Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0652/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0652/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

22.11.2017 - (2017/2849(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0649/2017

Proċedura : 2017/2849(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0652/2017

B8‑0652/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

(2017/2849(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Ġunju 2017[1] u tal-25 ta' Frar 2016[2] dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, u dik tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, tal-21 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, tal-11 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP), il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tas-16 ta' Novembru 2017 li tappella għat-tneħħija immedjata tal-imblokk umanitarju fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2216, 2201 u 2140,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-vjolenza u l-attakki mill-ajru fil-Jemen komplew jeskalaw, b'mod partikolari minn Marzu 2015 'il quddiem; billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen għadha waħda katastrofika; billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) iddikjarat is-sitwazzjoni fil-Jemen bħala "l-akbar emerġenza tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja"; billi, skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), 17-il miljun ruħ fil-Jemen jeħtieġu assistenza għall-ikel, u minn dawn 7 miljuni qed jiffaċċjaw "emerġenza tas-sigurtà tal-ikel"; billi 2,2 miljun tifel u tifla qegħdin isofru malnutrizzjoni akuta u gravi, u billi tifel jew tifla jmutu kull għaxar minuti minħabba kawżi prevenibbli; billi hemm 2 miljun ruħ li sfaw spustati internament fil-Jemen u miljun ruħ li ġew rimpatrijati;

B.  billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, hemm aktar minn 925 000 każ suspettat ta' kolera fil-Jemen, flimkien ma' aktar minn 2 200 każ assoċjat ta' mewt;

C.  billi l-kunflitt li għaddej bħalissa qed ikollu impatt fuq l-importazzjonijiet tal-ikel li minnhom il-Jemen jiddependi bil-kbir, iżda qed jaffettwa wkoll it-trasport, l-infrastruttura u l-produzzjoni tal-ikel lokali, li diġà hija baxxa; billi l-popolazzjoni rurali tal-Jemen diġà kienet vulnerabbli ħafna qabel il-kunflitt; billi l-għajnuna waħedha ma tistax tindirizza l-ħtiġijiet tal-ikel ta' 28 miljun Jemenit, u billi hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli fit-tul għall-iżvilupp u l-agrikoltura u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-popolazzjoni;

D.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen kompliet tiggrava minħabba l-fatt li fis-6 ta' Novembru 2017 il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija imponiet imblokk fuq il-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ajru tal-pajjiż; billi l-port marittimu ta' Aden u l-punt ta' qsim tal-fruntiera tal-art bejn l-Arabja Sawdija u l-Jemen f'al-Waldea reġgħu nfteħu; billi, madankollu, il-portijiet ta' Hodeida u Saleef, kif ukoll l-ajruport ta' Sanaa, meħuda mir-ribelli Houthi f'Marzu 2015, li permezz tagħhom madwar 80 % tal-importazzjonijiet – inklużi prodotti kummerċjali u provvisti umanitarji – jidħlu fil-Jemen, għadhom suġġetti għall-imblokk;

E.  billi l-issoktar tal-imblokk qiegħed jaffettwa b'mod predominanti lill-popolazzjoni ċivili u billi l-ġellieda Houthi huma l-anqas affettwati; billi oġġetti essenzjali bħall-ikel u l-provvisti mediċi ma jistgħux jidħlu fil-pajjiż; billi, jekk jibqa' għaddej, l-imblokk se jwassal biex, minn issa sa Jannar 2018, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ikel ġestiti mill-Programm Dinji tal-Ikel għal 7 miljun ruħ li jinsabu f'riskju ta' karestija u jreġġa' lura l-progress li sar fil-ġlieda kontra l-kolera, u se jipperikola l-forniment ta' operazzjonijiet kirurġiċi għas-salvataġġ tal-ħajja kif ukoll ta' kura bażika tas-saħħa;

F.  billi l-Koordinatur tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Soljiev ta' Emerġenza, Mark Lowcock, esprima tħassib serju dwar id-deterjorament tal-kriżi umanitarja fil-Jemen u appella biex minnufih jiġi stabbilit mill-ġdid aċċess sħiħ u bla restrizzjonijiet;

G.  billi r-Riżoluzzjoni 2216 tal-KSNU tipprevedi espliċitament li individwu jiġi kklassifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li jkun qed "jostakola t-twassil tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen"; billi, fis-17 ta' Awwissu 2017, il-KSNU rrikonoxxa dan il-kunflitt bħala kawża prinċipali tal-karestija;

H.  billi l-attakki mill-ajru mmexxija mill-koalizzjoni ġewwa u madwar Sanaa intensifikaw f'dawn l-aħħar ġimgħat u qed jikkaġunaw vittmi ċivili u l-qerda tal-infrastruttura; billi dan kien segwit minn sparar ta' missili ballistiċi mir-ribelli Houthi fuq l-ajruport internazzjonali ċivili prinċipali ta' Riyadh fl-4 ta' Novembru 2017; billi għexieren oħra ta' missili ġew sparati lejn it-territorju tal-Arabja Sawdija din is-sena; billi l-liġijiet tal-gwerra jipprojbixxu l-attakki intenzjonati, indiskriminati u sproporzjonati fuq il-persuni ċivili; billi tali attakki huma kkunsidrati bħala delitti tal-gwerra u l-individwi li jwettquhom jistgħu jittellgħu quddiem il-ġustizzja għal dawn id-delitti;

