsezza ta' fuel qed tirriżulta fi skarsezza dejjem akbar ta' ilma nadif; billi mingħajr elettriku u enerġija, l-isptarijiet mhumiex mgħammra sew biex jikkumbattu l-epidemija tal-kolera li qed tinfirex rapidament minħabba n-nuqqas ta' ilma tax-xorb sikur u ta' serviziz tas-sanità; billi l-kriżi tal-malnutrizzjoni laħqet livelli enormi;

O.  billi l-edukazzjoni ta' 2 miljun tifel u tifla waqfet għalkollox skont il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF); billi skont l-OCHA, "aktar minn 1 700 skola fil-preżent mhumiex f'qagħda li jintużaw minħabba ħsarat relatati mal-kunflitt, minħabba li qed jospitaw lil persuni spostati internament, jew minħabba li huma okkupati minn gruppi armati"; billi ġew iddokumentati każijiet ta' reklutaġġ u użu ta' tfal biex jiġġieldu jew iwettqu kompiti militari; billi eluf ta' għalliema, wara li ma tħallsux għal aktar minn sena, ma kellhomx għażla oħra għajr li jitilqu minn xogħolhom biex isibu mezz ta' dħul ieħor; billi, minħabba l-qerda ta' infrastruttura kritika, huwa diffiċli li jintlaħqu l-perċentwal żgħir ta' skejjel li għadhom qed jiffunzjonaw;

P.  billi l-kunflitt li għaddej jhedded l-istabbiltà tar-reġjun sħiħ, inkluż il-Qarn tal-Afrika, reġjun li diġà huwa instabbli; billi Jemen stabbli u sikur, bi gvern li jiffunzjona sew, huwa kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

Q.  billi l-ġurnalisti qed jiġu mblukkati ripetutament milli jidħlu fil-Jemen, l-aktar mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, anke billi jiġu pprojbiti minn titjiriet ta' għajnuna tan-NU lejn il-kapitali kkontrollata mir-ribelli Houthis, Sana'a;

R.  billi xi Stati Membri tal-UE, b'mod partikolari r-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja, komplew jawtorizzaw trasferimenti ta' armi lill-Arabja Sawdija wara l-eskalazzjoni tal-kunflitt; billi ġie rrapportat li l-armamenti tagħhom intużaw biex jibbumbardjaw lil ċivili u bersalji ċivili fil-Jemen b'mod indiskriminat; billi, f'każijiet bħal dawn, il-bejgħ tal-armi huwa ksur tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, li teskludi b'mod espliċitu l-awtorizzazzjoni ta' liċenzji tal-armi mill-Istati Membri jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari esportat jistgħu jintużaw biex jinkiser id-dritt umanitarju internazzjonali u biex jiġu kompromessi l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali; billi dawn l-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija lanqas jikkonformaw għall-inqas mal-kriterju 2 rigward l-involviment tal-pajjiż fi ksur serju tad-dritt umanitarju, kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tan-NU; billi fis-26 ta' Frar 2016 il-Parlament enfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi impost embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija; billi sanzjonijiet immirati kontra mexxejja tal-Houthis ilhom fis-seħħ mill-2014;

S.  billi, mill-bidu tal-kunflitt fl-2015, l-UE pprovdiet EUR 171 miljun f'għajnuna umanitarja u għajnuna li ssalva l-ħajja; billi ġew allokati EUR 121,7 miljun oħra lill-Jemen; billi l-Pjan ta' Rispons Umanitarju għall-Jemen (YHRP) jammonta għal USD 2,3 biljun u jgħin lil 12-il miljun ruħ; billi, sal-20 ta' Ottubru 2017, 55,8 % biss tal-pjan kien iffinanzjat;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li għaddejja fil-Jemen u l-attakki kollha kontra ċivili u infrastruttura ċivili; jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-kunflitt li possibbilment isir waħda mill-kriżijiet umanitarji, politiċi u ekonomiċi l-aktar gravi ta' żminijietna; ifakkar lill-partijiet involuti kollha, inklużi s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, li l-attakki deliberati fuq ċivili u infrastruttura ċivili, inklużi l-isptarijiet u l-persunal mediku, jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali;

2.  Itenni li soluzzjoni għall-kunflitt kienet, u tibqa', waħda politika u li l-attur veri fil-post biss, bl-esklużjoni tal-gruppi terroristiċi, jistgħu jsolvu b'mod paċifiku d-differenzi u l-kawżi ewlenin tal-kunflitt; huwa kosternat minħabba d-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja, li se tkompli tiddeterjora fin-nuqqas ta' soluzzjoni politika; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tieħu provvedimenti għall-prosekuzzjoni kriminali internazzjonali tal-persuni responsabbli għal ksur tad-dritt internazzjonali mwettaq fil-Jemen;

