Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0684/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0684/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

11.12.2017 - (2017/2932(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0678/2017

Proċedura : 2017/2932(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0684/2017
Testi mressqa :
B8-0684/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0684/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

(2017/2932(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill rigward strateġija tal-UE dwar l-Afganistan tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan tal-24 ta' Lulju 2017, (JOIN(2017)0031),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-15 ta' Settembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-implikazzjonijiet tagħha għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp li kien ffirmat fi Frar 2017, u li daħal fis-seħħ provviżorjament f'Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Brussell tal-5 ta' Ottubru 2016 ospitata mill-Afganistan u l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Indikattiv Pluriennali għall-Afganistan 2014 - 2020,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Paċi u ta' Żvilupp Nazzjonali tal-Afganistan,

–  wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE ffirmata f'Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-rapporteur speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spustati internament rigward il-missjoni tiegħu fl-Afganistan tat-12 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2344(2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan tas-17 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA) bit-titolu "Afghanistan's Fight Against Corruption: The Other Battlefield’ (Il-ġlieda tal-Afganistan kontra l-korruzzjoni: il-kamp tal-battalja l-ieħor) ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Afganistan hu kkaratterizzat minn inkwiet politiku, ekonomiku u soċjali profond; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż hi instabbli immens; billi l-istennija tal-għomor għadha baxxa u l-mortalità tat-trabi għolja; billi l-malnutrizzjoni kronika, is-sanità fqira u l-firxa ta' mard li jittieħed jibqgħu għoljin;

B.  billi t-Taliban għadhom jikkontrollaw partijiet kbar tal-Afganistan u qegħdin isaħħu aktar l-kontroll tagħhom fuq sezzjonijiet tal-pajjiż;

C.  billi, barra mit-Taliban, gruppi terroristiċi oħrajn inkluż l-Al-Qaeda u d-Daesh għadhom jiddestabbilizzaw il-pajjiż; billi f'dawn l-aħħar snin żdiedu l-imwiet ċivili; billi f'attakk terroristiku f'Kabul fil-31 ta' Mejju 2017 inqatlu 150 persuna u ndarbu 'l fuq minn 300 persuna oħra;

D.  billi l-Unjoni Ewropea hi impenjata li tassisti lill-Afganistan fl-istabbiliment ta' paċi u sigurtà dejjiema, ta' konsolidament demokratiku, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-ugwaljanza;

E.  billi fl-24 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppubblikaw Komunikazzjoni Konġunta rigward Strateġija tal-UE dwar l-Afganistan li hi bbażata fuq l-objettivi ta' promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali. it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza t-tajba u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u uman, u l-indirizzar ta' sfidi relatati mal-migrazzjoni;

F.  billi l-UE hija l-ikbar sieħba fil-koperazzjoni għall-iżvilupp fl-Afganistan; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw EUR 5 biljun mit-total ta' EUR 13,6 biljun imwiegħda għall-Afganistan għall-perjodu 2016-2020 matul il-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan f'Ottubru 2016; billi fl-2016, l-UE pprovdiet EUR 32 miljun f'assistenza umanitarja lill-Afganistan;

G.  billi fi Frar 2017 ġie ffirmat Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp, li jistabbilixxi qafas legali għall-appoġġ tal-UE għall-programm ta' riforma għall-Afganistan skont id-"Deċennju ta' Trasformazzjoni 2015-2024";

H.  billi l-istandards ta' stennija tal-għomor u ta' għajxien għadhom baxxi, iżda tjiebu b'mod sostanzjali matul l-aħħar 15-il sena; billi l-aċċess għall-kura tas-saħħa primarja u l-aċċess għall-edukazzjoni żdiedu b'mod sinifikanti;

I.  billi minkejja ż-żieda fl-istandards ta' għajxien matul dawn l-aħħar snin, l-instabilità politika u n-nuqqas ta' progress mill-Gvern ta' Unità Nazzjonali qed ikomplu jxekklu t-titjib fl-istat fraġli; billi r-rata tal-qgħad fl-Afganistan hi ta' 39 %, u aktar minn 39 % tal-popolazzjoni tgħix fil-faqar; billi ma seħħ l-ebda tnaqqis sostanzjali fid-dipendenza fuq l-għajnuna;

J.  billi n-nisa għadhom qegħdin jiffaċċjaw bosta ostakli għal parteċipazzjoni sħiħa u sigura fil-ħajja pubblika; billi l-Afganistan jikklassifika f'livell baxx ħafna fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni tal-bniet;

K.  billi l-korruzzjoni mifruxa toħloq ostaklu sinifikanti għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-governanza t-tajba u l-iżvilupp sostenibbli;

L.  billi tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA), li kienet stabbilita fl-2002, tappoġġa lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex jikseb il-paċi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba; billi l-mandat tagħha jiġġedded kull sena mill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, u dan l-aħħar kien estiż b'mod unanimu sal-2018;

