MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan
11.12.2017 - (2017/2932(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Sandra Kalniete, David McAllister, Dubravka Šuica, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Daniel Caspary, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Alojz Peterle, Julia Pitera, Tokia Saïfi, Jaromír Štětina f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0678/2017
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikat tal-4 u tal-5 ta' Ottubru 2016 maħruġ mill-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul[1] u tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tat-18 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-EEAS lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-"Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan" tal-24 ta' Lulju 2016 (JOIN(2017)0031),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-5 ta' Ottubru 2016 kopreseduta mill-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tat-13 ta' Frar 2017 bit-titolu "Pakistan Coercion, UN Complicity: The Mass Forced Return of Afghan Refugees', (Il-Koerċizzjoni tal-Pakistan, il-Kompliċità tan-NU: Ir-Ritorn Furzat tal-Massa tar-Rifuġjati Afgani")
– wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp (CAPD) tat-18 ta' Frar 2017 u r-ratifika sussegwenti tiegħu mill-Afganistan,
– wara li kkunsidra r-Rapport Dinji tal-Human Rights Watch għall-2017,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-Afganistan tas-16 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, sa mill-2002, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jiġġieldu t-terroriżmu u l-estremiżmu u li jiksbu paċi sostenibbli, l-istabbiltà u l-iżvilupp fl-Afganistan;
B. billi l-UE kkontribwixxiet biljuni ta' euro f'għajnuna u assistenza umanitarja u għall-iżvilupp tal-Afganistan; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-akbar donaturi tal-Afganistan, u huwa mistenni li jipprovdu sa EUR 5 biljun matul il-perjodu 2017-2020 kif imwiegħed fil-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan;
C. billi bil-għan li jiġi stabbilit stat stabbli u prosperu huwa essenzjali li jiġu żgurati d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba matul il-perjodu ta' tranżizzjoni fl-Afganistan u matul id-"Deċennju ta' trasformazzjoni" (2015-2024) tiegħu;
D. billi l-korruzzjoni endemika, is-sistemi ta' klijenteliżmu stabbiliti sew u n-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Gvern Afgan politikament imkisser biex jimxi 'l quddiem fir-rigward tar-riformi, jheddu li jnaqqsu l-progress u jreġġgħu lura l-kisbiet tal-passat;
E. billi l-erba' oqsma ta' prijorità għall-UE, li huma ta' importanza kritika biex jinkiseb il-progress fl-Afganistan, jikkonċernaw: a) il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali; b) it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa; c) l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u uman; d) l-indirizzar ta' sfidi relatati mal-migrazzjoni;
F. billi, wara l-kriżi tal-elezzjoni presidenzjali tal-2014, il-Gvern ta' Unità Nazzjonali (GNU) esperjenza progress wieqaf fuq l-aġenda ta' riforma tiegħu, li jwassal għal sitwazzjoni ta' politika dejjem aktar instabbli;
G. billi l-qawmien mill-ġdid tat-Talibani u tal-Al-Qaida, u l-qawmien ta' fergħa lokali ġdida tal-Istat Iżlamiku (IS) fl-Afganistan (L-Istat Iżlamiku tal-Provinċja ta' Khorasan (ISKP)), flimkien ma' għadd kbir ta' migranti Afgani li jirritornaw lejn pajjiżhom, prinċipalment mill-Pakistan, huma ta' theddida għall-instabbiltà diġà eżistenti, li tista' tinbidel f'kunflitt fuq skala akbar, u b'hekk tkun mhedda l-istabbiltà reġjonali;
H. billi skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), bejn Jannar u Novembru 2016, inqatlu 6 785 membru tal-forzi Afgani u ndarbu 11 777 oħra, u billi l-Missjoni tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) irrappurtat ukoll żieda ta' 3 % fil-vittmi ċivili (3 498 maqtula, 7 920 midruba) fl-2016 meta mqabbel mas-sena ta' qabel;
I. billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fil-produzzjoni tax-xaħxieħ fl-Afganistan, u żieda qawwija fl-użu tad-drogi fil-pajjiż ġarr tiegħu, l-Iran; billi t-Taliban juża dan il-kummerċ illeċitu tad-drogi biex jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu; billi l-limitazzjoni jew l-eliminazzjoni ta' dan il-kummerċ ikunu ta' vantaġġ reċiproku għall-Iran u għall-Afganistan; billi l-oppju mill-Afganistan huwa s-sors ewlieni tal-eroina fl-UE; billi hija meħtieġa ħidma mal-Iran u ma' pajjiżi oħra fil-fruntieri, bħat-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan, sabiex jiġi limitat aktar il-fluss ta' opjati lejn is-swieq Ewropej;
J. billi rapporti jindikaw li l-Afganistan għandu bejn triljun u tliet triljun dollaru f'riżervi minerali mhux żviluppati; billi t-tħaffir fil-minjieri illeċitu huwa problema kbira li jhedded li jbiddel xprun potenzjali għall-iżvilupp Afgan f'sors ta' kunflitt u instabbiltà; billi t-tħaffir fil-minjieri huwa t-tieni l-akbar sors ta' dħul għat-Taliban;
K. billi l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat immexxija min-NATO ser iżżid il-livell attwali tat-truppi tagħha minn 13 000 għal 16 000; billi, f'Awwissu 2017, l-Istati Uniti ddeċidew li jżidu l-impatt militari tagħhom bħala parti mill-Istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti dwar l-Asja t'Isfel;
1. Ifakkar li l-Afganistan tfarrak minħabba kważi 40 sena ta' kunflitt u gwerra, li wasslu għall-qerda tal-pajjiż, għal aktar minn miljun vittma u l-eżilju furzat ta' parti sinifikanti tal-popolazzjoni, u għal dak li llum huwa fil-fatt stat fallut;
2. Jenfasizza li taħt ir-reġim tat-Taliban, l-Afganistan spiċċa sar wieħed mill-iktar postijiet fertili għall-firxa tat-terroriżmu, li wassal għall-avvenimenti traġiċi ta' 9/11; jirrimarka, madankollu, li, minħabba l-intervent tal-komunità internazzjonali, l-Afganistan inbidel ħafna;
3. Ifakkar li l-Afganistan fl-aħħar deċennju u nofs kiseb progress fl-oqsma politiċi, ta' sigurtà, ekonomiċi u ta' żvilupp; jenfasizza li l-PDG per capita żdied b'ħames darbiet, il-medja tal-għomor żdiedet bi kważi 15-il sena, u kien hemm żieda sinifikanti fin-numru ta' bniet li jmorru l-iskola meta mqabbla mal-2001, iċ-ċifra llum hija madwar 40 % tat-total ta' 8 sa 9 miljun tifel u tifla; jenfasizza li xejn minn dan ma kien ikun possibbli kieku mhux għad-dedikazzjoni tal-popolazzjoni Afgana u l-impenn tal-komunità internazzjonali, u l-għoti ta' fondi, l-għarfien espert u tal-persunal fuq il-post;
4. Jenfasizza li l-progress miksub huwa ferm fraġli u riversibbli; jenfasizza li aktar progress ser jeħtieġ aktar riformi, relazzjonijiet stabbli mal-ġirien, u l-forniment kontinwu ta' livell neċessarju ta' sigurtà u stabbiltà; jiddispjaċih li f'dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan iddeterjorat u l-pajjiż qed jiffaċċja aktar pressjoni mir-ribelli u mit-terroristi, permezz ta' attakki bil-bombi u attakki terroristiċi li qed iseħħu kważi ta' kuljum; jenfasizza li l-istituzzjonijiet demokratiċi għadhom dgħajfa u l-qafas elettorali huwa fraġli; jiddeplora l-fatt li d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk tan-nisa u tat-tfal, huma mhedda ta' kuljum; jirrimarka li n-nuqqas ta' infrastruttura u ż-żieda fin-numru ta' persuni li jirritornaw lejn l-Afganistan minn pajjiżi ġirien jipperikolaw il-progress ekonomiku u soċjali miksub s'issa;
5. Ifaħħar l-isforzi u s-sagrifiċċju tal-komunità internazzjonali li pprovdiet is-sigurtà fl-Afganistan għal aktar minn deċennju permezz tal-Operazzjoni Libertà Dejjiema u l-missjoni tal-ISAF fl-Afganistan, li fihom kważi 3 500 persuna tas-servizz mietu; jilqa' l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat immexxija min-NATO li jikkontribwixxu għaliha 39 nazzjon, li ilha topera mill-1 ta' Jannar 2015, li għandha mandat biex tħarreġ, tagħti pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani; ifakkar li l-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Afgani (ANSF) huma kompletament responsabbli għal operazzjonijiet ta' ġlied, li kienu ġew ittrasferiti mill-ISAF fl-1 ta' Jannar 2015;
