Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0651/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0651/2017

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen

    22.11.2017 - (2017/2849(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0649/2017

    Proċedura : 2017/2849(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-0651/2017

    B8‑0651/2017

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen

    (2017/2849(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Jemen li saret lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU minn Stephen O'Brien, Sottosegretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, fi New York fis-26 ta' Jannar 2017,

    –  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen li saret f'Ġinevra fil-25 ta' April 2017, u l-kummenti tal-ftuħ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU waqt dik il-konferenza,

    –  wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen lis-sessjoni miftuħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-30 ta' Mejju 2017,

    –  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tat-3 ta' April 2017,

    –  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen,

    –  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati tas-Segretarju Ġenerali tan-NU,

    –  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati, li l-Jemen hu parti tiegħu,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.  billi l-Jemen, li diġà kien l-ifqar pajjiż Għarbi, sab ruħu f'kunflitt armat ġeneralizzat fl-2015 u issa jitqies bħala l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja f'termini tal-għadd assolut ta' nies fil-bżonn, b'miljuni ta' ċittadini Jemeniti milquta minn traġedja tripla kkawżata mill-bniedem: il-kunflitt armat brutali, il-karestija u l-akbar tifqigħa tal-kolera fid-dinja f'sena waħda; billi skont il-valutazzjoni umanitarja riveduta tan-NU ta' Lulju 2017, l-għadd ta' nies li jeħtieġu għajnuna kien żdied minn 18.8 għal 20.7 miljun, ċifra ekwivalenti għal kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni totali;

    B.  billi koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija riċentement għalqet għalkollox il-fruntieri tal-Jemen biex timpedixxi it-trasferiment allegat tal-armi bil-baħar lejn il-Jemen, wara li missila sparata mill-Houthi tniżżlet qrib Riyadh; billi n-NU tispezzjona l-merkanzija li tidħol fil-pajjiż, u huwa rappurtat li l-bord li jagħmel dan ma sabx evidenza li ssostni d-dikjarazzjonijiet tal-Arabja Sawdija dwar trasferimenti; billi l-għeluq tal-fruntieri jkompli jaggrava sitwazzjoni umanitarja li diġà hija ddisprata; billi l-miżuri ta' mitigazzjoni mħabbra mill-koalizzjoni, bħall-ftuħ mill-ġdid tal-port ta' Aden, huma inadegwati biex jaqdu l-ħtiġijiet umanitarji;

    C.  billi ġew spostati aktar minn 3 miljun ruħ, li minnhom 2 miljuni għadhom f'qagħda ta' spostament prolongat, 11.3 miljun persuna jeħtieġu servizzi ta' protezzjoni, 17-il miljun jeħtieġu għajnuna f'ikel, 14.5 miljun persuna jeħtieġu l-ilma, servizzi tas-sanità u iġjene, 14.8 miljun persuna jeħtieġu aċċess għall-kura tas-saħħa, 4.5 miljuni jeħtieġu servizzi ta' nutrizzjoni ta' emerġenza u 4.5 miljun persuna jeħtieġu aċċess għal kenn u oġġetti mhux tal-ikel; billi minn mindu beda l-kunflitt, skont in-NU, mill-inqas 8,157 persuna nqatlu waqt li 44,000 ndarbu; billi minkejja l-gravità tal-kriżi, il-Jemen baqa' kważi injorat għalkollox;

    D.  billi sal-ġurnata tal-lum in-NU vverifikat aktar minn 325 attakk fuq skejjel, faċilitajiet tas-saħħa, swieq, toroq, pontijiet u anki għejun tal-ilma; billi aktar minn żewġ terzi tal-ħsara li saret lill-infrastruttura pubblika hija r-riżultat ta' attakki mill-ajru min-naħa tal-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija; billi l-intervent militari mmexxi mill-Arabja Sawdija fil-Jemen kien immirat b'mod indiskriminat lejn il-persuni ċivili u kkontribwixxa għall-ħolqien ta' sitwazzjoni umanitarja diżastruża li taffettwa lin-nies madwar il-pajjiż kollu, għandu implikazzjonijiet serji għar-reġjun, u jikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

