Proċedura : 2017/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0670/2017

Testi mressqa :

B8-0670/2017

Dibattiti :

PV 12/12/2017 - 11
CRE 12/12/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0500

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 424kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0668/2017
6.12.2017
PE614.289v01-00
 
B8-0670/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))


Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Sandra Kalniete, Werner Langen, Tokia Saïfi, Mairead McGuinness, Jeroen Lenaers, Anna Maria Corazza Bildt, Lars Adaktusson, Lorenzo Cesa, Daniel Caspary f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))  
B8‑0670/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-1 ta' Ġunju 2016 mill-Kummissjoni u mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Mjanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità" (JOIN(2016)0024),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma tal-20 ta' Ġunju 2016, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Myanmar/Burma tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni tal-Istat ta' Rakhine, id-dikjarazzjoni tal-11 ta' Settembru 2017 tal-VP/RGħ dwar l-aħħar żviluppi fl-Istat ta' Rakhine, fil-Myanmar u fir-reġjun tal-fruntiera fil-Bangladesh, id-dikjarazzjoni tal-20 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Myanmar/Burma, u d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ dwar l-iffirmar ta' ftehim bilaterali ta' ripatrijazzjoni bejn il-gvernijiet tal-Myanmar u l-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tas-6 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine ta' Awwissu 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Novembru 2017, skont il-Grupp ta' Koordinazzjoni Intersettorjali (ISCG), sa mill-25 ta' Awwissu 2017l, total ta' 624 000 refuġjat Rohingya allegatament waslu l-Bangladesh; billi skont l-UNICEF tal-inqas 58 % minnhom huma tfal;

B.  billi fis-27 ta' Novembru 2017, skont id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO), madwar 441 300 persuna kienu jirrisjedu fl-agglomerazzjoni ta' Kutupalong-Balukhali, 46 000 persuna ġew ospitati f'komunitajiet lokali, u l-bqija kienu qegħdin jgħixu f'żoni oħra f'Cox's Bazar; billi l-agglomerazzjoni ta' Kutupalong-Balukhali hija żona ta' konġestjoni kbira; billi l-ISCG identifika li minħabba l-iffullar f'Cox's Bazar,is-saħħa u n-nutrizzjoni huma l-aktar bżonnijiet immedjati u gravi li jridu jiġu indirizzati;

C.  billi r-Rohingya jirrappreżentaw l-akbar perċentwal ta' Musulmani fil-Myanmar, u l-biċċa l-kbira jgħixu fl-Istat ta' Rakhine; billi madwar miljun Rohingya huma fost il-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja, u ilhom uffiċjalment mingħajr Stat sa mil-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Burmiża tal-1982;

D.  billi fil-25 ta' Awwissu 2017, l-Arakan Rohingya Salvation Army wettqu attakk kontra postazzjonijiet tal-pulizija u bażi tal-armata fl-Istat ta' Rakhine; billi dan irriżulta f'azzjoni kontro-offensiva militari;

E.  billi s-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istat ta' Rakhine hija estremament gravi; billi fis-27 ta' Ottubru 2017, tliet esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU kkonkludew l-ewwel missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tagħhom fil-Bangladesh, u kienu “imħassba serjament” bir-rakkonti ta' qtil, tortura, stupru, ħruq doluż u attakki mill-ajru allegatament imwettqa kontra l-kommunità Rohingya fil-Myanmar;

F.  billi skont l-ECHO, l-aċċess għall-organizzazzjonijiet umanitarji għadu ristrett bil-kbir fit-Tramuntana ta' Rakhine; billi ġie osservat xi titjib parzjali fl-aċċess għat-Tramuntana ta' Rakhine; billi fiċ-Ċentru ta' Rakhine, ġie osservat ukoll titjib żgħir, iżda l-aċċess għal din iż-żona għadu limitat ukoll; billi f'Mejju 2017, il-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, żar it-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, u appella għal aċċess akbar għall-organizzazzjonijiet tal-għajnuna li jaħdmu f'dik iż-żona; billi l-Kummissarju żar diversi proġetti umanitarji ffinanzjati mill-UE;

G.  billi fit-23 ta' Ottubru 2017, l-UE ospitat b'mod konġunt il-Konferenza tad-Donaturi għall-Kriżi tar-Refuġjati Rohingya; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha offrew aktar minn 50 % tal-ammont imwiegħed li jlaħħaq l-ammont ta' USD 344 miljun; billi b'wegħda ta' EUR 30 miljun mill-baġit tal-UE fit-23 ta' Ottubru 2017, l-ammont totali ta' appoġġ tal-Kummissjoni lil Rohingya u lill-komunitajiet ospitanti jammonta għal EUR 51 miljun għall-2017;

H.  billi fit-23 ta' Novembru 2017 ġie ffirmat ftehiem bilaterali ta' ripatrijazzjoni bejn il-gvernijiet ta' Myanmar u l-Bangladesh; billi l-VP/RGħ laqgħet l-iffirmar tal-ftehim ta' ripatrijazzjoni bħala pass importanti u mixtieq biex tiġi indirizzata waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem ta' żmienna;

