Proċedura : 2017/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0668/2017

Testi mressqa :

B8-0668/2017

Dibattiti :

PV 12/12/2017 - 11
CRE 12/12/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0500

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 433kWORD 55k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0668/2017
6.12.2017
PE614.287v01-00
 
B8-0668/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))


Ryszard Czarnecki, Charles Tannock, Jadwiga Wiśniewska f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))  
B8‑0668/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Lulju 2016(1) u tal-15 ta' Diċembru 2016(2), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(3) u tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2017 dwar il-Myanmar u tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni fl-istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-14 ta' Marzu 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Yanghee Lee dwar il-vjolenza fl-istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tal-konferenza tad-donaturi tat-23 ta' Ottubru 2017 f'Ġinevra, koospitata mill-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kuwajt, koorganizzata mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-15 ta' April 2017 dwar il-vjolenza sesswali b'rabta mal-konflitt,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-25 ta' Novembru 1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tat-18 ta' Diċembru 1992 dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' qsim tal-poter bejn il-gvern militari u l-gvern ċivili fil-Myanmar, li skontu l-okkupanti preżenti ta' 25 % tas-siġġijiet parlamentari huma maħtura mill-awtoritajiet militari, u l-forzi tal-intern, tal-fruntieri u tad-difiża jagħtu kont lill-awtoritajiet militari,

–  wara li kkunsidra r-revoka tal-Att dwar id-Dispożizzjonijiet ta' Emerġenza fil-liġi Burmiża, li skontu l-awtoritajiet militari kienu awtorizzati jżommu f'detenzjoni persuni ta' interess mingħajr akkuża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Novembru 2017 mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti dwar is-sitwazzjoni fl-istat ta' Rakhine, li fiha, b'mod partikolari, intalab li titwettaq investigazzjoni internazzjonali dwar dawk responsabbli għad-delitti kontra l-umanità,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Novembru 2017 tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Pramila Patten, li tgħid li l-attakki sesswali kontra r-Rohingya jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra il-ftehim iffirmat bejn il-Myanmar u l-Bangladesh fit-23 ta' Novembru 2017 għar-rimpatriju potenzjali ta' mijiet ta' eluf ta' rifuġjati Rohingya fl-istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Impenn tan-NU biex Tintemm il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti Armati tat-13 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tat-18 ta' Settembru 1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tal-poplu Rohingya marret għall-agħar b'mod drammatiku minn meta faqqgħet il-vjolenza bejn il-ġellieda Rohingya u l-forzi tas-sigurtà Burmiżi fil-25 ta' Awwissu 2017, u kien hemm allegazzjonijiet ta' qtil bla rażan, ħruq ta' rħula Rohingya, sakkeġġi, stupri tal-massa, tortura u vjolenza mmirata kontra r-Rohingya fl-istat ta' Rakhine, il-Myanmar, inkluża d-detenzjoni ta' bosta Rohingya fil-kampijiet għall-persuni spustati;

B.  billi dawn l-allegazzjonijiet, li jistgħu jitqiesu delitti kontra l-umanità skont id-dritt internazzjonali, ġew ikkorroborati minn xhieda minn bosta organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (il-Human Rights Watch u l-Amnesty International, fost l-oħrajn), kif ukoll minn rapporti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-gvern tal-Istati Uniti, li skonthom qed issir persekuzzjoni mmirata u sponsorjata mill-istat tal-poplu Rohingya, u li l-azzjonijiet allegatament qed jitwettqu mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar;

C.  billi l-Gvern tal-Myanmar u l-forzi militari u tas-sigurtà tal-Myanmar ripetutament ċaħdu li kienu attakkaw lil persuni ċivili Rohingya u l-irħula tagħhom, u attribwew l-episodji ta' vjolenza għall-kampanja tagħhom kontra r-ribeljoni terroristika tar-Rohingya jew għal ġlied bejn il-militanti Rohingya;

D.  billi huwa maħsub li l-istima attwali tal-għadd ta' rifuġjati Rohingya li ħarbu mill-istat ta' Rakhine, li huwa ċ-ċentru tal-popolazzjoni Rohingya fil-Myanmar, hija ta' aktar minn 623 000 minn popolazzjoni totali ta' miljun Rohingya fil-Myanmar kollu, li l-maġġoranza tagħhom ħarbu lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh;