I.  billi l-gwerra fil-Jemen hija konsegwenza ta' kunflitt usa' li jeżisti bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran; billi l-kunflitti lokali u reġjonali huma interkonnessi ferm u billi s-sitwazzjoni fil-Jemen jista' jkollha aktar ramifikazzjonijiet reġjonali u ġġorr magħha riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tar-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani; billi l-grupp Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) irnexxielu japprofitta mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà fil-Jemen, hekk li firex il-preżenza tiegħu u kabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tiegħu; billi l-AQAP u l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS/Daesh) stabbilew il-preżenza tagħhom fil-Jemen u wettqu attakki terroristiċi, li qatlu mijiet ta' persuni;

J.  billi hemm embargo internazzjonali fuq l-armi fis-seħħ kontra l-forzi Houthi/Saleh; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016, il-Parlament appella għal inizjattiva intiża biex l-UE timponi embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, fi qbil mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjonijiet tal-armi;

K.  billi l-finanzjament tal-UE għall-Jemen għall-perjodu 2018-2020 huwa ta' EUR 150 miljun u jiffoka fuq ir-reżiljenza fl-aktar żoni kritiċi tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni filwaqt li jindirizza kwistjonijiet ewlenin dwar il-governanza, l-irkupru tal-istituzzjonijiet statali u t-twassil mill-ġdid ta' servizzi pubbliċi bażiċi;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li hija kkaratterizzata minn nuqqas estensiv ta' sigurtà tal-ikel u malnutrizzjoni gravi, it-tifqigħ tal-kolera, attakki indiskriminati kontra persuni ċivili u ħaddiema mediċi u tal-għajnuna, il-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika, l-issoktar ta' attakki mill-ajru, attakki b'missili ballistiċi, ġlied fuq l-art u bumbardameni tal-artillerija, minkejja appelli ripetuti għal tiġdid tal-waqfien mill-ġlied;

2.  Jesprimi tħassib dwar iż-żieda fit-tensjoni bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran; jappella biex il-portijiet u l-fruntieri tal-art u tal-ajru kollha tal-Jemen jerġgħu jinfetħu mingħajr dewmien, inklużi dawk li jinsabu f'żoni kkontrollati mill-oppożizzjoni, ħalli b'hekk l-attivitajiet ta' salvataġġ tal-ħajja jkunu jistgħu jitwettqu b'urġenza; jisħaq li l-imblokk aggrava bil-qawwi u b'mod estiż sitwazzjoni umanitarja li diġà kienet katastrofika;

3.  Iqis li l-miżuri meħudin mill-koalizzjoni intiżi biex jerġgħu jinbdew l-operazzjonijiet fil-port ta' Aden u biex jinfetaħ il-punt ta' qsim tal-fruntiera f'al-Wadea huma pass fid-direzzjoni t-tajba; iħeġġeġ lill-koalizzjoni tiżgura li l-attivitajiet tal-portijiet ta' Hodeida u Saleef jerġgħu jinbdew minnufih, li l-fruntieri tal-art jinfetħu għall-għajnuna umanitarja u li l-prodotti kummerċjali bażiċi jkunu jistgħu jitwasslu fil-pajjiż;

4.  Ifakkar li r-ribelli Houthi u l-forzi leali lejn l-ex President Ali Abdallah Saleh kisru wkoll il-liġijiet tal-gwerra billi mblukkaw l-għajnuna umanitarja għall-persuni ċivili, fattur li żied b'mod sinifikanti l-ħsara mġarrba mill-popolazzjoni ċivili;

5.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti jippermettu aċċess umanitarju sħiħ u immedjat għaż-żoni milquta mill-kunflitt sabiex dawk fil-bżonn ikunu jistgħu jintlaħqu; jistieden lill-Kunsill u lill-KSNU biex, waqt l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2216 tal-KSNU, jidentifikaw l-individwi li qed jostakolaw it-twassil tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen u jimponu fuqhom sanzjonijiet immirati;

6.  Jikkundanna bl-aktar termini qawwija l-vjolenza li għaddejja bħalissa u l-attakki u l-azzjonijiet kollha mmirati kontra l-persuni ċivili min-naħat kollha involuti fil-kunflitt, inklużi s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom; jikkundanna l-attakki indiskriminati bil-missili li saru fuq bliet tal-Arabja Sawdija, b'mod partikolari l-ajruport internazzjonali ċivili prinċipali f'Riyadh fl-4 ta' Novembru 2017, mill-forzi Houthi/Saleh; jikkundanna bl-istess mod l-attakki mill-ajru indiskriminati u sproporzjonati mmexxija mill-koalizzjoni li qed iwasslu għal vittmi ċivili u għall-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika;