M.  billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda sostanzjali fil-produzzjoni tal-peprin għal narkotiċi illegali; billi l-kummerċ ta' drogi illegali jirrappreżenta sors ewlieni ta' dħul għat-Taliban; billi l-oppju kkultivat fl-Afganistan huwa s-sors primarju tal-eroina li tidħol fl-UE;

N.  billi huwa stmat li 1,3 miljun persuna huma spostati internament fl-Afganistan; billi l-Afganistan qed jiffaċċja numru mingħajr preċedent ta' persuni rimpatrijati dokumentati u mhux dokumentati mill-Pakistan u minn pajjiżi oħrajn ġirien; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji nnutaw li qed isseħħ kampanja furzata ta' rimpatrijar massiv mill-Pakistan;

O.  billi il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u Sigurtà (ANDSF) assumew ir-responsabbiltà ewlenija għas-sigurtà fl-2014;

P.  billi fit-31 ta' Diċembru 2016 il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL) temmet il-mandat tagħha u seħħet it-tranżizzjoni tal-attivitajiet tagħha lis-sħab lokali u internazzjonali;

Q.  billi hu kkunsidrat li l-Afganistan għandu riżervi minerali u riżorsi kbar li iżda mhumiex żviluppati; billi l-estrazzjoni illegali twassal għal kunflitt u għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; billi t-Taliban qed jisfruttaw l-estrazzjoni illegali bħala sors ta' finanzjament;

1.  Jilqa' l-fatt li l-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija UE-Afganistan issaħħaħ b'mod komprensiv l-objettivi kondiviżi tal-ksib tal-paċi, l-istabbiltà, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli fl-Afganistan; jilqa' l-impenn politiku mill-UE u mill-Gvern Afgan biex jitkompla l-progress f'dawn l-oqsma;

2.  Jenfasizza li l-progress għandu jinkiseb permezz ta' proċess politiku bi tmexxija u b'sjieda Afgana permezz ta' assistenza politika, finanzjarja u teknika pprovduta mill-UE u minn sħab internazzjonali, multilaerali u reġjonali oħrajn;

3.  Jiddispjaċih dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà li qed teħżien u li qed tippermetti lill-gruppi politiċi jaħtfu kemm ċittadini Afgani u barranin, inklużi ħaddiema umanitarji u ta' għajnuna, u li qed twassal għal vjolenza kontinwa u qtil; jesprimi tħassib serju dwar in-numru kbir ta' attakki terroristiċi u ta' vittmi ċivili; jesprimi aktar allarm dwar il-kontroll akbar tat-Taliban fuq it-territorju Afgan;

4.  Jikkundanna b'mod partikolari l-attakki fuq sptarijiet u ċentri tas-saħħa, skejjel u operazzjonijiet umanitarji; ifakkar li dan jirrappreżenta ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;

5.  Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-ANDSF, iżda jirrimarka l-kapaċitajiet limitati tagħhom li jwettqu dispożizzjonijiet ta' sigurtà komprensivi fl-Afganistan; jappella lill-UE u lill-atturi internazzjonali biex ikomplu l-appoġġ tekniku u t-taħriġ biex jgħinu fit-titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà;

6.  Jilqa' l-enfasi fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ġeneru fl-assistenza tal-UE fl-Afganistan, b'mod partikolari l-fatt li 53 % tal-programmi tal-UE jpoġġu l-ugwaljanza bejn is-sesii bħala objettiv sinifikanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jagħtu prijorità lill-protezzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-involviment tal-UE mal-Afganistan;

7.  Ifakkar li l-produzzjoni u t-traffikar tal-opju fl-Afganistan għandhom konsegwenzi devastanti fuq il-popolazzjoni lokali u fuq is-sigurtà ġenerali tal-pajjiż; jenfasizza għalhekk l-importanza li jitrażżnu l-produzzjoni u fluss tal-opju sabiex jiġi indirizzat it-traffikar tad-drogi u l-finanzjament tat-terroriżmu; iħeġġeġ lill-UE biex taħdem mas-sħab reġjonali sabiex jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Afgana għall-Kontroll tad-Drogi; jilqa' l-appoġġ li l-UE tagħti lill-programm mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) dwar il-ġlieda kontra n-narkotiċi;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa għal sforz sostnut mill-Gvern Afgan u mis-sħab internazzjonali biex jingħata appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi u ta' kundizzjonijiet għal investiment stabbli u sostenibbli sabiex jiġi indirizzat il-qgħad, u b'mod partikolari l-impjiegi fost iż-żgħażagħ, bħala mezz ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; jilqa' l-adeżjoni tal-Afganistan mad-WTO;

