MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan
11.12.2017 - (2017/2932(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Petras Auštrevičius, Patricia Lalonde, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0678/2017
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikat tal-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-4 u l-5 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul[1] u tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tas-16 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan" tal-24 ta' Lulju 2017 (JOIN(2017)0031),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tat-13 ta' Frar 2017 bit-titolu "Pakistan Coercion, UN Complicity: The Mass Forced Return of Afghan Refugees" (Il-Koerċizzjoni tal-Pakistan, il-Kompliċità tan-NU: Ir-Ritorn Furzat tal-Massa tar-Rifuġjati Afgani"),
– wara li kkunsidra r-Rapport Dinji tal-Human Rights Watch għall-2017,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' kull tliet xhur tal-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR) lill-Kungress tal-Istati Uniti tat-30 ta' Jannar 2017,
– wara li kkunsidra d-dokument intitolat "Triq Konġunta 'l Quddiem dwar Kwistjonijiet ta' Migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE", iffirmat fit-3 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp, iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ilhom sa mill-2001 jaħdmu mal-Afganistan u mal-komunità internazzjonali usa' sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu, filwaqt li jistinkaw ukoll biex jiksbu l-paċi u l-iżvilupp sostenibbli; billi ż-żieda fil-pressjoni kawża tar-ribelljoni u tat-terroriżmu, is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli u l-instabbiltà politika jpoġġu f'riskju l-għanijiet u l-progress sostanzjali li nkisbu;
B. billi, sa mill-2002, l-UE u l-Istati Membri tagħha kkontribwixxew biljuni ta' euro f'għajnuna u assistenza umanitarja u għall-iżvilupp lill-Afganistan ; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-akbar donatur tal-Afganistan u huma mistennija jipprovdu sa EUR 5 biljun matul il-perjodu 2017-2020;
C. billi bil-għan li jiġi stabbilit stat stabbli u prosperu huwa essenzjali li jiġu żgurati d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba matul il-perjodu ta' tranżizzjoni fl-Afganistan u matul id-deċennju ta' trasformazzjoni tiegħu;
D. billi f'dawn l-aħħar 15-il sena, sa mis-sena 2001, kien hemm żidiet kbar fil-livell ta' għajxien peress li l-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika u l-edukazzjoni u l-emanċipazzjoni tan-nisa żiedu l-PDG per capita b'ħames darbiet u l-istennija tal-għomor medja bi 15-il sena; billi skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), minn mindu waqa' r-reġim tat-Taliban fis-sena 2001, l-attendenza fl-iskejjel ġenerali kienet żdiedet minn miljun student, li l-parti l-kbira minnhom kienu subien, għal kważi disa' miljuni sal-2015, u l-istudenti nisa ammontaw għal madwar 39 % tat-total;
E. billi, wara l-kriżi tal-elezzjoni presidenzjali tal-2014, il-Gvern ta' Unità Nazzjonali esperjenza progress wieqaf fuq l-aġenda ta' riforma tiegħu, li jirriżulta f'sitwazzjoni ta' politika dejjem aktar instabbli;
F. billi l-korruzzjoni mifruxa, is-sistemi ta' klijenteliżmu stabbiliti sew u n-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Gvern Afgan politikament imkisser biex jimxi 'l quddiem fir-rigward tar-riformi jheddu li jnaqqsu l-progress jew ireġġgħu lura l-kisbiet tal-passat;
G. billi, għalkemm f'dawn l-aħħar snin saru ċerti kisbiet soċjoekonomiċi u politiċi, il-qawmien mill-ġdid tar-reġim tat-Taliban, l-Al-Qaeda u l-Istat Iżlamiku (IS) emerġenti ġdid fl-Afganistan, flimkien ma' għadd kbir ta' migranti li jirritornaw lura lejn pajjiżhom, ilkoll jheddu li l-instabbiltà tinbidel f'kunflitt fuq skala akbar; billi dan wassal ukoll għal żieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa; billi 40 % tal-popolazzjoni Afgana tgħix fil-faqar u r-rata tal-qgħad tinsab ukoll qrib l-40 %;
