Proċedura : 2017/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0671/2017

Testi mressqa :

B8-0671/2017

Dibattiti :

PV 12/12/2017 - 11
CRE 12/12/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0500

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 430kWORD 49k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0668/2017
6.12.2017
PE614.290v01-00
 
B8-0671/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))


Rolandas Paksas, Isabella Adinolfi, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))  
B8-0671/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Lulju 2016(1) u tal-15 ta' Diċembru 2016(2), tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(3), tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja(4), u dik tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Myanmar/Burma tal-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata "Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità" (JOIN(2016)0024),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Diċembru 2016 mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar l-eskalazzjoni reċenti tal-vjolenza fil-Myanmar, u d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2017 mill-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa dwar it-tielet Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif reċenti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, tad-29 u tat-18 ta' Novembru 2016 rispettivament, dwar is-sitwazzjoni li qed teħżien tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar", tal-20 ta' Ġunju 2016 u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar tat-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-tmiem tal-missjoni tal-20 ta' Jannar 2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, Yanghee Lee, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar li tikkonkludi li "s-sitwazzjoni issa hija agħar milli fi kwalunkwe punt f'dawn l-aħħar ftit snin",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-6 ta' Novembru fejn il-Myanmar jintalab iġib fit-tmiem il-forza militari eċċessiva u l-vjolenza interkomunali fl-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 Rigward l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-UNHCR biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar jospita madwar miljun Rohingya, grupp ta' minoranza li qed jiffaċċja ripressjoni u ksur serju kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi theddid għall-ħajja u s-sigurtà, ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, xogħol furzat, vjolenza sesswali u limiti fuq id-drittijiet politiċi tagħhom;

B.  billi r-Rohingya huma waħda mill-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja, jikkostitwixxu wieħed mill-akbar gruppi ta' apolidi, u ilhom uffiċjalment apolidi minn meta ġiet promulgata l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ta' Burma tal-1982 li wasslet għal restrizzjonijiet severi fuq il-libertà ta' moviment u kkostrinġiethom jgħixu f'kampijiet;

C.  billi, sal-lum, ir-risposti nazzjonali u internazzjonali għad-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem u għall-kriżi umanitarja tar-Rohingya ma kinux, fil-biċċa l-kbira, biżżejjed u bosta strumenti għar-riżoluzzjoni tal-problema għadhom ma ġewx eżaminati;

D.  billi fil-25 ta' Awwissu 2017, il-militanti Rohingya wettqu sensiela ta' attakki koordinati fuq aktar minn 30 post tal-pulizija u bażi tal-armata fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine; billi qatlu aktar minn għaxar pulizija u l-Arakan Rohingya Salvation Army (ARSA) ħadet ir-responsabbiltà għal dawn l-attakki;

E.  billi dan irriżulta f'azzjoni kontroffensiva militari sinifikanti, bi ksur serju u fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi qtil, stupru u tortura; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Human Rights Watch, bl-użu ta' ritratti mis-satelliti, irrappurtaw qerda fuq skala kbira ta' djar u bini f'partijiet tat-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, li attwalment huma inaċċessibbli għall-NGOs u l-osservaturi indipendenti; billi ġie rappurtat li 700 bini nħarqu fil-villaġġ ta' Chein Khar Li abitat mir-Rohingya fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine u l-villaġġ kważi nqered kollu kemm hu.

F.  billi, wara dawn l-avvenimenti, aktar minn 625 000 Rohingya fittxew kenn fil-Bangladesh; billi dawk li qed jaħarbu mill-Myanmar, li ħafna minnhom huma nisa u t-tfal, jivvjaġġaw f'rotot perfidi, filwaqt li qed jiffaċċjaw sparar u toroq perikolużi, kif ukoll il-ġuħ u n-nuqqas ta' assistenza medika; billi għexieren ta' persuni, fosthom nisa u tfal, mietu waqt li kienu fi triqthom; billi l-gwardji tal-kosta Bangladeshi sabu l-iġsma ta' għexieren ta' persuni li tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaħarbu;

G.  billi l-Bangladesh diġà qed jospita madwar 300 000 rifuġjat Rohingya, li waslu fil-pajjiż matul dawn l-aħħar deċennji;

H.  billi l-Bangladesh ressaq ilment kontra l-awtoritajiet tal-Myanmar dwar it-tqegħid ta' mini tal-art f'firxa ta' art fuq il-fruntieri tagħha mal-Bangladesh li jista' jimpedixxi r-ritorn tal-Musulmani Rohingya li qed jaħarbu mill-vjolenza;