E.  billi l-għadd totali ta' rifuġjati li ħarbu lejn il-Bangladesh huwa maħsub li jinkludi għadd mhux konfermat ta' rifuġjati Ħindu tal-Myanmar, li jaffermaw li sfaw fil-mira tal-Buddisti ta' Rakhine bi żball minħabba x-xebh etniku tagħhom mal-poplu Rohingya;

F.  billi l-vjolenza kontra l-poplu Rohingya iġġorr kull karatteristika ta' tindif etniku sistematiku u istituzzjonalizzat, inkluż il-qtil ta' rġiel, nisa u tfal, stupri tal-massa tan-nisa Rohingya mill-forzi tas-sigurtà tal-Burma, swat u tortura ta' rġiel u nisa Rohingya ta' kull età, il-qerda totali tal-proprjetà tar-Rohingya, u l-użu ta' misinformazzjoni, inklużi ritratti mmuntati mill-midja tal-Myanmar, biex iwaqqgħu t-tort ta' din il-vjolenza fuq il-Musulmani Rohingya kontra l-poplu tagħhom stess;

G.  billi n-Nazzjonijiet Uniti u l-Human Rights Watch wissew li l-persekuzzjoni tar-Rohingya tammonta għal tindif etniku, u li, jekk ma tiġix ikkontrollata, hemm riskju serju li din tiżviluppa f'ġenoċidju;

H.  billi l-Human Rights Watch nnotat li fil-każ tal-istupri tal-massa kontra r-Rohingya, l-istigma soċjali u l-biża' ta' aktar persekuzzjoni mill-gvern ifissru li l-għadd ta' stupri rrappurtati jista' jkun ta' terz biss tal-għadd li realment twettqu;

I.  billi l-vjolenza li għandha motiv etniku kontra r-Rohingya għandha dimensjoni sesswali li hi karatteristika ta' episodji storiċi ta' tindif etniku u ġenoċidju;

J.  billi l-ġurnalisti investigattivi barranin huma taħt superviżjoni qawwija mill-istat waqt li joperaw fil-Myanmar, b'mod partikolari fl-inħawi fejn għad hemm popolazzjonijiet Musulmani, u jiffaċċjaw curfews stretti u għandhom aċċess minimu u suġġett għal approvazzjoni minn qabel għall-popolazzjoni lokali u, b'riżultat ta' dan, huma mxekkla fl-abbiltà tagħhom li jirrappurtaw dwar avvenimenti tar-Rohingya b'mod ekwu u imparzjali;

K.  billi l-konferenza tad-donaturi li saret f'Ġinevra bejn il-UNHCR, l-OCHA, l-IOM, l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kuwajt żgurat 36 wegħda individwali għal għajnuna lill-Bangladesh u l-Myanmar li jammontaw għal USD 344 miljun, inklużi flus imwiegħda u impenjati minn meta faqqgħet il-vjolenza fil-25 ta' Awwissu, kif ukoll impenji ġodda, u diversi donaturi privati wegħdu assistenza addizzjonali b'valur ta' aktar minn USD 50 miljun;

L.  billi l-ftehim ta' ripatrijazzjoni tat-23 ta' Novembru 2017 bejn il-Myanmar u l-Bangladesh ma jpoġġi l-ebda restrizzjoni fuq l-għadd ta' Rohingya li jitħallew imorru lura volontarjament fl-istat ta' Rakhine bl-eċċezzjoni ta' rifuġjati li kienu involuti f'terroriżmu, b'kontradizzjoni tad-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-kelliem militari tal-Myanmar;

M.  billi t-termini ta' dan il-ftehim se jippermettu r-ripatrijazzjoni ta' Rohingya li ġew ivverifikati għar-ritorn mill-gvern tal-Myanmar, u li dawk li jirritornaw ser ikunu meħtieġa jkollhom karti tal-identità bbażati fuq evidenza li fil-passat kellhom residenza fil-Myanmar; billi d-djar u l-irħula ta' ħafna Rohingya ġew meqruda b'riżultat tal-kunflitt; billi l-irġiel, nisa u tfal Rohingya ilha li tteħditilhom iċ-ċittadinanza mill-1982 u, b'riżultat ta' dan, il-biċċa l kbira tagħhom huma mingħajr dokumenti;