    E.  billi n-NU elenkat il-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fuq lista sewda b'riżultat tal-qtil u l-feriment ta' 683 tifel u tifla fil-Jemen, u t-twettiq ta' mill-inqas 38 attakk fuq skejjel u sptarijiet f'2016; billi r-rapport tan-NU jsemmi wkoll lill-grupp tar-ribelli Houthi, lil forzi tal-gvern Jemenit, lil milizzja progovernattiva u lill-Al Qaeda fil-Peniżola Għarbija b'konnessjoni ma' każijiet ta' vjolazzjonijiet kontra tfal fl-2016;

    F.  billi, wara sentejn, l-Arabja Sawdija għadha qed timponi imblokk kemm mill-ajru u kemm navali kontra l-Jemen; billi dan l-imblokk huwa direttament responsabbli għall-kollass ekonomiku tal-pajjiż u għall-karestija u qiegħed severament jaggrava l-kriżi umanitarja; billi n-NU stmat li l-għeluq tal-ajruport ta' San'a kien żamm lil madwar 20,000 persuna milli jaċċessaw servizzi ta' kura tas-saħħa barra mill-pajjiż; billi l-isforzi biex titwassal l-għajnuna umanitarja qed jiġu mxekkla aktar minħabba l-impass dwar il-port Al Hudaydah, li dwaru għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil;

    G.  billi xi Stati Membri tal-UE qed ikomplu jbiegħu l-armi lill-Arabja Sawdija, bi ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari[1]; billi l-bejgħ ta' armi u tagħmir militari mir-Renju Unit lill-Arabja Sawdija laħaq USD 1.4 biljun fl-ewwel nofs tal-2017;

    H.  billi l-epidemija tal-kolera fil-Jemen saret l-akbar tifqigħa tal-marda, u l-iktar waħda li qed tinfirex b'ħeffa, fl-istorja moderna, b'madwar 800 000 każ suspettat u 2 261 mewt relatata bejn Ottubru 2016 u Settembru 2017; billi l-epidemija tal-kolera ġiet definita bħala kriżi li nħolqot mill-bniedem u seħħet minħabba l-waqfien totali tas-sistema tas-sanità u l-kollass tas-sistema tas-saħħa pubblika;

    I.  billi l-ispostament furzat tal-persuni ċivili għadu fattur ċentrali tal-kunflitt li għaddej fil-Jemen, peress li kważi 3 miljun persuna għadhom spostati minn djarhom, waqt li kważi kwart minnhom qed jgħixu f'ċentri kollettivi;

    J.  billi t-tfal jerfgħu piż sproporzjonat, filwaqt li jiffurmaw aktar minn nofs in-nies li bħalissa jinsabu spostati fil-Jemen; billi l-UNICEF iwissi li fil-Jemen qed imutu minorenni wieħed kull 10 minuti minħabba marda li jista' jiġi evitat, u n-NU ikkonfermat li fl-2016 mietu mill-inqas 1,340 tifel u tifla; billi l-livell ta' malnutrizzjoni fost it-tfal qatt ma kien għoli daqs kemm hu llum fil-Jemen, fejn madwar 386,000 tifel u tifla qed jsofru minn malnutrizzjoni akuta severa u 1.8 miljun tifel u tifla qed iħabbtu wiċċhom ma' malnutrizzjoni akuta moderata; billi b'mod aktar ġenerali, 11.3 miljun tifel u tifla jiġifieri madwar 80 % tat-tfal kollha fil-Jemen, jeħtieġu assistenza umanitarja;