I.  billi l-membri tal-persunal internazzjonali tan-NU u ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali (INGOs) huma pprojbiti milli jidħlu f'żoni milquta mill-konflitt, u billi l-aġenziji tan-NU mhux qed ikunu jistgħu jwasslu l-għajnuna umanitarja, fosthom l-ikel, l-ilma u l-mediċini lir-Rohingya; billi l-aċċess umanitarju ingħata biss parzjalment lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u laħaq biss 10 % ta' dawk fil-bżonn; billi l-aċċess umanitarju għat-Tramuntana ta' Rakhine jibqa' diffiċli minkejja l-ftehim milħuq mal-Programm Dinji tal-Ikel tas-27 ta' Ottubru 2017;

J.  billi minħabba dawn il-limitazzjonijiet tal-aċċess, ftit li xejn informazzjoni hija disponibbli dwar il-ħtiġijiet attwali tal-popolazzjoni, u billi anke qabel il-kriżi attwali madwar 350 000 persuna kienu jiddependu fuq l-assistenza umanitarja, apparti l-120 000 persuna spostata internament fl-Istat ċentrali ta' Rhakine;

K.  billi fl-10 ta' Settembru 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Raad Al Hussein, ħabbar li s-sitwazzjoni fil-Myanmar "tidher eżempju klassiku ta' tindif etniku";

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fl-Istat ta' Rakhine;

2.  Jinsab serjament imħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Myanmar u fil-Bangladesh u jitlob li l-Gvern tal-Myanmar iġib fit-tmiem il-forza militari eċċessiva u l-vjolenza li qerdu lill-komunità Rohingya f'Rakhine;

3.  Jiddenunzja ż-żieda fil-gravità u l-iskala tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-qtil, l-istupri u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' ċittadini;

4.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-forzi militari u tas-sigurtà biex iwaqqfu immedjatament il-qtil, l-intimidazzjoni u l-istupru tal-persuni Rohingya, u l-ħruq ta' djarhom;

5.  Ifakkar li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jipproteġu, mingħajr diskriminazzjoni, lill-persuni ċivili kollha mill-abbuż, u li jinvestigaw kull ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex jagħtu aċċess immedjat u bla xkiel lill-osservaturi indipendenti, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti u lil osservaturi internazzjonali oħra u lin-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Inkjesta tan-NU li ġiet stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC) f'Marzu 2017, li l-mandat tiegħu ġie estiż sa Settembru 2018;

7.  Itenni t-talba urġenti tiegħu li l-organizzazzjonijiet li joffru għajnuna umanitarja jingħataw aċċess għaż-żoni tal-konflitt u għall-persuni spostati kollha, mingħajr diskriminazzjoni, biex il-ħaddiema umanitarji jkunu jistgħu jgħinu lill-persuni li jinsabu f'periklu;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar ineħħi immedjatament il-mini kollha tal-art fil-fruntiera mal-Bangladesh;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar, u lill-Kunsilliera tal-Istat Aung San Suu Kyi b'mod partikolari, biex jikkundannaw b'mod ċar kull inċitament għall-mibegħda razzjali jew reliġjuża u jiġġieldu d-diskriminazzjoni soċjali u l-ostilità fil-konfront tal-minoranza Rohingya; jistieden, barra minn hekk, lill-Gvern tal-Myanmar jirrispetta d-dritt universali għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; jistieden lill-Kunsilliera tal-Istat tirsisti favur l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, li tfassal fuq talba tagħha stess; jiddeplora n-nuqqas ta' progress wara d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2015 tal-kelliem tal-partit ta' Aung San Suu Kyi li l-Gvern tal-Myanmar għandu jerġa' jagħti lura ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya;

10.  Ifakkar lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-1990, Aung San Suu Kyi, li l-premju jingħata lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, iħarsu d-drittijiet tal-minoranzi u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, fost kriterji oħra; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat jekk il-Premju Sakharov u l-Premju Nobel għall-Paċi jistgħux jiġu revokati f'każijiet fejn ir-rebbieħa jiksru dawn il-kriterji wara li l-premju jkun ingħata;

11.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Bangladesh, fid-dawl ta' din il-katastrofi umanitarja, li jiffaċilita l-protezzjoni għal mijiet ta' eluf ta' rifuġjati Rohingya; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bangladesh, u ta' pajjiżi ġirien oħra, jilqgħu lil dawk kollha li qed jaħarbu l-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine u jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju u materjali għar-rifuġjati;

12.  Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu li l-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jaffrontaw l-influss ta' rifuġjati Rohingya jikkooperaw mill-qrib mal-UNHCR, li għandu l-għarfien espert tekniku biex jiskrinja għall-istatus ta' rifuġjat u l-mandat li jipproteġi lir-rifuġjati u lill-persuni apolidi; jistieden lill-UE u lin-NU jappoġġjaw lill-pajjiżi ġirien tal-Myanmar f'dan ir-rigward;

