Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0680/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0680/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

11.12.2017 - (2017/2932(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
<<<

Proċedura : 2017/2932(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0680/2017
Testi mressqa :
B8-0680/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0680/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

(2017/2932(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2017 dwar elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2017 dwar strateġija tal-UE dwar l-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni nazzjonali tal-Afganistan dwar ir-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2344 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li testendi l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan sas-17 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapporti regolari tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-implikazzjonijiet tagħha għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-proċess ta' Kabul dwar il-Kooperazzjoni favur il-Paċi u s-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-UE dwar l-attakki terroristiċi fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-ħatra tal-Mibgħut Speċjali tal-UE il-ġdid għall-Afganistan u l-ewwel żjara tiegħu fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra s-summits tan-NATO ta' Lulju 2016 u ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minkejja xi titjib, is-sitwazzjoni fl-Afganistan għadha kritika, u s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tmur għall-agħar, qed tiżdied il-pressjoni mir-ribelli u t-terroristi u jeżistu sfidi ekonomiċi u politiċi sinifikanti; billi din il-fraġilità hija aggravata mill-korruzzjoni, l-istat tad-dritt u l-governanza dgħajfin, attivitajiet ekonomiċi illeċiti u l-kunflitt armat li għaddej;

B.  billi s-sitwazzjoni umanitarja għadha waħda ta' tħassib kbir, u minħabba fiha b'mod partikolari qed ibatu ċ-ċivili; billi r-rapport riċenti tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA) ddokumenta l-ogħla għadd ta' vittmi mill-2009, u fl-2016 kien hemm 11 318 il-vittma ċivili, filwaqt li minn Jannar 2017 sa Settembru 2017 il-vittmi kienu diġà ammontaw għal 8 019; billi nstab li kemm l-elementi kontra l-gvern kif ukoll il-forzi favur il-gvern kienu responsabbli għal dawn il-vittmi; billi, b'riżultat ta' dan il-kunflitt intensifikat, 600 000 persuna ġew spostati fl-2016 persuna u aktar minn 280 000 fl-2017, u l-biċċa l-kbira tagħhom kienu taħt l-età ta' 18-il sena;

C.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik umanitarja, flimkien ma' nuqqas ta' perspettiva ekonomika, wasslu għal flussi ogħla ta' migrazzjoni irregolari, bir-riżultat li l-Afgani kienu t-tieni l-akbar grupp ta' migranti lejn l-UE fl-2016; billi s-sitwazzjoni interna fl-Afganistan qed tmur għall-agħar minħabba r-ritorn ta' aktar minn miljun rifuġjat Afgan mill-Pakistan u l-Iran, u billi dan qed iġebbed il-kapaċitajiet tal-gvern u qed ikompli jitfa' pressjoni akbar fuq is-soċjetà;

D.  billi l-komunità internazzjonali diversi drabi rriaffermat l-appoġġ kontinwu tagħha għall-Afganistan: waqt is-summit tan-NATO tad-29 ta' Ġunju 2017, fejn l-alleati u s-sħab affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom sa tmiem l-2020 u diversi alleati ħabbru kontributi akbar ta' truppi għall-Missjoni ta' Appoġġ Determinat tan-NATO, u fil-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan ta' Ottubru 2016, ikkopreseduta mill-UE u l-Gvern tal-Afganistan, fejn il-komunità internazzjonali żgurat l-appoġġ politiku kontinwu u wegħdet EUR 13,6 biljun f'appoġġ finanzjarju, inklużi EUR 5 biljun mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, biex b'hekk l-UE fl-intier tagħha hija l-akbar sieħeb fil-koperazzjoni għall-iżvilupp fl-Afganistan; billi l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp ta' Frar 2017 ikkonferma l-impenn tal-UE lejn l-iżvilupp tal-Afganistan;

E.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan għadha ferm volatili minħabba li l-gvern u t-Taliban għadhom jiskambjaw il-kontroll territorjali, u qed tħalli vittmi fuq iż-żewġ naħat; billi m'hemm l-ebda progress tanġibbli lejn proċess ta' paċi bejn il-gvern u t-Taliban;