    K.  billi s-salarji għall-impjegati fis-settur pubbliku, u, b'mod partikolari għall-ħaddiema fis-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni u s-sanità għadhom mhux qed jitħallsu, u b'hekk qed jiġu mfixkla l-isforzi umanitarji u ta' rkupru bikri li qed isiru bħalissa; billi 12 200 skola minn total ta' 15 800 skola għadhom magħluqa minħabba s-salarji mhux imħallsa fil-governorati tat-Tramuntana, u dan jolqot lil 79 % tat-tfal, u billi matul il-kunflitt, kważi 500 skola ġew meqruda, ikkonvertiti f'postijiet ta' kenn jew saħansitra meħuda minn fazzjonijiet armati;

    L.  billi fl-2016 in-NU ivverifikat minn tal-inqas 517-il każ ta' reklutaġġ u skjerament ta' subien min-naħat kollha, li wħud minnhom għandhom biss 11-il sena, u minħabba d-diffikultajiet fil-monitoraġġ hemm possibilità kbira li fir-realtà l-għadd ta' każijiet huwa ħafna akbar; billi Hassan Zaid, il-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport fl-amministrazzjoni Houthi, reċentement issuġġerixxa li l-istudenti u l-għalliema jaf ikunu armati;

    M.  billi l-NGOs u l-aġenziji li jaħdmu fil-post huma sottofinanzjati ħafna, u l-Uffiċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji jiddeplora nuqqas ta' fondi ta' mill-inqas USD 1 biljun għall-Pjan ta' Risposta Umanitarja;

    N.  billi n-NU organizzat Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, ospitata b'mod konġunt mill-Gvern tal-Iżvizzera u mill-Gvern tal-Iżvezja, li fiha d-donaturi wiegħdu USD 1.1 biljun biex jgħinu lin-nies li jinsabu fi bżonn urġenti fil-Jemen; billi l-ħtiġijiet tal-Pjan ta' Risposta Umanitarja għall-Jemen huma ta' madwar USD 2.3 biljun, li minnhom mill-inqas USD 1 biljun għadu mhux iffinanzjat; billi l-NGOs u l-aġenziji li qed jaħdmu fil-post għadhom severament sottofinanzjati;

    O.  billi l-frammentazzjoni tal-pajjiż u l-kunflitt li għaddej qed jippermettu lil Al-Qaeda, lil ISIS/Daesh u lil gruppi terroristiċi oħra jżidu l-preżenza tagħhom fil-Jemen;

    P.  billi kien hemm żieda drammatika letali fl-għadd ta' operazzjonijiet letali bid-droni fil-Jemen barra l-konflitt armat li għaddej minn Jannar 2017 (mill-inqas 115-il attakk ikkonfermat, inklużi żewġ attakki mill-art) u billi għadd ta' persuni, inklużi nisa, tfal u anzjani, ġew maqtula, midruba serjament jew trawmatizzati b'riżultat ta' dan it-tip ta' operazzjoni kontroterroristiċi letali, u tqajjem tħassib li operazzjonijiet bħal dawn jiksru prinċipji stabbiliti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    Q.  billi mill-bidu tal-kunflitt, il-Kummissjoni pprovdiet għajnuna umanitarja li tammonta għal EUR 171 miljun; billi fl-2017, l-UE qed tipprovdi lill-popolazzjonijiet tal-Jemen EUR 51.7 miljun f'għajnuna biex issalva l-ħajjiet;

    1.  Jafferma mill-ġdid it-tħassib serjissimu tiegħu dwar il-konsegwenzi devastanti tal-kunflitt għall-Jemen u għall-popolazzjoni tiegħu; jirrikonoxxi li din il-kriżi saret l-akbar kriżi umanitarja ta' nazzjon wieħed fid-dinja u għadha mhix qed tirċievi l-attenzjoni li jistħoqqilha; jinnota b'dispjaċir l-aggravament ulterjuri tas-sitwazzjoni b'riżultat tal-għeluq tal-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ajru tal-Jemen, impost mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fit-6 ta' Novembru 2017; jistieden lill-atturi internazzjonali kollha biex iżommu s-sitwazzjoni fil-Jemen fuq nett fl-aġenda internazzjonali u biex jaħdmu flimkien biex jinstabu soluzzjonijiet;