6. Jemmen bis-sħiħ li proċess ta' paċi u ta' rikonċiljazzjoni mmexxi mill-Afgani u bi sjieda Afgana huwa l-unika triq vijabbli ta' riżoluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt; jilqa' l-inizjattivi Afgani favur il-paċi bħall-Proċess ta' Kabul dwar il-Kooperazzjoni favur il-Paċi u s-Sigurtà; jikkonferma mill-ġdid l-impenn qawwi tal-UE biex tappoġġa kwalunkwe inizjattiva li twassal għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afganistan;
7. Jenfasizza l-importanza tal-Afganistan għall-istabbiltà reġjonali; jenfasizza li Afganistan sigur, stabbli, u prosperu huwa ta' importanza vitali għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu; itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' sħab reġjonali, bħalma huma l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-Iran, iċ-Ċina, l-Indja u l-Pakistan; iħeġġiġhom jikkooperaw b'mod kostruttiv biex jippromwovu proċess ta' negozjati ġenwin u orjentat lejn ir-riżultati, mingħajr prekundizzjonijiet; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proċess magħruf bħala "il-Qalba tal-Asja" mniedi f'Istanbul fl-2012 bil-għan li jinbnew l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun;
8. Itenni l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tkompli bl-impenn tagħha fl-Afganistan u li tikkontribwixxi għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż, l-iżvilupp tal-ekonomija u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; huwa mħeġġeġ, f'dan il-kuntest, mill-impenji magħmula mill-komunità internazzjonali waqt il-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan, li wegħdet madwar EUR 13.6 biljun f'appoġġ sal-2020;
9. Iqis li n-nuqqas ta' sigurtà, u korruzzjoni endemika huma l-ikbar żewġ sfidi li jxekklu l-funzjonament normali u l-iżvilupp tal-Afganistan; itenni li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan iddeterjorat u żdiedu l-attakki terroristiċi; huwa allarmat bl-espansjoni territorjali tat-Taliban li qed isseħħ, u mill-ħolqien tal-ISKP u mit-tisħiħ ta' gruppi terroristiċi tal-Al-Qaida; jirrikonoxxi li l-ISKP għandu l-potenzjal li jsir l-akbar theddida għas-sigurtà fl-Afganistan fil-futur qrib;
10. Jesprimi tħassib kbir dwar il-ħolqien tal-ISKP bħala l-aħħar element li jikkontribwixxi għall-fraġilità akbar tal-kuntest tas-sigurtà fl-Afganistan; jenfasizza li minbarra l-fortizza tiegħu fil-Lvant tal-pajjiż (Nangarhar) qed jipprova jasserixxi l-preżenza tiegħu fit-Tramuntana tal-pajjiż bl-għajnuna l-Moviment Iżlamiku tal-Użbekistan (IMU); jenfasizza li, jekk dan iseħħ b'suċċess, jinħoloq ambjent li jwassal għall-għoti ta' kenn lill-ġellieda barranin u lill-militanti, meta dawn jiġu furzat 'il barra mill-Iraq u mis-Sirja, minħabba telf militari tal-IS f'dawk iż-żewġ pajjiżi;
11. Jenfasizza l-importanza ta' proċess ġenwin ta' rikonċiljazzjoni interna; jistieden lill-UE biex b'mod attiv tappoġġja programm ta' diżarm, ta' demobilizzazzjoni u ta' riintegrazzjoni, immexxi mill-Afgani, għal dawk li qabel kienu ribelli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu u r-reklutaġġ għall-organizzazzjonijiet terroristiċi; ifakkar li l-indirizzar tal-kawżi tal-problemi msemmija hawn fuq, huwa marbut mal-ħolqien ta' inċentivi għal iżvilupp ekonomiku u t-tkabbir għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni;
12. Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu hija fattur ewlieni fil-ħolqien ta' ambjent li jwassal għas-sigurtà fl-Afganistan; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Forzi Afgani għad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali (ANSF), li għalihom tikkontribwixxi b'mod sinifikanti l-missjoni ta' Appoġġ Determinat tan-NATO li tiffoka fuq it-taħriġ, fuq il-konsulenza u fuq l-assistenza; ifaħħar is-sagrifiċċju kbir tal-ANSF, li jġarrbu telf kbir kull sena fil-ġlieda tagħhom kontra r-ribelli; ifakkar il-kontribuzzjoni annwali tal-komunità internazzjonali ta' madwar USD 1 biljun biex issostni l-finanzjament tal-ANSF sal-2020;
13. Jikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti fl-Afganistan, b'mod partikolari l-attentat suwiċida tal-moskea Xita Imam Zaman f'Kabul fl-20 ta' Ottubru 2017 u l-attakk fuq l-istazzjon televiżiv privat Shamshad f'Kabul fis-7 ta' Novembru 2017; jirrimarka li l-ISIS/Daesh sostnew ir-responsabbiltà għaż-żewġ attakki; jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora, u l-għadd għoli ta' persuni ċivili li huma vittmi, minħabba attakki terroristiċi;
14. Jenfasizza l-importanza tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp, li huwa l-ewwel relazzjoni kuntrattwali bejn iż-żewġ partijiet; jemmen li l-applikazzjoni tal-ftehim issaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali u l-kooperazzjoni fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, l-istat tad-dritt, is-saħħa, l-iżvilupp rurali, l-edukazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u n-narkotiċi, kif ukoll il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni;
15. Jappoġġja l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Afganistan kif ippreżentata fl-24 ta' Lulju 2017, li hija tentattiv biex tindirizza b'mod komprensiv l-isfidi tal-Afganistan, li tiffoka fuq il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa, kif ukoll l-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku u uman u jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-migrazzjoni;
16. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-GNU biex isegwi l-prijoritajiet stabbiliti fil-"Qafas Nazzjonali għall-Paċi u l-Iżvilupp fl-Afganistan", bil-għan li tinkiseb l-awtonomija, b'mod partikolari billi titnaqqas id-dipendenza fuq l-għajnuna esterna u jingħataw possibbiltajiet ekonomiċi lill-popolazzjoni; jistieden bil-qawwa lill-GNU biex jindirizza l-kwistjonijiet urġenti ta' korruzzjoni, ġestjoni ħażina, skart, it-traffikar tad-drogi u s-sigurtà tal-persuni;
17. Jesprimi tħassib dwar iż-żieda fil-qawmien mill-ġdid ta' vjolenza kontra n-nisa u t-tneħħija ta' dispożizzjonijiet għan-nisa u għad-drittijiet tagħhom fl-Afganistan; jistieden lill-Parlament Afgan u lill-GNU biex jirrevokaw il-liġijiet kollha li fihom elementi ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, li jiksru t-Trattati Internazzjonali ffirmati mill-Afganistan;
18. Jappella lill-gvernijiet tal-Afganistan u tal-Pakistan biex jaħdmu flimkien dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u kontra t-terroriżmu, u jinkoraġġixxi l-iskambju ta' intelligence u kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroristi u l-estremisti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera; jenfasizza l-problema ta' santwarji għal gruppi ta' ribelli fil-Pakistan, li jeħtieġ li tiġi indirizzata mill-awtoritajiet f'Islamabad;
19. Jieħu nota tal-attivitajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni Kwadrilaterali (QCG) dwar l-Afganistan li jinkludu l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Afganistan u l-Pakistan, kif stabbilit f'Diċembru 2015; japprezza l-isforzi li saru s'issa f'forma ta' pjan direzzjonali mmirat biex jiffaċilita t-taħditiet diretti bejn il-GNU u t-Taliban; jiddispjaċih, madankollu, li ma sar l-ebda progress tanġibbli f'dan ir-rigward, li wassal għal proċess ta' paċi u ta' rikonċiljazzjoni mmexxi mill-Afgani, u bi sjieda Afgana;
20. Itenni l-importanza ta' djalogu u ta' kooperazzjoni mal-Afganistan dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, inklużi r-ritorn u r-riammissjonijiet, il-ġlieda kontra d-dħul klandestin tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni sħiħa tat-Triq Konġunta 'l Quddiem UE-Afganistan u ta' arranġamenti bilaterali ma' Stati Membri;
21. Jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda enormi fl-għadd ta' persuni spostati internament fl-2016, b'aktar minn 653 000 spostamenti ġodda, li tista' twassal għal kriżi umanitarja kbira; jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti biex jipprovdu għal dawn l-Afgani vulnerabbli, u jistieden lill-GNU biex jgħin r-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà Afgana; jenfasizza li, skont stimi mill-awtoritajiet Afgani, minn aġenziji tan-NU u minn aġenziji umanitarji oħrajn, iktar minn 9.3 miljun persuna ser ikunu jeħtieġu għajnuna umanitarja sal-aħħar tal-2017;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0412.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0282.