3.  Jitlob b'insistenza li l-Arabja Sawdija tneħħi minnufih u kompletament l-imblokk u tiftaħ il-portijiet kollha ta' dħul għall-Jemen, u tippermetti aċċess umanitarju bla xkiel u kontinwu għall-miljuni ta' persuni fil-bżonn; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jaħdmu għal waqfien immedjat mill-ġlied u jerġgħu lura għall-mejda tan-negozjati; jistieden lill-istati involuti kollha, b'mod partikolari lill-Arabja Sawdija u lill-Iran, biex jagħmlu l-akbar pressjoni possibbli fuq il-partijiet kollha fil-kunflitt biex jaħdmu favur deeskalazzjoni tal-kunflitt u soluzzjoni politika għall-kunflitt; jistieden lill-Iran jieqaf minnufih milli jipprovdi appoġġ politiku u finanzjarju lill-forzi tal-Houthis fil-Jemen, kemm direttament jew permezz ta' intermedjarji;

4.  Joffri l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Ismail Ould Cheikh Ahmed, sabiex tinstab soluzzjoni politika; jappoġġja l-isforzi kollha biex l-ostilitajiet jieqfu u huwa lest jappoġġja inizjattivi ġodda bl-għan li jittaffew it-tensjonijiet u biex finalment iwasslu għal ftehim negozjat li jirrispetta l-indipendenza u s-sovranità tal-Jemen filwaqt li jimplimenta minnufih u bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet kollha tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU; jitlob li d-djalogu jitwessa' għal-livell reġjonali u li l-atturi tas-soċjetà ċivili jiġu inklużi sabiex jiġi żgurat proċess ta' paċi inklużiv; ifakkar lill-partijiet li r-rikostruzzjoni futura tal-Jemen se tkun ir-responsabbiltà tal-atturi kollha; jirrikonoxxi l-importanza li n-nisa jiġu inklużi b'mod sinifikanti matul dan il-proċess;

5.  Ifakkar lill-partijiet involuti kollha li l-kaos u l-instabbiltà kontinwi maħluqa mill-kunflitt armat mhux internazzjonali u l-kollass tal-armata jsaħħu lill-gruppi estremisti bħall-AQAP u l-ISIS/Daesh; itenni l-impenn tal-UE li topponi l-gruppi estremisti u l-ideoloġiji tagħhom u jisħaq fuq il-bżonn li l-partijiet fir-reġjun jagħmlu l-istess;

6.  Jikkundanna l-intensifikazzjoni tal-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fuq dawn il-bersalji u n-numru konsegwenti ta' vittmi ċivili, inklużi tfal; jikkundanna l-attakki indiskriminati simili mill-Houthis u l-forzi alleati li wasslu għall-mewt ta' ċivili u l-użu ta' sptarijiet u skejjel minn dawn il-gruppi bħala bażijiet biex iwettqu l-attakki tagħhom minnhom;

7.  Jistieden lin-naħat kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex jiżguraw li ċ-ċivili jiġu protetti, u biex ma jibqgħux jattakkaw infrastruttura ċivili, b'mod partikolari faċilitajiet mediċi u sistemi tal-ilma;

8.  Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex jistabbilixxu mekkaniżmi internazzjonali biex tinġabar evidenza u biex dawk li wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali jinżammu responsabbli, inkluż il-ksur relatat ma' vjolenza sesswali u vjolenza oħra kontra n-nisa, l-irġiel, it-tfajliet u s-subien; jitlob li jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta internazzjonali b'mandat tal-UE li jiddokumenta u jinvestiga tali ksur; jiddeplora l-fatt li ġew imblukkati sforzi biex issir inkjesta indipendenti;

9.  Jiddeplora ż-żieda qawwija fl-operazzjonijiet letali kontra t-terroriżmu fil-Jemen; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jopponu l-qtil extraġudizzjarju, itennu l-pożizzjoni tal-UE skont id-dritt internazzjonali u jiżguraw li l-Istati Membri ma jwettqux, ma jiffaċilitawx jew inkella ma jipparteċipawx f'operazzjonijiet letali illegali; iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lil pajjiżi terzi biex jimpenjaw ruħhom favur it-twettiq ta' investigazzjonijiet, f'konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, dwar allegazzjonijiet kredibbli ta' mwiet potenzjalment illegali u biex jadottaw il-Pożizzjoni Komuni dwar l-użu ta' Drones Armati Lil Hinn mill-Kunflitti Armati;