F.  billi it-Taliban riċentement wettaq mewġa ta' attakki madwar l-Afganistan, u attakka binjiet tal-pulizija u faċilitajiet tal-gvern b'qattiela suwiċida bil-bombi, u qatel mill-inqas 74 persuna u ħalla bosta mijiet midruba; billi l-użu indiskriminat u illegali ta' tattiki kkombinati bl-użu ta' apparat esplosiv improvviżat (IEDs), b'mod partikolari l-bombi suwiċida, huwa l-kawża ewlenija tal-imwiet fost iċ-ċivili;

G.  billi l-operazzjonijiet tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante – Provinċja ta' Khorasan (ISIL-KP) għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom limitati għal-Lvant tal-Afganistan, iżda l-grupp ħa r-responsabbiltà għal għadd ta' attakki sinifikanti fuq skala nazzjonali u jista' jikkonsolida l-preżenza tiegħu fil-Provinċja ta' Kunar u jirnexxilu jerġa' jistabbilixxi l-kapaċità operazzjonali f'oqsma tal-Provinċja ta' Nangarhar;

H.  billi, minkejja l-isforzi tal-gvern, l-Afganistan għadu wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja; billi l-livell ta' korruzzjoni huwa partikolarment inkwetanti peress li l-armi qed jinbiegħu direttament lir-ribelli minn uffiċjali korrotti fil-forzi tas-sigurtà nazzjonali, filwaqt li l-fondi qed jiġu ddevjati mis-settur umanitarju, u b'hekk mhux qed jilħqu lil dawk fil-bżonn;

I.  billi waħda mill-akbar preokkupazzjonijiet għadha l-fluss kontinwu ta' armi li jaslu għand it-Taliban u gruppi terroristiċi oħra, f'kummerċ iffinanzjat mill-kultivazzjoni tal-oppju, il-kuntrabandu, ħtif ta' persuni, l-estorsjoni kontra l-NGOs u l-bejgħ illegali ta' minerali u artefatti storiċi antiki, kif ukoll mis-serq tal-fondi ta' għajnuna barranija li jidħlu fil-pajjiż;

J.  billi l-erja totali tal-art għat-tkabbir tal-peprin xaħxieħi fl-Afganistan żdiedet b'10 % fl-2016 meta mqabbel mas-sena ta' qabel, filwaqt li l-produzzjoni żdiedet b'43 %, u l-valur tal-ekonomija illeċita tal-opjati ġie stmat li jiswa' USD 3 biljun fl-2016;

K.  billi r-relazzjoni bilaterali bejn l-Afganistan u l-Pakistan wriet xi sinjali ta' titjib fil-kooperazzjoni, peress li ż-żewġ pajjiżi t-tnejn ħadu passi biex itejbu r-relazzjonijiet, inkluż l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' kontroll tal-kriżi għall-komunikazzjonijiet ta' emerġenza u mekkaniżmu ta' djalogu trilaterali fil-livell ministerjali;

L.  billi l-Kummissjoni Elettorali Indipendenti tal-Afganistan ħabbret is-7 ta' Lulju 2018 bħala d-data tal-elezzjonijiet parlamentari u tal-kunsilli distrettwali u għamlet progress fit-tħejjijiet elettorali;

M.  billi l-Kummissjoni ħabbret li EUR 5 miljun oħrajn f'assistenza umanitarja kienu se jingħataw lill-Afganistan, biex b'hekk it-total tal-għajnuna umanitarja tal-UE lill-Afganistan fl-2017 laħaq it-EUR 30,5 miljun; billi, b'mod ġenerali, l-UE se tipprovdi sa EUR 300 miljun fis-sena f'finanzjament sal-2020, inkluża l-għajnuna għall-iżvilupp;

N.  billi r-reklutaġġ u l-użu tal-minorenni minn kull naħa għadhom kwistjoni serja, billi l-UNAMA vverifikat ir-reklutaġġ u l-użu ta' 21 subien, inklużi 15 mill-elementi kontra l-gvern, u rċievet rapporti li l-ISIL-KP kien irrekluta sa 50 tifel u li dawn kienu qed jingħataw taħriġ reliġjużi u militari fil-Provinċja ta' Ghor;

O.  billi l-Istati Uniti wettqu 2 568 attakk fl-Afganistan fl-2017, u ġie rrappurtat li dawn ħallew għexieren ta' persuni ċivili maqtula;