N.  billi mhuwiex ċar kemm persuni ripatrijati Rohingya potenzjali se jiġu akkomodati f'kampijiet u f'żoni ta' akkoljenza temporanja, iżda peress li għadd sinifikanti ta' rħula Rohingya fl-istat ta' Rakhine nqerdu bil-kunflitt, il-potenzjal li ħafna rifuġjati jirritornaw u jispiċċaw jgħixu f'kundizzjonijiet inadegwati bl-ebda żmien ċar biex jerġgħu lura f'akkomodazzjoni sikura huwa enormi;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi ż-żieda l-intensifikazzjoni tal-vjolenza fl-istat ta' Rakhine, b'mod partikolari fejn il-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar kienu involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi stupri tal-massa, qtil immirat u l-qerda ta' proprjetà ċivili, fost l-oħrajn, u jappella għall-waqfien immedjat tal-vjolenza, kemm min-naħa tal-forzi tas-sigurtà Burmiżi kif ukoll mill-militanti Rohingya, fl-istat ta' Rakhine;

2.  Ifakkar fid-dmir tal-Gvern tal-Myanmar li jikkollabora mal-komunità internazzjonali biex jipproteġi liċ-ċivili kollha mill-abbuż mingħajr diskriminazzjoni u li jinvestiga u jtemm il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-Myanmar, skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex jagħtu aċċess immedjat u bla xkiel u bla ekwivoki lill-osservaturi indipendenti, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti u lil osservaturi internazzjonali oħra, inkluż, b'mod partikulari, lill-Missjoni ta' Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti li ġiet stabbilita mill-UNHRC f'Marzu 2017, bil-għan li twettaq investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kemm mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar, kif ukoll mill-militanti Rohingya;

4.  Itenni, barra minn hekk, l-appell tiegħu biex l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarji jitħallew ikollhom aċċess għaż-żoni kollha ta' kunflitt - kemm fl-istat ta' Rakhine kif ukoll fir-reġjuni tal-madwar - u għall-persuni spustati, mingħajr diskriminazzjoni, biex jipprovdu l-għajnuna lil nies li jinsabu f'periklu;

5.  Ifakkar li huwa storikament ippruvat li l-vjolenza kontra popolazzjoni ċivili, b'mod partikolari fejn hemm involuti l-qerda ta' proprjetà ċivili, il-qtil ta' persuni ċivili u l-istupru tal-massa, irawmu sens ta' riżentiment u ta' taqlib li fl-aħħar mill-aħħar jitimgħu lill-gruppi terroristiċi bħal dawk ikkundannati mill-forsi militari tal-Myanmar;

6.  Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni tar-Rohingya ma tistax tibqa' tiġi ttrattata bħala sempliċiment kwistjoni tal-għoti ta' għajnuna umanitarja miżjuda u aħjar fil-kampijiet tar-rifuġjati, u li l-istatus apolidu tagħhom iggrava emerġenza umanitarja li kienet diġà gravi; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tkompli tapplika pressjoni diplomatika fuq il-Gvern tal-Myanmar biex jiżgura d-dinjità u s-sigurtà tar-Rohingya, biex itemm u jevita li jkun hemm aktar atti ta' vjolenza kontrihom, u biex jippermetti r-ritorn sikur tagħhom lejn il-provinċja ta' Rakhine;

7.  Iqis il-ftehim ta' ripatrijazzjoni tat-23 ta' Novembru 2017 bejn il-Gvernijiet tal-Bangladesh u tal-Myanmar bħala żvilupp pożittiv u jesprimi t-tama li dan iwassal għar-riintegrazzjoni ta' kull persuna Rohingya li rritornat fl-istat ta' Rakhine fil-Myanmar, bid-drittijiet sħaħ taċ-ċittadinanza;

8.  Jappoġġja l-affermazzjoni magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid bin Ra'ad li l-attakki u d-diskriminazzjoni riċenti kontra l-popolazzjoni Rohingya fil-Myanmar jikkostitwixxu tindif etniku;

9.  Jilqa' l-appoġġ miżjud mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għall-isforzi ta' għajnuna fil-Bangladesh u fil-Myanmar bi tweġiba għall-kriżi tar-Rohingya; barra minn hekk, jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji magħmula mill-komunità internazzjonali fil-konferenza tad-donaturi li saret f'Ġinevra fit-23 ta' Ottubru 2017 b'reazzjoni għall-kriżi;