10.  Jistieden lill-partijiet kollha li qed iwettqu operazzjonijiet militari fil-Jemen biex iżidu s-salvagwardji tagħhom sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-ħajja ċivili; jistieden lill-Istati Uniti u lis-sħab tagħhom iqiegħdu l-programm tad-drones tagħhom taħt sorveljanza ġudizzjarja u jiżguraw li ma titwettaq ebda eżekuzzjoni permezz ta' attakki bid-drones mingħajr proċess ġust;

11.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali bil-mandat li jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jwettqu eżami komprensiv tal-allegati ksur u abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u ta' strumenti xierqa applikabbli oħra tad-dritt internazzjonali mwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt minn Marzu 2015;

12.  Jappoġġja l-appell tal-UE lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa ħalli jipprevjenu u jirrispondu għall-forom kollha ta' vjolenza, inklużi l-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru, f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tat-tfal u huwa preokkupat dwar l-aċċess limitat tat-tfal anke għal kura tas-saħħa u edukazzjoni bażiċi; jikkundanna r-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal fl-ostilitajiet, kemm mill-forzi tal-gvern kif ukoll mill-gruppi armati tal-oppożizzjoni;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja koordinata u jilqa' r-reazzjoni tal-UE li tipprovdi għajnuna umanitarja, inkluża l-mobilizzazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp biex tiffinanzja proġetti f'setturi kruċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jkomplu jappoġġjaw u jżidu l-finanzjament għall-Pjan ta' Rispons Umanitarju għall-Jemen (YHRP) tan-NU sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti; jiddeplora l-fatt li għadu jeżisti distakk fil-finanzjament għall-għajnuna umanitarja;

14.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jagħtu l-aċċess għall-pajjiż lill-ġurnalisti, b'mod partikolari fit-territorji kollha u fiż-żoni kollha ta' kunflitt fil-pajjiż; jinnota li l-imblokk impost mill-Jemen biex il-ġurnalisti ma jidħlux fil-pajjiż huwa l-kaġun tan-nuqqas ta' rappurtaġġ tal-kriżi, u dan ixekkel l-isforzi tal-ħaddiema umanitarji biex jiġbdu l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali u tad-donaturi rigward is-sitwazzjoni katastrofika;

15.  Jistieden lill-partijiet kollha biex, b'urġenza, jappoġġjaw il-ħlas immedjat tal-pagi tal-impjegati taċ-ċivil għall-ħaddiema f'servizzi bażiċi kritiċi bħas-saħħa, l-ilma, is-sanità u l-edukazzjoni;

16.  Jenfasizza li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu jindirizza b'urġenza l-emerġenza umanitarja u għandu jaħdem favur il-ħolqien ta' fiduċja bejn il-partijiet b'mod li jwassal għal negozjati politiċi; iħeġġeġ ftehim rapidu dwar l-użu ta' kontrolli addizzjonali fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU, biex b'hekk tiżdied il-kapaċità tal-portijiet kollha tal-Jemen u jkun hemm aċċess akbar għall-ajruport ta' Sana'a;

17.  Jistieden lill-pajjiżi donaturi jżidu l-pressjoni diplomatika u jħeġġu l-aċċess għall-għajnuna umanitarja, inklużi l-provvisti alimentari u mediċi, kif ukoll l-aċċess għall-ġurnalisti u l-ħaddiema kollha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja;

18.  Jistieden lill-VP/RGħ tipproponi b'urġenza strateġija integrata tal-UE għall-Jemen u ġġedded l-isforzi favur inizjattiva ta' paċi għall-Jemen taħt il-patroċinju tan-NU; jitlob, f'dan ir-rigward, li jinħatar rappreżentant speċjali tal-UE għall-Jemen;

19.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jaderixxu għal, u jippromwovu b'mod effikaċi, il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa ta' applikazzjoni stretta mill-Istati Membri kollha tar-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjonijiet ta' armi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 li fiha l-VP/RGħ ġiet imħeġġa timponi embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija; jistieden, għal darb'oħra, lill-VP/RGħ tvara inizjattiva bl-għan li jiġi impost embargo fuq l-armi fil-konfornt tal-Arabja Sawdija; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 li ttenni li l-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija mhumiex konformi tal-anqas mal-kriterju 2 rigward l-involviment tal-pajjiż fi ksur serju tad-dritt umanitarju, kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tan-NU; jistieden lill-Istati Membri kollha, f'dan ir-rigward, biex ma jibqgħux ibigħu l-armi u t-tagħmir militari lill-Arabja Sawdija;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-partijiet kollha fil-kunflitt, filwaqt li jiżgura li dan it-test jiġi tradott bl-Għarbi.