9.  Jikkundanna l-fluss kontinwu ta' armi, inklużi armi ħfief u ta' kalibru żgħir, kif ukoll ta' tagħmir splussiv improvizzat fl-Afganistan u b'mod partikolari lejn l-organizzazzjonijiet terroristiċi; jappella għal żieda fil-kooperazzjoni fl-Afganistan u fir-reġjun biex jiġi ttrattat il-kummerċ illegali tal-armi;

10.  Jinnota l-konklużjoni ta' ftehim informali ta' riammissjoni tat-Triq Konġunta 'l Quddiem bejn l-UE u l-Afganistan; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' sorveljanza parlamentari u ta' kontroll demokratiku dwar il-konklużjoni ta' dan il-ftehim; jiddispjaċih bil-qawwa dwar iż-żieda fir-ritorn ta' rifuġjati Afgani mill-Ewropa, minħabba l-fatt li l-Afganistan mhuwiex pajjiż sigur għall-abitanti tiegħu u ferm anqas sigur għar-refuġjati u l-persuni rimpatrijati; jissottolinja li d-deportazzjonijiet lejn l-Afganistan qed ipoġġu lill-persuni rimpatrijati jinsabu f'perikolu serju, b'mod partikolari dawk ta' persuni waħedhom mingħajr netwerk ta' familja jew ħbieb fl-Afganistan u li għandom ċans żgħir ta' sopravivenza; jissottolinja li s-sitwazzjoni tas-sigurtà volatili fl-Afganistan, imsaħħa mit-Taliban u minn gruppi terroristiċi oħrajn, qed iżżid ir-riskju li r-rifuġjati jinqabdu f'ċirku vizzjuż ta' spostament u riammissjoni; jinsisti li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE lejn l-Afganistan ma għandhiex titqies mil-lenti tal-migrazzjoni; ifakkar li l-għajnuna għall-iżvilupp ma għandhiex tkun ikkundizzjonanta fuq il-ġestjoni tal-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, iżda għandha tiffoka fuq fejn hemm l-ikbar bżonn u fuq l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali tar-rifuġjati;

11.  Jinsab imħasseb ħafna li n-numru għoli tal-persuni spustati internament fl-Afganistan għandu l-potenzjal li jagħtu bidu għal kriżi umanitarja serja; jappella lill-UE biex tkompli l-appoġġ umanitarju komprensiv kif ukoll l-assistenza għall-iżvilupp bħala appoġġ għall-infrastruttura; jappella lill-Gvern Afgan biex jipprijoritizza l-protezzjoni u r-riintegrazzjoni ta' persuni spostati internament u ta' rifuġjati li jirritornaw lura fl-Afganistan;

12.  Jiddeplora r-rapporti ta' rimpatriji furzati massivi ta' rifuġjati Afgani mill-Pakistan; jesprimi allarm qawwi għan-numru ta' minuri mhux akkompanjati li jinsabu spostati fl-Afganistan u li qegħdin jirritornaw lejn il-pajjiż; iħeġġeġ lill-UE u lis-sħab internazzjonali jaħdmu mill-qrib ma' organizzazzjonijiet bħal UNICEF u mal-Gvern Afgan fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal fl-Afganistan u tul ir-rotot tal-migrazzjoni;

13.  Jappella għal aktar azzjoni biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni fl-Afganistan, li tista' tiġi mxekkla, jekk ma jitwettqux sforzi indirizzati għall-iżvilupp sostenibbli ta' soċjetà inklussiva; jilqa' l-istabbiliment ta' Ċentru ta' Ġustizzja Kontra l-Korruzzjoni fl-Afganistan f'Ġunju 2016; iħeġġeġ lill-Gvern Afgan ikompli jitratta l-interessi personali endemiċi permezz ta' standards aktar għoljin fir-rigward tat-trasparenza fis-settur pubbliku;

14.  Jilqa' s-sħubija Afgana fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi; iħeġġeġ lill-Gvern Afgan iżid it-trasparenza tas-settur tal-estrazzjoni u jistabbilixxi rekwiżiti b'saħħithom għal-liċenzji u l-monitoraġġ sabiex tkun żgurata industrija estrattiva sostenibbli li tkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali u li ma tikkontribwixxix għall-finanzjament tat-terroriżmu;

15.  Jilqa', wara bosta dewmien, l-iskedar tal-elezzjonijiet fl-Afganistan fl-2018; jappella lill-Gvern Afgan biex jiżgura proċess elettorali trasparenti u inklussiv, b'mod partikolari billi jistieden lill-Unjoni Ewropea taġixxi ta' osservatur permezz tal-iskjerament ta' Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali (EOM);

16.  Jisħaq dwar il-bżonn li jiżdied l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Afganistan biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa fl-ikkonsolidar demokratiku u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-istat; jenfasizza li ma jistax ikun hemm paċi dejjiema u soċjetà inklussiva mingħajr il-parteċipazzjoni sħiħa minn soċjetà ċivili b'saħħitha u indipendenti;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.