H. billi, skont l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti għall-Afganistan u n-Nofsinhar tal-Asja, se jingħaqdu 4 000 suldat addizzjonali mal-kontinġent eżistenti tal-Istati Uniti magħmul minn 8 400 suldat; billi l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti se tiġi żviluppata b'mod li tiffavorixxi approċċ ibbażat fuq il-kundizzjonijiet u skont dan l-approċċ il-ftehimiet diplomatiċi u ekonomiċi se jiġu integrati fil-qafas tal-isforz militari; billi l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti titlob li l-Pakistan jieqaf jospita u jappoġġa lit-terroristi u jitlob li jkun hemm involviment akbar min-naħa tar-Repubblika tal-Indja fl-għajnuna għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;
I. billi l-Afganistan qed iħabbat wiċċu ma' żieda bla preċedent f'ċittadini Afgani b'dokumenti kif ukoll mingħajr li qed jirritornaw, prinċipalment mill-Pakistan; billi l-migrazzjoni tal-massa u l-għadd kbir ta' persuni spustati huma riżultat ta' sforz Pakistani organizzat sabiex jitneħħew r-rifuġjati u l-persuni spostati Afgani ġol-Pakistan u jiġu rilokati fl-Afganistan; billi madwar żewġ miljun ċittadini Afgani mingħajr dokumenti u miljun Afgan bi status ta' rifuġjat qed jgħixu fl-Iran u qed jirritornaw lejn l-Afganistan;
J. billi r-Repubblika tal-Indja hija l-akbar donatur reġjonali għall-Afganistan billi pprovdiet madwar USD 3 biljun f'assistenza minn mindu l-Gvern tat-Taliban tneħħa mill-poter fl-2001; billi din l-assistenza ffinanzjat, fost affarijiet oħra, il-bini ta' aktar minn 200 skola fl-Afganistan, aktar minn 1 000 borża ta' studju għal studenti Afgani, u l-possibbiltà għal madwar 16 000 Afgan li jistudjaw fl-Indja; billi l-Indja pprovdiet ukoll assistenza fil-bini ta' infrastruttura kritika, bħal pereżempju madwar 4 000 km ta' toroq fl-Afganistan, b'mod speċjali l-awtostrada Zaranj-Dilaram, id-diga Salma, il-linji tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-bini tal-parlament Afgan;
K. billi l-instabbiltà fl-Afganistan għandha riperkussjonijiet ekonomiċi u ta' sigurtà negattivi għall-Iran u r-reġjun usa' kollu kemm hu; billi l-ekonomija tal-Afganistan tiddependi ħafna mill-produzzjoni tax-xaħxieħ li f'dawn l-aħħar snin żdiedet b'mod sostanzjali, u dan irriżulta f'żieda qawwija fl-użu tad-drogi fil-pajjiż ġirien tal-Iran; billi t-Taliban juża dan il-kummerċ illeċitu tad-drogi biex jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu; billi l-fatt li dan il-kummerċ jiġi limitat u li jinstabu alternattivi ekonomiċi jkun ta' vantaġġ reċiproku għall-Iran u l-Afganistan; billi l-oppju mill-Afganistan huwa s-sors ewlieni tal-eroina fl-UE; billi l-ħidma mal-Iran u pajjiżi oħra fil-fruntieri bħat-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan hija meħtieġa sabiex ikompli jiġi limitat il-fluss ta' opjati lejn is-swieq Russi u Ewropej;
L. billi dimensjoni ġdida ta' infrastruttura hija kruċjali għall-futur tal-Afganistan sabiex tippermetti realtà kompletament ġdida ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali għal wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja; billi programm nazzjonali ġdid għall-iżvilupp tal-infrastruttura se jattira investiment pożittiv u reġjonali li qed jikber fi ħdan il-qafas tat-Triq tal-Ħarir il-ġdida;
M. billi rapporti jindikaw li l-Afganistan għandu bejn wieħed u tliet triljun dollaru f'riżervi minerali mhux żviluppati; billi t-tħaffir fil-minjieri illeċitu huwa problema kbira li jhedded li jbiddel xprun potenzjali għall-iżvilupp Afgan f'sors ta' kunflitt u instabbiltà; billi t-tħaffir fil-minjieri huwa t-tieni l-akbar sors ta' dħul għat-Taliban;
1. Jilqa' l-impenn tal-Gvern Afgan biex isegwi strateġija nazzjonali li tiffoka fuq ambjent kwalitattiv politiku, soċjali, ekonomiku u sikur li se jippermetti li l-Afganistan jsir pajjiż paċifiku, sigur u sostenibbli, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar l-Afganistan fi Brussell fil-5 ta' Ottubru 2016; jitlob li l-kariga ta' Prim Ministru tiġi stabbilita fil-Kostituzzjoni Afgana sabiex ikun hemm iktar stabbiltà politika fl-Afganistan; jistieden lill-Gvern Afgan jiżgura proċess elettorali trasparenti fl-2018; iħeġġeġ lill-Gvern Afgan jastjeni jew joqgħod lura milli jaggrava t-tensjonijiet soċjali u politiċi eżistenti marbutin mat-trattament privileġġjat tal-komunità ta' Pashtun; jistieden lill-Gvern Afgan jimplimenta miżuri biex jagħmel rieżami tas-sitwazzjoni u jiżgura li jiġu riformati l-politiki b'impatt diskriminatorju fuq il-komunitajiet lokali;
2. Jesprimi tħassib serju li, minkejja l-ftehim politiku wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan marret għall-agħar u l-għadd ta' attakki terroristiċi mmultiplika ruħu; jinsab allarmat minħabba l-espansjoni territorjali li għaddejja tat-Taliban u t-tisħiħ riċenti tal-gruppi terroristiċi, l-IS u l-Al-Qaeda; jirrimarka li, skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan, minn Jannar sa Novembru 2016, inqatlu 6 785 membru tal-forzi Afgani u ndarbu 11 777 oħra, u li l-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) rrappurtat ukoll żieda ta' 3 % fil-vittmi ċivili (3 498 maqtula, 7 920 midruba) fl-2016 meta mqabbel mas-sena ta' qabel;
3. Ifakkar lill-Gvern Afgan li sabiex ikun possibbli l-iżvilupp u jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà, irid jieqaf il-ġlied politiku intern; jisħaq li proċess ta' paċi taħt tmexxija u responsabbiltà tal-Afganistan huwa l-unika triq 'il quddiem, billi jintegra bla riżervi lis-soċjetà ċivili kollha kemm hi u l-partijiet kollha fil-kunflitt; jistieden lill-UE biex b'mod attiv tappoġġa programm ta' diżarm, ta' demobilizzazzjoni u ta' riintegrazzjoni, immexxi mill-Afgani, għal dawk li qabel kienu ribelli;
4. Iwissi li l-kapaċitajiet dgħajfa tal-Forzi Afgani għad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali jibqgħu waħda mill-aktar kwistjonijiet kritiċi li jikkompromettu s-sigurtà u r-rikostruzzjoni tal-Afganistan;
5. Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet governattivi Afgani trid tkun prijorità ċentrali permanenti minħabba l-impatti diretti negattivi kollha ta' korruzzjoni fuq il-kwalità tal-governanza fil-pajjiż; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa mill-Gvern Afgan fir-rigward tal-assistenza finanzjarja pprovduta;
6. Jesprimi solidarjetà mal-poplu tal-Afganistan u jinsisti li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jaderixxu mad-dritt umanitarju internazzjonali u jirrispettaw id-drittijiet tal-membri kollha tas-soċjetà, b'mod partikolari tal-minoranzi, in-nisa u t-tfal, li huma affettwati b'mod sproporzjonat minn din is-sitwazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani jinfurzaw bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni bejn l-UE u l-Afganistan iffirmat f'Kabul fit-30 ta' Jannar 2011 rigward il-prattika ta' 'bacha bazi' u jippermettu r-riabilitazzjoni tat-tfal vittmi ta' abbuż sesswali; jikkundanna bl-aktar mod qawwi li komplew jiġu skartati d-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza barbarika mwettqa mit-Taliban, l-IS u l-Al-Qaeda kontra l-poplu tal-Afganistan; jiġbed l-attenzjoni għar-riskji assoċjati mar-ritorn ta' persuni li qabel kienu kriminali tal-gwerra, notevolment Gulbuddin Hekmatyar, il-fundatur ta' Hizb-e-Islami, li kien rikonoxxut bħala terrorista mill-Istati Uniti fl-2003 u ġie assoċjat mal-preżenza akbar tal-IS fl-Afganistan;
7. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li qed terġa' tiżdied il-vjolenza kontra n-nisa u dwar il-qerda tad-drittijiet tan-nisa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien f'żoni kkontrollati mit-Taliban fl-Afganistan; itenni t-talba tiegħu lill-Parlament Afgan u lill-Gvern Afgan biex jirrevokaw il-liġijiet kollha li jinkludu elementi ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, li jiksru t-trattati internazzjonali ffirmati mill-Afganistan;
8. Jilqa' l-impenn tar-Repubblika tal-Indja biex tassisti lill-Afganistan bl-għoti ta' erba' ħelikopters tal-attakk lill-forzi militari Afgani f'Diċembru 2015 u t-taħriġ militari ta' eluf ta' persunal tas-sigurtà Afgan, li għen biex itejjeb b'mod sinifikanti l-kapaċità militari tiegħu, f'konformità mal-objettiv tal-missjoni mmexxija min-NATO magħrufa bħala "Missjoni ta' Appoġġ Determinat", li ġiet imnedija f'Jannar 2015, biex tħarreġ, tagħti pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani; huwa mħeġġeġ mix-xogħol imwettaq u l-kooperazzjoni mir-Repubblika tal-Indja u l-Afganistan dwar proġetti ta' infrastruttura u appoġġ umanitarju;