P.  billi fl-20 ta' Novembru 2017 il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) talab l-awtorizzazzjoni mill-imħallfin tal-Qorti biex iniedi investigazzjoni dwar l-allegati delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità b'relazzjoni mal-kunflitt armat fir-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mill-1 ta' Mejju 2003; billi l-Prosekutur qed jitlob ukoll permess biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' delitti li għandhom rabta mal-kunflitt armat fl-Afganistan, huma marbuta biżżejjed mas-sitwazzjoni u twettqu fit-territorju ta' Stati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma oħrajn minn Lulju 2002; billi, minħabba li l-Afganistan huwa Stat Parti għall-Istatut ta' Ruma, il-Qorti tista' teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tad-delitti allegati kollha mwettqa fit-territorju Afgan minn Mejju 2003, irrispettivament min-nazzjonalità tal-akkużat; billi l-informazzjoni disponibbli tipprovdi bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità setgħu twettqu minn partijiet attivi fl-Afganistan;

1.  Jirrimarka li, wara kważi 40 sena ta' kunflitt u 16-il sena ta' intervenzjoni mill-Istati Uniti u n-NATO, l-Afganistan la kiseb il-paċi, la s-sigurtà u lanqas żvilupp sostenibbli; jirrimarka li, minkejja l-isfidi ċari, il-pajjiż ra progress f'għadd ta' oqsma, inkluż il-kwalità tal-kura tas-saħħa u l-aċċess għaliha, l-edukazzjoni bażika, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-istennija tal-għomor;

2.  Itenni l-impenn tiegħu li jippromwovi l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fl-Afganistan u li jagħti appoġġ lill-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż, u jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Istrateġija tal-UE għall-Afganistan bħala l-pilastru għal azzjoni futura tal-UE;

3.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-attakki terroristiċi riċenti: jafferma mill-ġdid li t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu jikkostitwixxi waħda mill-aktar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jinġiebu quddiem il-ġustizzja l-awturi, l-organizzaturi, il-finanzjaturi u l-isponsors ta' dawn l-atti, u jħeġġeġ lill-istati kollha jikkooperaw b'mod attiv mal-Gvern tal-Afganistan u mal-awtoritajiet rilevanti l-oħrajn kollha f'dan ir-rigward;

4.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakki kollha li jkollhom fil-mira tagħhom iċ-ċivili, il-ħaddiema umanitarji, il-forzi Afgani u internazzjonali, l-uffiċjali diplomatiċi u konsulari, kif ukoll rappreżentanti oħrajn tal-komunità internazzjonali fl-Afganistan;

5.  Jinnota bi tħassib iż-żieda sinifikanti fl-għadd ta' vittmi ċivili b'riżultat tal-attakki mill-ajru mill-forzi favur il-gvern u jfakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu l-popolazzjoni ċivili matul l-operazzjonijiet militari, f'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata kont tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

6.  Jinnota l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti fl-Afganistan li tappella għal żieda fl-għadd ta' truppi; jenfasizza għal darb' oħra li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt, minħabba li l-paċi tista' tinkiseb biss permezz ta' negozjati diretti bejn il-gvern u t-Taliban, li jridu jifformaw parti minn proċess inklużiv ta' paċi u rikonċiljazzjoni mmexxi mill-Afgani, u bi sjieda Afgana; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha għal dan il-għan, bħall-Proċess ta' Kabul dwar il-Kooperazzjoni favur il-Paċi u s-Sigurtà, u jħeġġeġ lill-UE żżomm l-impenn tagħha f'livell għoli; jilqa' l-ħatra ta' Mibgħut Speċjali tal-UE ġdid għall-Afganistan u l-ewwel żjara tiegħu fil-pajjiż,

7.  Jemmen li t-truppi tan-NATO jenħtieġ li jaderixxu strettament mar-rwol konsultattiv tagħhom, bil-ħsieb li jirtiraw hekk kif il-kundizzjonijiet ikunu jippermettu;

8.  Jinsab konxju li proċess ta' rikonċiljazzjoni jeħtieġ appoġġ politiku ġenwin mill-atturi fir-reġjun; jistieden lill-partijiet ikkonċernati reġjonali kollha jikkooperaw b'mod kostruttiv sabiex jippromwovu proċess ġenwin ta' negozjar maħsub biex joħloq soluzzjoni dejjiema bejn il-partijiet fil-kunflitt, u jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli timpenja ruħha mas-sħab u l-partijiet madwar id-dinja u fir-reġjun, speċjalment mal-Indja u l-Pakistan, biex tippromwovi kunsens internazzjonali u reġjonali fir-rigward ta' dan il-proċess; jilqa', f'dan ir-rigward, id-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa waqt l-14-il Summit bejn l-UE u l-Indja fis-6 ta' Ottubru 2017;

9.  Jenfasizza l-importanza li jinkixfu u jitwaqqfu n-netwerks finanzjarji li juża t-Taliban biex jittrasferixxi l-flus, u sabiex jinqatgħu s-sorsi ta' finanzjament, in-netwerks tal-kuntrabandu u l-attivitajiet illeċiti li jintużaw sabiex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tagħhom; jitlob għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni multilaterali u reġjonali fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar illeċitu tal-gruppi terroristiċi u sabiex jingħalqu r-rotot tal-kuntrabandu;

10.  Jistieden lill-Gvern Afgan ikompli jimplimenta l-aġenda ta' riforma miftiehma tiegħu, inklużi l-liġijiet kontra l-korruzzjoni, itejjeb is-sistemi tat-traċċar tal-armi tiegħu, jippromwovi r-responsabbiltà u jsaħħaħ ir-rwol tal-istrutturi ta' governanza lokali, b'mod partikolari fejn il-kunsilli tal-anzjani tribali ġew osservati li qed jaħdmu b'integrità u trasparenza;

11.  Jilqa' t-tħabbira tal-elezzjonijiet ta' Lulju 2018, li jista' jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-objettiv tal-konsolidazzjoni demokratika fl-Afganistan; jistieden lill-istituzzjonijiet elettorali jwessgħu l-ilħuq tagħhom sabiex jinvolvu lill-partijiet interessati kollha sabiex jibnu appoġġ pubbliku għall-elezzjonijiet; jappella għal proċess ta' riforma elettorali bil-għan li l-elezzjonijiet ikunu kredibbli, inklużivi u trasparenti; jistieden lill-partijiet kollha joqogħdu lura mir-retorika xewwieka li għandha l-potenzjal li taggrava t-tensjonijiet soċjali u timmina l-kunsens politiku fraġli rrappreżentat mill-Kostituzzjoni; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jiżguraw li d-dissens politiku jkompli jiġi espress b'mod paċifiku u fil-qafas tal-proċessi demokratiċi u kostituzzjonali tal-pajjiż;

12.  Jenfasizza r-rwol dejjem jikber tan-nisa biex itaffu l-kunflitti u jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fil-komunitajiet tagħhom, kif ukoll ir-rwol tradizzjonali ta' paċi tagħhom fl-Afganistan; jilqa' r-rappreżentanza akbar tan-nisa fil-Kunsill Għoli għall-Paċi l-Afganistan, u l-istrateġija l-ġdida tal-Kunsill li jirrikonoxxi r-rwol kruċjali u attiv tan-nisa; jistieden lill-UE tkompli tappoġġa lill-Afganistan fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u programmi rilevanti oħrajn; jitlob biex il-liġi dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa tiddaħħal fil-leġiżlazzjoni penali;

13.  Itenni li ż-żgħażagħ huma l-ġejjieni tal-pajjiż, u jinsab ferm imħasseb dwar rapporti li tfal qed jiġu rreklutati mit-Taliban, qed jitħarrġu fil-madrasas u qed jintbagħtu f'diversi operazzjonijiet militari, inkluż fil-produzzjoni u fit-tqegħid ta' IEDs; ifakkar lill-partijiet kollha li l-użu ta' persunal tal-forzi armati taħt it-18-il sena f'żoni ta' gwerra jikser id-dritt internazzjonali applikabbli fl-Afganistan u, f'każijiet li jinvolvu tfal taħt il-15-il sena, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u għall-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-gvern jieħu l-miżuri kollha fattibbli biex jipprevjeni tali reklutaġġ u użu, inkluża l-adozzjoni ta' miżuri legali meħtieġa biex jipprojbixxi u jikkriminalizza tali prattiki, u biex jieħu l-miżuri kollha fattibbli biex jiżgura l-protezzjoni u l-kura tat-tfal affettwati minn kunflitti armati; jistieden lill-Gvern jabbozza u jadotta att komprensiv dwar it-tfal u pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal;

14.  Jilmenta li, minkejja li huwa ftehim de facto ma' parti terza li jipprovdi qafas ċar għall-kooperazzjoni fir-rigward tar-ritorni furzati u r-riammissjonijiet fl-Afganistan, it-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE ma tressqitx quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni u li l-Parlament ma ġie infurmat jew ikkonsultat fl-ebda stadju tal-proċedura; jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma mal-proċeduri kif stabbiliti fit-Trattati, u biex tgħarraf, tikkonsulta u tinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament fir-rigward tal-ftehim tat-Triq Konġunta 'l Quddiem; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini ta' migranti, dawk li jfittxu l-ażil u r-rifuġjati tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali u Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-rifuġjati, u ma tikkontribwixxix b'mod dirett jew indirett għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi kontra r-radikalizzazzjoni, ta' deradikalizzazzjoni u ta' diżarm, demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni u li jiġu mmobilizzati l-komunitajiet lokali u s-soċjetà ċivili biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti, u jistieden lin-NATO u lill-UE jappoġġjaw tali inizjattivi; jemmen fl-importanza ta' proġetti żgħar u lokali li jinvolvu atturi reliġjużi lokali, jiżviluppaw messaġġi lokali kontra l-estremiżmu , u jibnu djalogu bejn il-komunitajiet, u b'hekk jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fi stadju bikri;

16.  Jenfasizza l-importanza tal-kultura u l-edukazzjoni fl-iżvilupp tal-koeżjoni nazzjonali, u jilmenta li aktar minn 3,5 miljun tifel u tifla – terz tat-tfal Afgani, il-biċċa l-kbira minnhom bniet – ma kinux imorru l-iskola fil-bidu tas-sena skolastika f'Marzu; jemmen li l-introduzzjoni tal-bini tal-paċi, tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u tal-medjazzjoni fil-kurrikula skolastiċi tista' tgħin biex tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ Afgani u, billi tipprovdi kompetenzi prattiċi fl-identifikazzjoni ta' sorsi ta' kunflitt u għarfien dwar kif titnaqqas it-tensjoni u jiġu nnegozjati soluzzjonijiet paċifiċi, tagħti opportunità lill-ġenerazzjoni li jmiss biex toħroġ miċ-ċikli tal-vjolenza;

17.  Jistieden lill-Gvern Afgan jiffoka serjament biex imantni l-istat tad-dritt, jiżgura l-ġustizzja u jipprijoritizza miżuri sabiex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini, bħala strateġija organizzata; jistieden lill-komunità internazzjonali fl-intier tagħha biex tappoġġa lill-Afganistan fit-twettiq tal-impenji tiegħu biex jirriforma s-sistema ġudizzjarja tiegħu, inkluż billi jiżviluppa proċess ta' ġustizzja transizzjonali bi sjieda nazzjonali, li jindirizza l-impunità; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn is-sistemi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim tal-istat u dawk tribali; jinsab konvint li trasparenza, responsabbiltà u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini akbar fil-proċess leġiżlattiv u ġudizzjarju jistgħu jkunu utli biex jiżguraw sistema aktar ġusta u trasparenti;

18.  Jinsab konvint li r-reżiljenza tas-soċjetajiet, bħal dak tal-iżvilupp tal-bniedem, fl-aħħar mill-aħħar hija relatata mal-kapaċità ta' sistema li tiżgura l-prospettivi ekonomiċi tal-popolazzjoni, partikolarment taż-żgħażagħ tagħha; jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Qafas Nazzjonali għall-Paċi u l-Iżvilupp fl-Afganistan, kif ukoll it-tisħiħ tas-settur privat, tal-agrikoltura u tal-isfruttar u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

19.  Jinnota t-talba tal-prosekutur tal-QKI għal permess biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa min-naħat kollha fl-Afganistan minn Mejju 2003; jitlob, jekk tingħata din l-awtorizzazzjoni, li titwettaq investigazzjoni ġusta, trasparenti, oġġettiva u indipendenti, bil-għan li dawk responsabbli għal dawn id-delitti jagħtu kont ta' għemilhom, irrispettivament minn min huma, biex b'hekk tiġi żgurata l-ugwaljanza quddiem il-liġi u jiġi evitat li dawn id-delitti jseħħu mill-ġdid;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.