    2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija kontra l-Jemen, li wasslu għal eluf ta' mwiet u għall-qerda ta' infrastrutturi ċivili ewlenin, li b'hekk ikkontribwew biex il-kriżi umanitarja marret għall-agħar; iqis li dawn l-attakki mill-ajru jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra; jisħaq li, biex tinkiseb soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt, huwa indispensabbli li l-awturi tal-vjolazzjonijiet jagħtu kont ta' għemilhom; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jużaw l-influwenza tagħhom mar-reġim Saleh/Houthi biex jieqfu l-attakki bil-missili fuq l-Arabja Sawdija, li qegħdin jaggravaw il-kunflitt;

    3.  Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni ċivili mwettqa mill-Houthis, li allegatament jammontaw għal aktar minn 500 fl-aħħar xahar biss;

    4.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li ma jista jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-unika soluzzjoni possibbli hija permezz ta' proċess ta' negozjati bejn il-partijiet; jilqa' r-rwol tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, u l-isforzi tagħhom; jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt kif ukoll lill-atturi reġjonali biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fi proċess taħt it-tmexxija tan-NU biex inaqqsu l-intensità tal-kunflitt, iġibu l-għajnuna lill-popolazzjoni ċivili, u jinnegozjaw soluzzjoni biex iġibu fi tmiemha l-vjolenza; iħeġġeġ lill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija jinkludu lir-rappreżentanti ewlenin kollha tal-poplu Jemenit fit-taħditiet biex jiżguraw li kwalunkwe soluzzjoni ma tiġix imposta minn fuq imma tirċievi appoġġ wiesa', u jħeġġeġ lill-amministrazzjoni Saleg/Houthi jerġgħu jimpenjaw ruħhom mal-Mibgħut Speċjali tan-NU;

    5.  Ifakkar lill-partijiet fil-kunflitt għal darba oħra dwar il-fatt li huwa obbligu ewlieni skont id-dritt umanitarju internazzjonali li wieħed jagħti aċċess umanitarju f'waqtu u mingħajr xkiel; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ parzjali tal-imblokk, li ppermetta d-dħul ta' provvisti vitali f'portijiet f'żoni kkontrollati mill-gvern, iżda jinnota li din il-miżura mhix adegwata biex tissodisfa l-ħtiġijiet umanitarji; jistieden lill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija biex ittemm l-imblokk; jiddispjaċih dwar il-fatt li għad fadal sfidi mill-akbar għall-għajnuna umanitarja u għall-atturi umanitarji li huma lesti jilħqu lin-nies li jinsabu fil-bżonn, minħabba l-ġlied attiv, in-nuqqas ta' sigurtà, l-ostakli burokratiċi u n-nuqqas ta' finanzjament; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija biex tneħħi l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom l-atturi umanitarji, inkluż it-tiċħid ta' trasport lejn il-pajjiż u t-tiċħid tal-awtorizzazzjonijiet neċessarji;

    6.  Jenfasizza li l-vjolenza u l-kunflitt huma l-kawżi ewlenin tal-ispostament fil-Jemen, peress li l-maġġoranza tal-persuni spostati internament huma minn provinċji fejn il-vjolenza hija bla rażan; jenfasizza li dawk li jerġgħu lura lejn djarhom spiss isibu ruħhom f'kundizzjonijiet impossibbli meta jirritornaw u jiskopru l-qerda ġenerali u n-nuqqas ta' opportunitajiet;

    7.  Ifakkar għal darba oħra li l-partijiet fil-kunflitt għandhom ir-responsabilità li jħarsu lill-persuni ċivili u lill-infrastrutturi ċivili; jitlob li tittieħed azzjoni għall-prevenzjoni ta' kull forma ta' vjolenza u biex jingħata rispons għaliha, inkluża l-vjolenza sesswali u l-vjolenza sessista; jitlob li jitħallsu l-pagi pendenti sabiex il-Jemeniti jkunu jistgħu jippruvaw jipprovdu l-ħtiġijiet bażiċi għall-familji tagħhom, u jħeġġeġ lill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija tiżgura li din is-sitwazzjoni tiġi ttrattata bħala kwistjoni ta' prijorità;

