RAKKOMANDAZZJONI GĦAL DEĊIŻJONI li ma ssirx oġġezzjoni għall-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-emendi fl-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 9
26.1.2018 - (D054380/02 – 2017/3018(RPS))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Membru responsabbli: Theodor Dumitru Stolojan
B8‑0066/2018
Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssirx oġġezzjoni għall-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-emendi fl-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 9
(D054380/02 – 2017/3018(RPS))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni (D054380/02),
– Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2017, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhuwiex se joġġezzjona għall-abbozz ta' regolament,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-24 ta' Jannar 2018 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(4)(d) u l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ħareġ fit-12 ta' Ottubru 2017 emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 9 - Strumenti Finanzjarji; billi dawk l-emendi għandhom l-għan li joħolqu ċarezza u konsistenza fil-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta' dejn b'opzjonijiet ta' prepagament negattivi;
B. billi l-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) ipprovda lill-Kummissjoni b'parir ta' approvazzjoni pożittiv fl-10 ta' Novembru 2017; billi fil-parir tiegħu l-EFRAG ikopri wħud mill-kwistjonijiet imqajma mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-ittra tiegħu tat-8 ta' Novembru 2017 lill-EFRAG;
C. billi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-interpretazzjoni tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif mitlub mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 u ssostni li din l-emenda proposta tkun sempliċiment iżżomm l-istatus quo tal-kontabilità fuq il-kost amortizzat għal dawn l-istrumenti speċifiċi kif applikabbli qabel l-introduzzjoni tal-IFRS 9;
D. billi l-IASB stabbilixxa l-1 ta' Jannar 2019 bħala d-data effettiva għal din l-emenda għall-IFRS 9 u hemm il-possibbiltà li tiġi applikata qabel; billi l-kontabilità għall-istrumenti finanzjarji taħt l-IFRS 9 hija meħtieġa diġà mill-1 ta' Jannar 2018; billi l-istituzzjonijiet finanzjarji soġġetti għall-kontabilità tal-IFRS ma jistgħux jużaw it-trattament taħt din l-emenda proposta qabel l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħha;
E. billi l-Kummissjoni kienet qed timmira għall-pubblikazzjoni tal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità[3] qabel l-aħħar ta' Marzu 2018 sabiex ikunu applikabbli għall-perjodi finanzjarji li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għall-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill.