MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
22.11.2017 - (2017/2849(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ángela Vallina, Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Sabine Lösing, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Sofia Sakorafa, Marina Albiol Guzmán, Jiří Maštálka, Kateřina Konečná, Dimitrios Papadimoulis, Maria Lidia Senra Rodríguez, João Pimenta Lopes f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0649/2017
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Jemen u s-sitwazzjoni umanitarja tal-pajjiż li saru mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed u mill-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza tan-NU, Mark Lowcock;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tas-16 ta' Novembru 2015 u tat-3 April 2017 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tar-riskji tal-karestija;
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Jemen, u dik tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, tal-11 ta' Novembru 2017;
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Rispons Integrat: it-Tifqigħa tal-Kolera fil-Jemen maħruġ mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), aġġornat fit-23 ta' Mejju 2017, u l-Pjan ta' Rispons Umanitarju tiegħu għall-Jemen għall-perjodu Jannar-Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' April 2015 (S/RES/2216), tal-24 ta' Frar 2016 (S/RES/2266) u tat-23 ta' Frar 2017 (S/RES/2342),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015[1], tal-25 ta' Frar 2016[2] u tal-15 ta' Ġunju 2017[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati[4],
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-konfront li ilu jeżisti s-snin bejn il-Houthi u l-Gvern Jemenit dam għal aktar minn sentejn u nofs, u tefa' lill-pajjiż fi kriżi umanitarja li bħalissa hija l-agħar waħda fid-dinja; billi fil-pajjiż hemm karestija mifruxa u tifqigħa ta' kolera fuq skala enormi li qiegħda tinxtered malajr, bi 'l fuq minn 925 000 każ suspettat ta' kolera u aktar minn 2 200 każ ta' mewt kaġun tiegħu;
B. billi l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija – appoġġata mill-Istati Uniti u magħmula mill-Emirati Għarab Magħquda, il-Bahrain, il-Kuwajt, il-Ġordan, il-Marokk u s-Sudan – kienet il-kawża prinċipali ta' mewt ta' ċivili Jemeniti mill-bidu tal-kampanja ta' attakki mill-ajru li bdiet fis-26 ta Marzu 2015, biex terġa' tqiegħed lill-President Abdrabbuh Mansour Hadi fil-poter; billi din il-koalizzjoni kkommettiet ksur serju, inklużi attakki fuq id-djar, is-swieq, l-isptarijiet u l-iskejjel, li kkaġunaw ħafna mwiet fost il-popolazzjoni ċivili, fil-biċċa l-kbira nisa u tfal;
C. billi, bil-prestest ta' missila ballistika sparata mill-Houthi u interċettat mill-Arabja Sawdija fid-direzzjoni ta' Riyadh, l-Arabja Sawdija reġgħet imponiet imblokk kważi totali tal-Jemen u għalaq il-fruntieri fuq l-art, marittimi u tal-ajru tal-pajjiż fis-6 ta' Novembru 2017; billi l-ftuħ mill-ġdid ta' dan l-aħħar tal-port tal-belt ta' Aden huwa ċar li mhuwiex biżżejjed; billi l-imblokk tal-fjuwil min-naħa tal-koalizzjoni u l-attakki fuq l-infrastruttura ċivili jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;
D. billi l-Arabja Sawdija u l-President tal-Istati Uniti akkużaw lill-Iran li huwa responsabbli tal-isparar tal-missila ballistika; billi l-Iran ċaħad din l-akkuża u l-Houthi affermaw li pproduċew huma stess il-missila fil-Jemen;
E. billi matul il-kunflitt inqatlu, indarbu jew ġew immankati 'l fuq minn 50 000 ċivili; billi n-NU qegħdin jappellaw b'urġenza lill-awtoritajiet u lid-diversi fazzjonijiet biex jippermettu aċċess bla waqfien għall-ibliet assedjati, peress li permezz ta' hekk tkun tista' twassal l-għajnuna lill-persuni fil-bżonn, hekk kif il-gwerra fil-Jemen ġiet ikklassifikata fl-aktar kategorija ħarxa tal-kriżijiet umanitarji; billi eluf ta' rifuġjati rnexxielhom jaħarbu lejn il-pajjiżi ġirien;
F. billi l-Jemen jinsab bħalissa fil-qalba tal-akbar kriżi tal-sigurtà tal-ikel fid-dinja, b'madwar 80 % tal-popolazzjoni Jemenita, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 21 miljun ruħ, fil-bżonn urġenti ta' xi forma ta' għajnuna umanitarja biex jittaffa l-bżonn iddisprat ta' ikel, mediċini u fjuwil;
G. billi l-malnutrizzjoni u l-kolera huma interkonnessi; billi 17-il miljun ruħ fil-Jemen qed iħabbtu wiċċhom ma' insigurtà tal-ikel, inklużi 7 miljun ruħ li għaddejjin minn karestija, 3,3 miljun ruħ li jinsabu fi stat ta' malnutrizzjoni akuta u 462 000 tifel u tifla li qegħdin taħt il-ħakma ta' malnutrizzjoni akuta severa;
H. billi ġie rrappurtat ksur estensiv kommess mill-grupp armat Ansar Allah, inkluż l-użu ta' mini tal-art; billi kien hemm ukoll każijiet ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji mill-forzi tal-President Hadi u mill-partiti alleati u l-gruppi armati; billi l-partijiet fil-kunflitt fil-Jemen huma responsabbli għall-bumbardament indiskriminat tal-popolazzjoni ċivili u tal-faċilitajiet ta' tali popolazzjoni, għaċ-ċaħda tal-aċċess għall-azzjoni umanitarja, għad-detenzjoni arbitrarja, għall-għajbien furzat u għat-tortura;
I. billi l-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' katastrofi umanitarja, inkluż riskju ta' karestija, aggravata bit-tifqigħa tal-kolera; billi l-attakki mill-ajru, il-bumbardamenti u l-vjolenza qed ikomplu jġiegħlu lill-familji Jeminiti jaħarbu minn djarhom, b'miljuni ta' nies spostati internament; billi aktar minn 8 miljun ruħ tilfu l-aċċess affidabbli u mingħajr riskji għall-ilma tajjeb għax-xorb peress li l-biċċa l-kbira tan-netwerk tal-ilma nqered minħabba l-ġlied; billi l-biċċa l-kbira tal-Jemeniti m'għandhomx aċċess adegwat għall-għajnuna fil-qasam tal-kura tas-saħħa;
J. billi, skont l-organizzazzjoni Save the Children, 130 tifel u tifla jmutu kuljum fil-Jemen; billi minn tal-inqas 1,8 miljun tifel u tifla kellhom jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, flimkien mal-1,6 miljun li kienu telqu mill-iskola qabel ma beda l-kunflitt;
K. billi n-nisa fil-Jemen tradizzjonalment huma vulnerabbli ħafna għal abbużi bħaż-żwieġ prekoċi u l-vjolenza, peress li fil-pajjiż m'hemm l-ebda età minima għall-kunsens legali; billi n-nisa għandhom inqas aċċess mill-irġiel għall-kura medika, is-sjieda ta' proprjetà, l-edukazzjoni u t-taħriġ; billi s-sitwazzjoni tagħhom marret għall-agħar minħabba l-kunflitt, u huwa stmat li 2,6 miljun mara u tifla jinsabu f'riskju ta' vjolenza sessista; billi n-numru ta' żwiġijiet prekoċi żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar sentejn; billi madwar 30 % tal-unitajiet domestiċi spostati għandhom kap mara; billi l-mediċini għal ħafna mard kroniku m'għadhomx disponibbli, u billi l-Jemen għandu waħda mill-ogħla rati ta' mortalità fost l-ommijiet; billi nisa tqal u li qed ireddgħu fi stat ta' malnutrizzjoni huma aktar suxxettibbli li jimirdu bil-kolera u jinsabu f'riskju akbar ta' emorraġija, u dan iżid konsiderevolment ir-riskju ta' kumplikazzjonijiet u ta' mewt waqt li jkunu qed iwelldu;
L. billi madwar 280 000 rifuġjat, l-aktar mis-Somalja, jinsabu fil-Jemen, l-uniku pajjiż fil-Peniżola Għarbija li huwa firmatarju tal-Konvenzjoni tar-Rifuġjati u l-Protokoll tagħha; billi dawn ir-rifuġjati għandhom bżonn protezzjoni anki minħabba l-fatt li l-kunflitt qiegħed jiħrax; billi huwa rrappurtat li madwar 30 600 Somalu diġà rritornaw lejn is-Somalja, u billi l-UNHCR stabbilixxa uffiċċji ta' għajnuna għar-ritorn;
M. billi l-kunflitt u l-vojt ta' sigurtà li jirriżulta wasslu għall-espansjoni perikoluża ta' gruppi estremisti fil-pajjiż; billi Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija kkonsolidat il-preżenza tagħha filwaqt li Da'esh kompla l-kampanja tiegħu ta' attakki u qtil;
N. billi n-negozjati mwettqa taħt l-awspiċji tan-NU ġew iffriżati u soluzzjoni politika tal-kunflitt għadha 'l bogħod li tintlaħaq;
O. billi l-Jemen hu wieħed mill-ifqar pajjiżi tad-dinja; billi, qabel ma faqqgħet il-gwerra, nofs il-poplu Jemenit diġà kien jgħix taħt is-soll tal-faqar, żewġ terzi taż-żgħażagħ kienu qiegħda u s-servizzi soċjali bażiċi kienu f'xifer kollass;
P. billi l-kunflitt ġie deskritt bħala wieħed bejn ix-Xiiti u s-Sunniti f'tentattiv li jiġu okkultati r-raġunijiet ġeopolitiċi reali wara l-kunflitt; billi l-Arabja Sawdija qed takkuża lill-Houthi li huma appoġġati mill-Iran u tqishom bħala theddida għas-sigurtà Sawdija; billi l-kumplessità tal-kunflitt fil-Jemen għandha ċerti aspetti ta' gwerra bi prokura; billi dan joħroġ ċar minħabba l-preżenza ta' Al-Qaeda, ta' movimenti separatisti u ribelli Xiiti Zaidi fit-Tramuntana u mill-ġlied bejn il-Houthi u l-gruppi armati fin-Nofsinhar; billi l-kunflitt rawwem l-espansjoni ta' gruppi affiljati ma' Da'esh fil-pajjiż;
Q. billi l-UE u n-NU imponew embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Jemen, u l-UE imponiet sanzjonijiet immirati kontra l-mexxejja Houthi; billi, fl-istess ħin, 17-il Stat Membru tal-UE, fosthom ir-Renju Unit, Spanja, Franza, l-Italja u l-Ġermanja qed ikomplu jbigħu l-armi lill-Arabja Sawdija; billi r-Renju Unit, Franza u Spanja, b'mod partikolari, żiedu b'mod sinifikanti l-provvista tagħhom tal-armi lill-parteċipanti involuti fil-kunflitt;
R. billi l-Istati Uniti għandha l-bażi tal-ajru militari f'al-Annad fil-Jemen, qrib il-belt ta' al-Houta li tinsab fin-Nofsinhar tal-pajjiż, fejn l-Amerikani mexxew attakki bid-droni kontra membri suspettati tal-fergħa lokali ta' Al-Qaeda; billi l-attakki bid-droni min-naħa tal-Istati Uniti u l-qtil extraġudizzjarju fil-Jemen mill-2002 'l hawn ikkontribwew għad-destabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; billi, skont rapporti dwar il-Jemen maħruġin mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (OHCHR), l-attakki bid-droni qatlu aktar persuni mill-popolazzjoni ċivili mill-allegati terroristi / membri ta' Al-Qaeda;
S. billi kien hemm żieda qawwija ta' operazzjonijiet letali mmexxija minn droni fil-Jemen minn mindu daħlet fil-kariga l-Amministrazzjoni Trump, b'żieda enormi ta' 231 % mill-2016 u almenu 115-il attakk ikkonfermat matul din is-sena, fosthom żewġ inkursjonijiet mill-art; billi hemm evidenza li Stati Membri tal-UE bħar-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja qed jagħtu appoġġ kemm dirett kif ukoll indirett għal tali operazzjonijiet letali billi jipprovdu informazzjoni ta' intelligence u appoġġ operattiv ieħor;
T. billi l-pożizzjoni ġeografika tal-Jemen fil-bokka tal-Baħar l-Aħmar, li jagħti għall-Kanal ta' Suez u li jiżbokka fil-Golf ta' Aden, hija waħda ta' importanza strateġika marbuta ma' rotot marittimi u riżorsi ta' enerġija sinifikanti,
1. Jinsab imħasseb serjament bl-aggravar tal-kunflitt fil-Jemen, li wasslet għall-kriżi umanitarja attwali, u bil-fatt li s-sitwazzjoni saret aktar drammatika minħabba l-impożizzjoni mill-ġdid ta' mblokk totali min-naħa tal-Arabja Sawdija;
2. Jikkundanna l-użu tal-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili minn kwalunkwe parti fil-kunflitt jew minn terroristi jew gruppi armati oħrajn, peress li tali atti tefgħu lill-pajjiż fi kriżi umanitarja severa u kkaġunaw sitwazzjoni fejn eluf ta' persuni mill-popolazzjoni ċivili sfaw midruba jew maqtula u bosta miljuni ta' persuni sfaw spostati; jesprimi l-akbar solidarjetà fil-konfront tal-familji tal-vittmi u jagħtihom il-kondoljanzi;
3. Jikkundanna l-attakki militari indiskriminati mwettqa mill-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdin fil-Jemen, li għadha l-kawża prinċipali ta' mewt fost iċ-ċivili; jikkundanna, barra minn hekk, l-imblokk li reġgħet imponiet l-Arabja Sawdija fil-konfront tal-Jemen u jħeġġeġ li jitneħħa kompletament; jistieden lill-Arabja Sawdija u lill-koalizzjoni tagħha jiżguraw li l-portijiet u r-rotot mill-art kollha jibqgħu miftuħin, biex jippermetti li tgħaddi l-għajnuna umanitarja uġenti għall-popolazzjoni Jemenita;
4. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tan-NU u tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Jemen; jinsab konvint li jista' jkun hemm biss soluzzjoni politika għall-kunflitt fil-Jemen; jistieden għaldaqstant lill-partijiet kollha fil-Jemen jilħqu qbil b'urġenza għal waqfien tal-ostilitajiet, li r-rispett tiegħu se jkun immonitorjat min-Nazzjonijiet Uniti, bħala l-ewwel pass lejn l-issuktar tat-taħditiet ta' paċi li jwasslu għal negozjati politiċi inklużivi bi tmexxija Jemenita, bil-għan li terġa' tinġieb il-paċi fil-pajjiż;
5. Ifakkar lill-partijiet kollha, speċjalment lill-Arabja Sawdija u l-koalizzjoni tagħha, fir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u li dan ifisser li għandhom iħarsu l-popolazzjoni ċivili, iżommu lura milli jimmiraw lejn l-infrastruttura ċivili u jagħtu lill-organizzazzjonijiet umanitarji aċċess mingħajr riskji u mingħajr xkiel għall-pajjiż;
6. Jinsab konvint li l-intervent min-naħa tal-Arabja Sawdija huwa intiż biex isaħħaħ il-kontroll tagħha fir-reġjun u li miegħu dan ser iġib biss aktar tbatija għall-poplu Jemenit u firdiet aktar profondi bejn il-popli fil-Lvant Nofsani; jesprimi tħassib għat-tensjoni dejjem ikbar fir-reġjun, imħarrxa mill-miżuri unilaterali adottati mill-Arabja Sawdija fil-konfront ta' membri oħrajn tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, bħall-Qatar;
7. Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimpedixxu u jirrispondu għall-forom kollha ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili, inklużi l-vjolenza sesswali u dik sessista; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tat-tfal; jesprimi tħassib serju fir-rigward ta' rapporti dwar l-użu ta' suldati tfal mill-forzi Houthi, minn dawk ta' Ansar Al-Sharia u mill-forzi tal-gvern, u tal-aċċess limitat tat-tfal għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni bażika; jappella sabiex dawk responsabbli għal ksur jew abbużi tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem, jew għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, jagħtu kont ta' għemilhom;
8. Jikkritika bil-qawwa l-kummerċ intensiv fl-armi min-naħa ta' xi Stati Membri tal-UE ma' diversi pajjiżi fir-reġjun, bħal fil-każ tar-Renju Unit, Spanja, Franza u l-Ġermanja; jappella għas-sospensjoni immedjata tat-trasferimenti tal-armi u l-appoġġ militari lejn l-Arabja Sawdija u s-sħab tal-koalizzjoni tagħha; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jimponi embargo fuq l-armi tal-UE fil-konfront tal-Arabja Sawdija, minħabba l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-Arabja Sawdija fil-Jemen u l-fatt li l-bejgħ kontinwu tal-liċenzji tal-armi lill-Arabja Sawdija jkun għaldaqstant ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008[5];
9. Jiddeplora l-fatt li ma nbdietx investigazzjoni internazzjonali indipendenti fuq l-attakk mill-ajru tal-koalizzjoni li laqat funeral iffullat f'San'a fit-8 ta' Ottubru 2016, li, skont ir-rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar il-Jemen tas-27 ta' Jannar 2017, qatel 132 ruħ u darab 695;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ħila li Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija u Da'esh jibbenefikaw mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen; ifakkar li l-atti kollha ta' terroriżmu huma kriminali u inġustifikabbli, tkun xi tkun il-motivazzjoni tagħhom u jitwettqu meta, fejn u minn min jitwettqu;