9. Jitlob lill-Gvern tal-Afganistan u lis-sħab reġjonali tiegħu, b'mod partikolari l-Iran, biex jiġġieldu kontra t-traffikar illeċitu tad-droga u t-tħaffir fil-minjieri illeċitu u jikkoordinaw ma' xulxin biex jeliminaw dawn il-prattiki illegal, li huma ta' detriment għall-istabbiltà tar-reġjun; ifakkar lill-partijiet kollha li dawn huma s-sorsi prinċipali ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi fir-reġjun; jirrikonoxxi li t-tħaffir fil-minjieri b'mod partikolari għandu l-potenzjal li jkun xprun pożittiv għall-iżvilupp u l-prosperità għall-poplu tal-Afganistan kif ukoll fir-reġjun kollu kemm hu; jikkundanna r-ripressjoni, it-traffikar illeċitu tad-droga, il-ħtif tal-art, il-konfiska illegali u l-estorsjoni mwettqa mill-kmandanti militari;
10. Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali Afgani kollha jimpenjaw ruħhom bla riżervi biex ikomplu b'mod trasparenti l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-Pakistan iwaqqaf l-attivitajiet kollha mwettqa jew sponsorjati mill-Inter-Services Intelligence tal-Pakistan fit-territorju Afgan;
11. Jistieden lill-Gvernijiet tal-Afganistan u tal-Pakistan, u lil atturi reġjonali oħrajn, jaħdmu flimkien biex jilħqu ftehim ta' paċi fl-Afganistan, żvilupp soċjoekonomiku kontinwu u aktar stabbiltà domestika, kif ukoll kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tas-sigurtà u kontra t-terroriżmu, u jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-intelligence u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroristi u l-estremisti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera;
12. Jirrikonoxxi r-responsabbiltajiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jirrispettaw id-dritt li wieħed ifittex protezzjoni internazzjonali u li jipparteċipa fi programmi ta' risistemazzjoni tal-UNHCR; jisħaq li d-dritt u l-abbiltà li wieħed ifittex rifuġju b'modi sikuri u legali bħala fatturi ta' importanza kritika għall-prevenzjoni tal-imwiet fost dawk li jfittxu ażil;
13. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan iwaqqaf immedjatament l-intimidazzjoni u t-tkeċċija furzata jew ir-ripatrijazzjoni tar-rifuġjati Afgani lura fl-Afganistan; jirrimarka li dawn l-atti huma ksur dirett tad-dritt umanitarju internazzjonali u li n-numru dejjem jikber ta' rifuġjati li qed jiġu ttrattati b'dan il-mod jagħti biss saħħa lill-gruppi terroristiċi u joħloq iżjed instabbiltà fir-reġjun; iħeġġeġ ir-ritorni volontarji mill-UE għall-Afganistan; jappella lill-UE u lill-komunità internazzjonali jimpenjaw ruħhom sabiex jipprovdu assistenza ekonomika robusta u għal tul ta' żmien lis-sitwazzjoni ta' emerġenza li għaddejja bħalissa rigward il-persuni rimpatrijati kollha sabiex jappoġġaw ir-riintegrazzjoni tagħhom;
14. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda kbira ħafna fl-għadd ta' persuni spostati internament fl-2016, b'aktar minn 653 000 spustament ġdid, li jista' jwassal għal kriżi umanitarja enormi; jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti biex jipprovdu għal dawn l-Afgani vulnerabbli, u jistieden lill-Gvern Afgan jgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà Afgana; jisħaq li, skont stimi mill-awtoritajiet Afgani, l-aġenziji tan-NU u l-aġenziji umanitarji oħrajn, aktar minn 9.3 miljun ruħ se jkunu jeħtieġu għajnuna umanitarja sal-aħħar tal-2017;
15. Jirrikonoxxi li, minkejja l-isforzi internazzjonali sostanzjali fuq perjodu twil ta' żmien, l-Afganistan għadu qed iħabbat wiċċu ma' kunflitt serju li qed ixekkel b'mod sostanzjali l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu; itenni l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni ta' governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u tal-bniedem, u l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-migrazzjoni;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0412.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0282.