    8.  Jinsisti li l-partijiet kollha fil-kunflitt biex jiżguraw li persuni li ma jkunux għadhom għalqu 18-il sena ma jiġux reklutati b'mod obbligatorju fil-forzi armati tagħhom, kif stabbilit fil-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati, li l-Jemen huwa parti tagħha, u kif imtenni fid-dikjarazzjoni konġunta fejn il-Jemen iddikjara l-impenn tiegħu li jżomm il-projbizzjoni fuq ir-reklutaġġ obbligatorju jew volontarju ta' kull persuna taħt l-età ta' 18-il sena; jiċħad bil-qawwa kwalunkwe dikjarazzjoni li tissuġġerixxi r-reklutaġġ ta' tfal tal-iskola u ta' studenti;

    9.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jimpenjaw ruħhom li jilħqu kompromess dwar is-sitwazzjoni f'Al Hudaydah sabiex jipprevjenu l-għeluq tal-port, peress li dan ikollu konsegwenzi serji għat-twassil tal-provvisti tal-ikel u tal-mediċini; jiddeplora l-fatt li l-proposta mill-Mibgħut Speċjali tan-NU f'dan ir-rigward ma ġietx milqugħa, iżda jappella għal sforzi mġedda biex dan isir; jistieden lill-koalizzjoni terġa' tiftaħ l-ajruporti ċivili, speċjalment l-ajruport ta' San'a, għal titjiriet tan-NU u għatt-traffiku tal-ajru kummerċjali, inklużi titjiriet umanitarji, u biex tiġi żgurata l-governanza trasparenti tal-ajruport ta' Aden;

    10.  Jitlob li tittieħed azzjoni umanitarja urġenti, imsaħħa u koordinata taħt it-tmexxija tan-NU; jilqa' l-organizzazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, u jappella lill-partijiet kollha biex iwettqu l-pleġġijiet tagħhom malajr kemm jista' jkun; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Pjan ta' Rispons Umanitarju għall-Jemen għadu sottofinanzjat ħafna; jitlob li jiġġedded l-impenn min-naħa tal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u tal-UE u l-Istati Membri tagħha f'dan ir-rigward; jilqa' l-USD 207.5 miljun f'wegħdiet addizzjonali mingħand id-Danimarka (USD 12.8 miljun), in-Netherlands (USD 3 miljun), ir-Renju Unit (USD 21.7 miljun) u l-Istati Uniti (USD 170 miljun);

    11.  Jistieden lill-Istati Membri biex iwaqqfu immedjatament il-fluss ta' armi u assistenza militari lill-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen, inkluż kwalunkwe tagħmir jew appoġġ loġistiku li jintużaw biex jitkompla l-imblokk; jiddispjaċih dwar il-fatt li, minkejja t-talbiet imtennija tiegħu biex jiġi impost embargo tal-armi fuq l-Arabja Sawdija, ma sar xejn biex dan l-għan jintlaħaq; iħeġġeġ għal darba oħra lill-VP/RGħ biex tniedi inizjattiva bl-għan li jiġi impost embargo tal-armi tal-UE fil-konfront tal-Arabja Sawdija, minħabba l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa tal-Arabja Sawdija fil-Jemen, u l-fatt li l-liċenzjar kontinwat tal-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija jkun għaldaqstant bi ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK;

    12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda drammatika fl-għadd ta' operazzjonijiet kontroterroristiċi letali fil-Jemen barra l-qafas legali internazzjonali, u jitlob lill-Istati Membri biex b'konformità mal-obbligi legali tagħhom ma jwettqux, ma jiffaċilitawx u ma jipparteċipawx b'xi mod ieħor f'operazzjonijiet letali illegali;

    13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.