7.  Jesprimi tħassib gravi rigward il-fatt li l-attakki kontinwi mill-ajru u l-ġlied kontinwu fuq l-art ħolqu instabbiltà li ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħalma huma l-ISIS/Daesh u l-AQAP; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Jemen jerfa' r-responsabbiltajiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-ISIS/Daesh u l-AQAP; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu azzjoni deċiża kontra t-tali gruppi, li l-attivitajiet tagħhom jirrappreżentaw theddida serja għal soluzzjoni nnegozjata u għas-sigurtà fir-reġjun u lil hinn minnu;

8.  Jissottolinja li r-ritaljazzjoni u l-issoktar tal-attakki mill-ajru se jservu biss biex jaggravaw il-kriżi umanitarja u t-tbatija tal-persuni ċivili u jappella għal waqfien immedjat mill-ġlied; itenni l-appell tiegħu lin-naħat kollha involuti fil-kunflitt u lis-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni ċivili u joqogħdu lura milli jimmiraw direttament lejn l-infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma; ifakkar li l-attakki intenzjonati kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili, inklużi l-isptarijiet u l-persunal mediku, jammontaw għal vjolazzjoni serja tad-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel provvediment għall-prosekuzzjoni kriminali internazzjonali tal-persuni responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali mwettqa fil-Jemen; jappoġġa bis-sħiħ, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti li titwettaq investigazzjoni komprensiva dwar id-delitti kommessi fil-kunflitt fil-Jemen; jisħaq li, biex tinkiseb soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt, huwa indispensabbli li l-awturi tal-vjolazzjonijiet jagħtu kont ta' għemilhom;

9.  Itenni li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-kriżi tista' tissolva biss permezz ta' proċess ta' negozjati inklussiv u mmexxi min-Nazzjonijiet Uniti, li jkun jinvolvi lill-partijiet kollha kkonċernati u bil-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikattiva tan-nisa, u li jwassal għal soluzzjoni politika inklussiva; isostni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jiffaċilita l-qbid mill-ġdid tan-negozjati, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jirreaġixxu għal dawn l-isforzi b'mod kostruttiv u mingħajr ma jiffissaw prekundizzjonijiet; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja, bħar-rilaxx tal-priġunieri politiċi, passi immedjati lejn waqfien mill-ġlied sostenibbli, mekkaniżmu għall-irtirar tal-forzi taħt is-superviżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, l-iffaċilitar ta' aċċess umanitarju u kummerċjali, inizjattivi Track II li jinvolvu parteċipanti fil-livell tal-politika, tas-sigurtà u tas-soċjetà ċivili, hija essenzjali biex jiġi ffaċilitat ritorn għad-direzzjoni politika t-tajba;

10.  Jistieden lill-Kunsill jippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw b'mod strett ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK u jwaqqfu l-bejgħ kollu tal-armi lil kwalunkwe parti involuta fil-kunflitt fil-Jemen; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-appell tiegħu favur inizjattiva intiża biex l-UE timponi embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji ta' vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-Arabja Sawdija fil-Jemen u l-fatt li t-tkomplija tal-liċenzjar tal-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija tkun għaldaqstant qiegħda tikser il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK;

11.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, biex jgħinu fir-riattivazzjoni tal-Bank Ċentrali f'Sanaa bl-iskop li jkun jista' jiżvolġi r-rwol newtrali u indipendenti tiegħu, taħt amministrazzjoni imparzjali, ħalli b'hekk tiġi żgurata l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Jemenit;

12.  Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma lesti jintensifikaw l-għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni fil-pajjiż kollu bil-għan li jindirizzaw il-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu u li jimmobilizzaw l-assistenza tagħhom għall-iżvilupp sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati proġetti f'setturi kruċjali; jilqa' l-impenji li saru waqt il-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen u jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti biex ittaffi t-tbatija tal-poplu tal-Jemen; itenni l-appell tiegħu biex il-pajjiżi kollha jissodisfaw l-impenji li ħadu fil-konferenza tad-donaturi, bil-għan li jikkontribwixxu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet umanitarji;

13.  Jilqa' t-tnedija reċenti ta' proġetti tal-FAO u tal-Bank Dinji bil-għan li jipprovdu għajnuna immedjata lil dawk il-persuni li jbatu mill-faqar u min-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel fil-Jemen u li jżidu r-reżiljenza agrikola fuq perjodu aktar fit-tul; jisħaq li għandha ssir aktar ħidma, fil-livell finanzjarju u politiku, biex tiġi pprovduta għajnuna umanitarja immedjata, iżda wkoll biex jingħata appoġġ lill-isforzi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt kif ukoll lill-iżvilupp sostenibbli u lis-sigurtà tal-ikel bħala l-uniku mezz għal paċi sostnuta u fit-tul fil-Jemen;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.