imressqa skont l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (E 338‑452) f'ċerti preparati tal-laħam iffriżat fuq sfiefed vertikali (D052941/02 – 2017/2920(RPS))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Christel Schaldemose, Bart Staes
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (E 338‑452) f'ċerti preparati tal-laħam iffriżat fuq sfiefed vertikali(D052941/02 – 2017/2920(RPS))
B8‑0666/2017
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (E 338-452) f'ċerti preparati tal-laħam iffriżat fuq sfiefed vertikali (D052941/02) ("abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(3),
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, it-taqsima dwar l-Ikel Ġdid u s-Sikurezza Tossikoloġika tal-Katina Alimentari, fil-25 ta' Settembru 2017, li tat opinjoni pożittiva b'żewġ astensjonijiet u żewġ voti kontra,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1333/2008, attwalment tippermetti ż-żieda tal-aċidu fosforiku u tal-fosfati (E 338‑341 u E 343) u tal-polifosfati (E 450‑452) bħala addittivi tal-ikel għal diversi skopijiet teknoloġiċi f'għadd kbir ta' prodotti alimentari; billi, filwaqt li l-fosfati jokkorru naturalment f'ħafna prodotti alimentari, il-forom użati bħala addittivi jiġu assorbiti aktar malajr fl-intestin uman;
B. billi jeżistu preokkupazzjonijiet u dubji serji dwar l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-fosfati użati bħala addittivi tal-ikel;
C. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 sabiex jippermetti l-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (E 338-452) bħala addittivi tal-ikel fi "sfiefed vertikali magħmula mil-laħam tan-ngħaġ, mil-laħam tal-ħrief, mill-vitella jew miċ-ċanga bi tħawwir likwidu jew minn laħam tat-tjur ittrattat bi tħawwir likwidu jew mingħajru li jintuża waħdu jew f'taħlita, kif ukoll imfettet jew ikkapuljat u magħmula biex jiġu mixwija minn operatur tan-negozju tal-ikel imbagħad ikkunsmati mill-konsumatur finali";
D. billi rapport tal-2017 tal-Kummissjoni dwar kontrolli uffiċjali tal-addittivi tal-ikel(4) sab li, inġenerali, l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi sinifikanti biex jivverifikaw li l-addittivi tal-ikel jintużaw skont ir-rekwiżiti leġiżlattivi tal-Unjoni; billi r-rapport stqarr ukoll li, f'uħud mill-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tan-negozji tal-ikel kellhom interpretazzjonijiet differenti, u xi drabi inkorretti, tar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni rigward il-preparati tal-laħam u l-prodotti tal-laħam, anke fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008, u dan wassal għal nuqqas ta' implimentazzjoni uniformi tat-tali rekwiżiti;
E. billi fl-2012 ġiet ippubblikata analiżi xjentifika(5) li sabet li l-addittivi tal-fosfati fl-ikel huma kwistjoni preokkupanti peress li jistgħu jkunu marbuta ma' livelli għolja ta' fosfat fis-seru; billi livelli għolja ta' fosfat fis-seru ġew assoċjati ma' riskju kardjovaskulari ogħla;
F. billi l-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) twettaq evalwazzjoni xjentifika tal-preokkupazzjonijiet imqajma fl-analiżi xjentifika, li l-EFSA ppubblikat sussegwentement fl-2013(6);
G. billi, filwaqt li fil-valutazzjoni tagħha tal-analiżi l-EFSA kkonkludiet li ma kienx possibbli li jiġi aċċertat jekk iż-żieda fir-riskju kardjovaskulari kinitx attribwibbli għal differenzi fil-konsum ta' fosfru inġenerali jew fil-forma ta' addittivi tal-fosfat, enfasizzat ukoll li, kif meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 257/2010, il-fosfati għall-użu bħala addittivi tal-ikel se jiġu evalwati mill-ġdid mill-EFSA bi prijorità għolja sal-31 ta' Diċembru 2018;
H. billi studju xjentifiku ppubblikat fl-2013 sab li "konsum għoli ta' fosfru kien assoċjat ma' żieda fil-mortalità f'popolazzjoni Amerikana f''saħħitha, rappreżentattiva fuq livell nazzjonali" u li, "minħabba l-prevalenza ta' konsum għoli ta' fosfru f'adulti f'saħħithom u l-użu mifrux ta' addittivi tal-fosfru inorganiku fl-ikel ipproċessat, dawn is-sejbiet jista' jkollhom implikazzjonijiet kbar għas-saħħa pubblika"(7); billi s-sejbiet ta' studju ieħor, ippubblikat fl-2014, jindikaw li dieti b'livelli għolja ta' fosfru fuq perjodu twil jistgħu jikkompromettu s-saħħa tal-għadam kemm f'pazjenti b'mard kroniku tal-kliewi kif ukoll fil-popolazzjoni f'saħħitha(8);
I. billi l-użu tal-addittivi tal-fosfat ġeneralment mhuwiex permess fil-preparati tal-laħam;
J. billi, madankollu, permezz ta' deroga wara deroga, l-użu tal-fosfati bħala addittivi ġie approvat f'aktar u aktar preparati tal-laħam, biex b'hekk ġie leġittimizzat użu li fil-fatt mhuwiex permess skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; billi l-addittivi tal-fosfat kienu u għadhom qed jintużaw illegalment fi sfiefed vertikali ffriżati f'diversi Stati Membri;
K. billi l-fosfati, minħabba l-abbiltà tagħhom li jżommu l-ilma, jistgħu jintużaw biex iżidu l-piż tal-laħam, u b'hekk l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jqarrqu intenzjonalment bil-konsumaturi u jwettqu frodi billi jbigħu l-ilma għall-prezz tal-laħam;
L. billi s-sfiefed vertikali tal-laħam iffriżat huma destinati għas-settur tar-ristorazzjoni; billi dan ifisser li l-konsumaturi mhumiex infurmati dwar l-użu tal-fosfati bħala addittivi tal-ikel f'dawn il-prodotti peress li ma jkunux ittikkettati;
M. billi l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiddikjara li addittiv tal-ikel jista' jiġi inkluż fil-listi fl-Annessi II u III biss fuq il-bażi tal-evidenza xjentifika disponibbli, jekk ma joħloqx tħassib għas-saħħa tal-konsumatur fil-livell tal-użu propost, jekk hemm ħtieġa teknoloġika raġonevoli li ma tistax tinkiseb permezz ta' mezzi oħrajn li huma ekonomikament u teknoloġikament prattikabbli, u jekk l-użu tiegħu ma jiżgwidax lill-konsumatur;
N. billi ebda wieħed mill-kriterji msemmija hawn fuq mhu ssodisfat;
1. Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;
2. Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament;
4. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet eżistenti u, meta jkun meħtieġ, tressaq proposti biex jiġu rtirati jew riveduti, f'każijiet li fihom ir-rievalwazzjoni tal-fosfati mill-EFSA biex jintużaw bħala addittivi tal-ikel ma tistax teskludi xi riskji għas-saħħa li jirriżultaw mill-użu tal-fosfati bħala addittivi tal-ikel;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika b'mod effikaċi li l-Istati Membri jinfurzaw b'mod adegwat il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni rigward l-użu tal-addittivi tal-ikel fil-preparati tal-laħam;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.