I.  billi matul il-Vjaġġ Appostoliku tal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku lejn Myanmar u l-Bangladesh (mis-26 ta' Novembru sat-2 ta' Diċembru 2017), il-Qdusija Tiegħu indirizza lil grupp ta' refuġjati Rohingya fi tmiem il-Laqgħa Interreliġjuża u Ekumenika fl-1 ta' Diċembru 2017 f'Dhaka, b'dawn il-kliem: "Ejja nkomplu nagħmlu l-ġid lejhom, ejja nkomplu naġixxu sabiex id-drittijiet tagħhom jkun jistgħu jiġu rikonoxxuti. Ma għandniex nagħlqu qlubna, ma għandniex inħarsu n-naħa l-oħra. Il-preżenza ta' Alla llum tissejjaħ ukoll "Rohingya". Kull wieħed minna jagħti r-reazzjoni tiegħu huwa stess";

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza mifruxa fl-Istat ta' Rakhine, li wasslet għall-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni ċivili, il-parti l-kbira jappartjenu għall-kommunità Rohingya;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istat ta' Rakhine; jinsab allarmat bir-rapporti tal-użu sistematiku tal-forza u intimidazzjoni, bil-qtil ta' rġiel, nisa u tfal, bil-vjolenza sesswali, u bil-qerda u l-ħruq ta' djar u proprjetà; jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tat-tfal, fi bżonn iddisprat ta' kenn, ikel u ilma, u tal-bniet li jinsabu f'riskju ta' traffikar għal sfruttament sesswali;

3.  Jappoġġa l-appell tal-UE lill-partijiet kollha biex iwaqqfu immedjatament kull vjolenza; jilqa' l-fatt li l-UE qiegħda tħeġġeġ lill-militar tal-Myanmar biex itemm l-operazzjonijiet tiegħu u jiżgura l-protezzjoni tal-persuni ċivili kollha mingħajr diskriminazzjoni u biex josserva b'mod sħiħ id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-appell tal-UE lill-Gvern tal-Myanmar biex jieħu l-miżuri kollha biex itaffi t-tensjonijiet bejn il-komunitajiet;

4.  Ifaħħar l-isforzi li saru mill-Gvern tal-Bangladesh biex jospita komunitajiet u joffri sigurtà, kenn u assistenza umanitarja lir-refuġjati Rohingya;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar biex jagħti aċċess immedjat, sħiħ, sigur u mingħajr xkiel lill-aġenziji tan-NU u lis-sħab tagħhom, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi nazzjonali u internazzjonali, sabiex jipprovdu assistenza umanitarja fl-Istat ta' Rakhine, b'mod partikolari lit-tfal;

6.  Jisħaq li l-allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-vjolenza sesswali u l-abbuż u l-vjolenza kontra t-tfal, iridu jiġu investigati bir-reqqa u jinżammu responsabbli dawk kollha responsabbli għal dawn l-atti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar biex jikkoopera bi sħiħ mal-missjoni indipendenti internazzjonali ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-Myanmar tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, u biex jagħtiha aċċess sħiħ, sigur u mingħajr xkiel lejn il-pajjiż mingħajr dewmien;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar biex jagħti aċċess sħiħ u mingħajr xkiel lill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tal-midja għall-Istat ta' Rakhine, u biex jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-persunal tal-midja;

8.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehiem bilaterali ta' ripatrijazzjoni bejn il-gvern ta' Myanmar u l-Bangladesh; jappella għall-implimentazzjoni tal-ftehim b'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar biex joħloq il-kundizzjonijiet fuq il-post li jippermettu ritorn volontarju, sigur u dinjituż tar-refuġjati lejn il-postijiet tal-oriġini tagħhom;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jindirizza l-kawżi ewlenin tal-kriżi fl-Istat ta' Rakhine billi jirrispetta, jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr diskriminazzjoni u irrispettivament mill-etniċità jew reliġjon, inkluż billi jippermetti l-libertà ta' moviment, l-aċċess ugwali għas-servizzi bażiċi u l-aċċess ugwali għal ċittadinanza sħiħa għall-individwi kollha;

10.  Jilqa' r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, li ppreżenta rakkomandazzjonijiet biex jingħelbu l-isfidi politiċi, soċjoekonomiċi u umanitarji li bħalissa qiegħed jaffaċċja l-Istat ta' Rakhine; jilqa' l-impenn pubbliku tal-Gvern tal-Myanmar li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet, kif ukoll l-istabbiliment ta' kumitat fuq livell ministerjali biex jimplementa r-rakkomandazzjonijiet; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u rapida ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

11.  Jilqa' l-għajnuna umanitarja tal-UE lir-Rohingya fil-Myanmar u l-Bangladesh; jilqa' l-fatt li l-UE żiedet l-għajnuna umanitarja tagħha għar-refuġjati Rohingya fil-Bangladesh, u li tinsab lesta li testendi l-attivitajiet tagħha fl-Istat ta' Rakhine favur il-persuni kollha fil-bżonn ladarba jingħata l-aċċess;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u l-Parlament tal-Bangladesh, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Myanmar.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0351.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0247.

Avviż legali - Politika tal-privatezza