10.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tmexxi l-isforzi internazzjonali permezz ta' Summit Intergovernattiv; jipproponi li dan is-Samit jeżamina l-progress tal-proċess tar-ripatrijazzjoni tar-Rohingya, ir-restawr tad-drittijiet taċ-ċittadinanza, li jiftaħ il-proċedura għal investigazzjoni indipendenti tad-delitti kontra l-umanità, jikkoordina investimenti futuri kemm fil-Bangladesh kif ukoll fil-Myanmar li jgħinu biex jinbena mill-ġdid ir-reġjun kollu u mhux biss il-ħajjiet tar-Rohingya fil-kampijiet tar-rifuġjati, u li jippromwovi u jħeġġeġ riformi b'enfasi fuq l-istat tad-dritt, il-prassi demokratika tajba u ġudikatura indipendenti u imparzjali;

11.  Jistieden lill‑Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli biex taħdem mal-Istati Membri biex tiffaċilita konferenza intergovernattiva ta' livell għoli li tipprovdi soluzzjonijiet fuq żmien fit‑tul b'appoġġ għall-poplu Rohingya, inkluż f'oqsma bħall-infrastruttura u l-iżvilupp mill-ġdid tal-komunità, id-drittijiet taċ-ċittadini, l‑aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u għal sanita' bażika u għal provvisti tal-ilma;

12.  Jappella għat-twassil malajr, kontinwat u bla xkiel tal-għajnuna umanitarja lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha, u li dan isir f'ħidma flimkien mal-aġenziji internazzjonali li jipprovdu l-għajnuna u n-Nazzjonijiet Uniti;

13.  Iħeġġeġ appoġġ internazzjonali biex jintlaħaq djalogu politiku bejn il-Gvern tal-Myanmar u l-mexxejja tal-komunità Rohingya, f'konformità mal-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Marzu 2017;

14.  Jinsisti dwar l-adozzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine ta' Awwissu 2017 sabiex tiġi evitata aktar vjolenza, u biex tinżamm il-paċi u titrawwem ir-rikonċiljazzjoni;

15.  Jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar ikompli l-kooperazzjoni tiegħu man-Nazzjonijiet Uniti, inkluż mar-Rapporteur Speċjali tan-NU Yanghee Lee, u mal-Missjoni ta' Inkjesta dwar il-Myanmar;

16.  Iħeġġeġ sabiex id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Myanmar-UE jingħata nifs ġdid, sabiex jiġu diskussi speċifikament kwistjonijiet li jirrigwardaw lill-komunità Rohingya;

17.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar ineħħi immedjatament il-mini tal-art kollha fuq il-fruntiera mal-Bangladesh u jikkoopera bis-sħiħ man-NU u mal-osservaturi internazzjonali matul dan il-proċess; jenfasizza l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali toffri għajnuna teknika u finanzjarja, jekk jitqies neċessarju, sabiex din il-ħidma tkun tista' titwettaq b'mod effettiv u f'waqtu;

18.  Jirrikonoxxi u japprezza l-isforzi li saru mill-Gvern u l-poplu tal-Bangladesh, bi tweġiba għal dan il-katastrofu umanitarju, biex jipprovdu protezzjoni lil mijiet ta' eluf ta' rifuġjati Rohingya, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bangladesh u dawk ta' pajjiżi ġirien oħrajn jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement;

19.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar, u lill-Kunsilliera tal-Istat Aung San Suu Kyi b'mod partikolari, jikkundannaw b'mod ċar kull inċitament għall-mibegħda razzjali jew reliġjuża u jiġġieldu d-diskriminazzjoni soċjali u l-ostilità fil-konfront tal-minoranza Rohingya; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar, barra minn hekk, jirrispetta d-dritt universali għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; jistieden lill-Kunsilliera tal-Istat tirsisti favur l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, li tfassal fuq talba tagħha stess; jiddeplora d-deterjorament drammatiku tas-sitwazzjoni li għaddej wara d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2015 tal-kelliem tal-partit ta' Aung San Suu Kyi li l-Gvern tal-Myanmar għandu jagħti ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya;

20.  Jappoġġja l-isforzi biex jiġi intensifikat il-proċess politiku bbażat fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' Annan; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Assemblea Ġenerali tan-NU jadottaw miżuri diplomatiċi u politiċi effikaċi biex jiżguraw li l-Gvern tal-Myanmar jirrispetta l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-minoranza Rohingya speċifikament billi jagħti protezzjoni minn abbużi u aċċess mingħajr xkiel għall-għajnuna;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0316.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0506.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0089.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0247.

Avviż legali - Politika tal-privatezza