13.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim bilaterali ta' ripatrijazzjoni konkluż bejn il-Bangladesh u l-Myanmar fit-23 ta' Novembru 2017 f'Nay Pyi Taw peress li huwa pass importanti; iħeġġeġ lill-Prim Ministru tal-Bangladesh, Sheikh Hasina, u l-Konsulent tal-Istat tal-Myanmar, Aung San Suu Kyi, biex jimplimentaw malajr il-ftehim bilaterali ta' ripatrijazzjoni filwaqt li jiżguraw il-kundizzjonijiet fuq il-post li se jippermettu ritorn volontarju, sigur, sostenibbli u dinjituż tar-rifuġjati lejn il-postijiet ta' oriġini tagħhom; jikkonferma li l-UE se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni biex tiżgura li l-ftehim huwa konformi bis-sħiħ mad-dritt internazzjonali;

14.  Jinnota l-importanza tal-implimentazzjoni malajr tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, l'hekk imsejħa "rakkomandazzjonijiet ta' Annan"; jenfasizza r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li d-dritt ta' ċittadinanza ta' Myanmar jiġi allinjat mal-istandards u t-trattati internazzjonali li tagħhom il-Myanmar huwa
Stat parti, inklużi l-Artikoli 7 u 8 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tkun konformi mal-aħjar prattiki, inkluża l-abolizzjoni tad-distinzjonijiet bejn it-tipi differenti ta' ċittadini;

15.  Jappoġġja l-isforzi biex jiġi intensifikat il-proċess politiku bbażat fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' Annan; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Assemblea Ġenerali tan-NU jadottaw miżuri diplomatiċi u politiċi effikaċi biex tiġi żgurata l-konformità tal-Gvern tal-Myanmar mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-minoranza Rohingya f'termini ta' protezzjoni u aċċess għall-għajnuna; jitlob, f'dan ir-rigward, riżoluzzjoni min-naħa tal-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li fiha jikkundannaw l-abbużi, jinsistu fuq aċċess għall-Istat ta' Rakhine u jesiġu li tittieħed responsabbiltà għall-ksur serju tad-dritt internazzjonali mill-partijiet kollha;

16.  Iħeġġeġ liċ-Ċina u lil atturi internazzjonali u reġjonali oħra jużaw il-mezzi kollha biex jesiġu li jintemmu l-atroċitajiet u tinstab soluzzjoni paċifika;

17.  Jistieden lill-VP/RGħ, kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE, iżidu b'mod sinifikanti l-pressjoni tagħhom fuq il-Gvern tal-Myanmar u l-forzi tas-sigurtà biex iwaqqfu l-abbuż tad-drittijiet, jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigaturi tan-NU u mal-aġenziji umanitarji internazzjonali u jiżguraw li tittieħed responsabbiltà għall-ksur serju tad-dritt internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-VP/RGħ u l-Istati Membri tal-UE jieħdu rwol attiv fl-appoġġ għal azzjoni immedjata fil-livell tan-NU u jagħmluha ċara li l-UE tinsab lesta li tikkunsidra sanzjonijiet punittivi mmirati kontra individwi u entitajiet kif ukoll konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, jekk il-ksur serju tad-dritt internazzjonali jkompli għaddej b'impunità;

18.  Japprova l-għajnuna finanzjarja kontinwa mill-UE liż-żona kkonċernata fil-forma ta' għajnuna umanitarja u appoġġ ieħor; jinsisti li l-għajnuna kollha lill-Istat ta' Rakhine hija espliċitament u speċifikament ikkundizzjonata fuq in-nondiskriminazzjoni, in-nonsegregazzjoni u l-ugwaljanza u li l-proġetti u l-assistenza kollha huma implimentati b'tali mod li ma jsaħħaħx, ma jappoġġjax jew ma jipperpetwax diskriminazzjoni u segregazzjoni;

19.  Jistieden lill-VP/RGħ tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar l-inizjattivi tal-UE fin-NU u fil-kuntest tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jilqgħu rapporti u dikjarazzjonijiet min-naħa ta' rappreżentanti Rohingya dwar is-sitwazzjoni fuq il-post;

21.  Jappoġġja l-isforzi biex ikun hemm osservaturi indipendenti u mmexxija min-NU fuq il-post biex tittaffa l-kriżi umanitarja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jagħtu aċċess immedjat u bla xkiel lill-osservaturi indipendenti, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Inkjesta tan-NU stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu 2017;

22.  Jappoġġja t-twaqqif ta' uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar b'mandat sħiħ;

23.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-2024 tal-UNHRC biex Tintemm l-Apolidija;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1)

Texts adopted, P8_TA(2016)0316.

(2)

Texts adopted, P8_TA(2016)0506.

(3)

Texts adopted, P8_TA(2017)0089.

(4)

Texts adopted, P8_TA(2017)0247.

(5)

Texts adopted, P8_TA(2017)0351.

Avviż legali - Politika tal-privatezza