11. Jinsab konvint li kwalunkwe soluzzjoni fit-tul għandha tindirizza l-kawżi sottostanti tal-faqar u l-instabbiltà fil-pajjiż, kif ukoll tissodisfa t-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal kwalunkwe sforz politiku paċifiku għall-ħarsien tas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen;
12. Jiddispjaċih serjament dwar in-nuqqas ta' attenzjoni li f'dawn l-aħħar sentejn u nofs il-komunità internazzjonali u l-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa taw lill-kunflitt li wassal għall-katastrofi umanitarja attwali fil-Jemen;
13. Jopponi kwalunkwe intervent militari barrani fil-pajjiż, kemm jekk mill-Arabja Sawdija jew mill-Iran, kemm jekk mill-pajjiżi Għarab jew minn dawk tal-Punent; jesprimi tħassib kbir bl-eskalazzjoni tat-tensjonijiet fir-reġjun, li kienet aggravata bid-dikjarazzjonijiet tal-President Trump dwar l-involviment tal-Iran; jissottolinja li l-gwerra fil-Jemen mhijiex biss kunflitt bejn ix-Xiiti u s-Sunniti; jiddenunzja l-istrumentalizzazzjoni tad-differenzi reliġjużi, b'mod partikolari mill-Arabja Sawdija, fl-istigazzjoni ta' kriżijiet politiċi u gwerer settarji;
14. Jikkundanna l-konnivenza u l-kompliċità tal-UE mad-dittaturi fir-reġjun; huwa kritiku ferm fil-konfront tar-rwol tad-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin fil-ħruxija tal-kunflitti fiż-żona; jiddikjara li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitti f'dan ir-reġjun; jopponi l-użu tal-kunċett ta' "responsabbiltà ta' protezzjoni", li jintuża wkoll bħala pretest minn partijiet differenti fil-kunflitt fil-Jemen, peress li tali kunċett jikser id-dritt internazzjonali u ma joffrix bażi ġuridika adegwata biex l-użu unilaterali tal-forza jkun iġġustifikat;
15. Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lil Stati Membri bħar-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Ġermanja, itemmu t-trasferimenti tal-armi lejn il-partijiet kollha fil-kunflitt fil-pajjiż u, għaldaqstant, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment min-naħa tagħhom tal-armi – b'mod dirett jew indirett – lil, jew għall-benefiċċju ta', individwi u entitajiet iddeżinjati u dawk li jaġixxu f'isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom fil-Jemen, konformement mal-embargo tan-NU fuq l-armi fil-konfront tal-Jemen, kif definit fil-paragrafu 14 tar-riżoluzzjoni 2216(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
16. Jikkundanna l-użu aktar frekwenti tad-droni fl-ambitu tal-operazzjonijiet extraterritorjali mwettqa mill-Istati Uniti mill-Amministrazzjoni Obama, u ż-żieda ulterjuri tagħhom taħt l-Amministrazzjoni Trump; jopponi bil-qawwa l-użu ta' droni għal qtil extraġudizzjarju u extraterritorjali; jitlob projbizzjoni fuq l-użu tad-droni għal dan l-iskop skont ir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' droni armati, li fil-paragrafu 2(a) u (b) tistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex "jopponu u jipprojbixxu l-prassi ta' qtil immirat extraġudizzjarju" u "jiżguraw li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw qtil bħal dan min-naħa ta' stati oħra";
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Jemen u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0270.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2016)0066.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2017)0273.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2014)0172.
- [5] ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.