Proċedura : 2018/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0078/2018

Testi mressqa :

B8-0078/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0041

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 422kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0078/2018
5.2.2018
PE614.387v01-00
 
B8-0078/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela  (2018/2559(RSP))


Esteban González Pons, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Cristian Dan Preda, Luis de Grandes Pascual, David McAllister, Sandra Kalniete, Francisco José Millán Mon, Tunne Kelam, Gabriel Mato, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Fernando Ruas, Laima Liucija Andrikienė, Julia Pitera, Manolis Kefalogiannis, Eduard Kukan, Ivan Štefanec, Lorenzo Cesa f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela  (2018/2559(RSP))  
B8‑0078/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra riżoluzzjonijiet numerevoli tiegħu, b'mod partikolari tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4) u tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Marzu 2017 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Venezwelana li tieħu f'idejha s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali,

​–  wara li kkunsidra t-twissijiet deskritti fir-rapporti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-30 ta' Mejju 2016 u tal-14 ta' Marzu 2017 dwar il-Venezwela, kif ukoll l-appell tas-Segretarju Ġenerali tagħha biex il-Kunsill Permanenti jitlaqqa' b'urġenza skont l-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika, bil-għan li jiddiskuti l-kriżi politika tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Marzu 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-kriżijiet politiċi, ekonomiċi u umanitarji gravi u li sejrin għall-agħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OAS, iffirmata minn erbatax mill-istati membri tagħha fit-23 ta' Marzu 2017, li tesiġi li l-Venezwela tiskeda elezzjonijiet minnufih, teħles lill-priġunieri politiċi u tirrikonoxxi s-separazzjoni tas-setgħat minquxa fil-kostituzzjoni tagħha, fost miżuri oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OAS tat-3 ta' April 2017 dwar l-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' "El Grupo de Lima" tat-23 ta' Jannar 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali li ssejjaħ l-elezzjonijiet presidenzjali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 u tat-22 ta' Jannar 2018 dwar il-Venezwela, u b'mod partikolari l-impożizzjoni ta' embargo fuq l-armi u sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-26 ta' Jannar 2018 mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela, li tikkundanna d-deċiżjoni mill-awtoritajiet Venezwelani li jkeċċu l-Ambaxxatur ta' Spanja f'Caracas,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov 2017 lill-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali, li mhijiex rikonoxxuta fuq livell internazzjonali, talbet li ssir elezzjoni presidenzjali sal-aħħar ta' April 2018; billi, skont il-Kostituzzjoni Venezwelana, il-korp reponsabbli biex isejjaħ elezzjoni huwa l-Kunsill Elettorali Nazzjonali;

B.  billi din id-deċiżjoni ttieħdet barra l-ambitu ta' djalogu nazzjonali u irrispettivament minn kwalunkwe żvilupp miksub fil-laqgħa li saret bejn il-Gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni f'Santo Domingo;

C.  billi, fil-25 ta' Jannar 2018, il-Qorti Suprema Venezwelana ddeċidiet li teskludi mill-elezzjonijiet presidenzjali l-Mesa de la Unidad Democrática (MUD), koalizzjoni ta' partiti tal-oppożizzjoni, deċiżjoni li tirrappreżenta ksur serju tal-prinċipju ta' elezzjonijiet ġusti, hekk li tipprojbixxi lill-kandidati tal-oppożizzjoni milli jikkompetu fl-elezzjonijiet liberament u fuq termini ugwali;

D.  billi din is-sejħa xejn kostituzzjonali għal elezzjoni bikrijawasslet biex il-Messiku rtira mill-proċess ta' negozjati politiċi nazzjonali bejn il-Gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni;

E.  billi, fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li jadotta embargo fuq l-armi kontra l-Venezwela u projbizzjoni fuq materjal relatat li jista' jintuża għal repressjoni interna;

F.  billi fit-22 ta' Jannar 2018, il-Kunsill tal-UE ddeċieda, b'mod unanimu, li jimponi sanzjonijiet kontra seba' individwi Venezwelani li għandhom pożizzjonijiet uffiċjali, fil-forma ta' miżuri restrittivi bħall-projbizzjoni fuq vjaġġar u l-iffriżar tal-assi, b'konsegwenza tan-nuqqas ta' rispett tal-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

G.  billi, wara l-adozzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, il-Venezwela keċċiet lill-Ambaxxatur Spanjol f'Caracas u pproklamatu "persona non grata", u akkużat lil Spanja b'indħil fl-affarijiet interni tagħha; billi l-UE kkundannat bil-qawwa din id-deċiżjoni, filwaqt li fl-istess ħin iddikjarat is-solidarjetà sħiħa tagħha ma' Spanja, fuq il-bażi li d-deċiżjonijiet tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, inkluża l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet, huma unanimi;

H.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli sejra lura; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent u li qed tirriżulta f'ħafna mwiet;

I.  billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, inklużi tfal, qed ibatu minn malnutrizzjoni minħabba aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini u ikel; billi, b'mod deplorevoli, il-Gvern tal-Venezwela jibqa' jirrifjuta li jirċievi u jiffaċilita d-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja internazzjonali;

J.  billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jipprevedi żieda esponenzjali fl-iperinflazzjoni fil-Venezwela li se tispara sa 13 000 % fl-2018, mill-2 400 % stmata fl-2017, b'tali mod li l-prezzijiet, bħala medja, sejrin jiżdiedu bi kważi 1,5 % kull siegħa;

1.  Jirrifjuta bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali, li mhijiex rikonoxxuta fuq livell internazzjonali, li ssejjaħ elezzjonijiet presidenzjali bikrija sa tmiem April 2018; jiddeplora bil-qawwa d-deċiżjoni riċenti tal-Qorti Suprema Venezwelana li tipprojbixxi lir-rappreżentanti tal-MUD milli jikkompetu fl-elezzjonijiet li jmiss; jirrimarka li ħafna kandidati potenzjali mhux se jkunu jistgħu joħorġu għall-elezzjonijiet għax huma eżiljati, soġġetti għal skwalifiki amministrattivi, arrestati jew taħt arrest domiċiljarju;

2.  Jinsisti li l-UE sejra tirrikonoxxi biss elezzjonijiet ibbażati fuq kalendarju elettorali vijabbli, maqbula fil-kuntest tad-djalogu nazzjonali mal-atturi rilevanti u l-partiti politiċi kollha, u li jirrispettaw kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ekwi, ġusti u trasparenti – inklużi t-tneħħija tal-projbizzjonijiet tal-avversarji politiċi, il-ħlis tal-priġunieri politiċi, il-kompożizzjoni bbilanċjata ta' Kunsill Elettorali Nazzjonali imparzjali u l-eżistenza ta' garanziji suffiċjenti, inkluż monitoraġġ minn osservaturi internazzjonali indipendenti;

3.  Jiddikjara li fiċ-ċirkustanzi tal-lum, il-Parlament Ewropew mhuwa se jirrikonoxxi la l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet installati minn dan il-proċess illeġittimu;

4.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni mill-awtoritajiet Venezwelani li jkeċċu l-Ambaxxatur Spanjol f'Caracas u jiddikjarawh "persona non grata"; ifakkar li d-deċiżjonijiet kollha tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, inkluża l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet, jittieħdu b'mod unanimu; iqis li, f'dan ir-rigward, azzjoni konġunta tista' tinkludi, fost affarijiet oħra, li l-ambaxxaturi tal-Venezwela jiġu kkonvokati fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE; jissuġġerixxi li jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tkompli sejra lura, tista' tiġi kkunsidrata u adottata azzjoni ulterjuri;

5.  Iqis l-impożizzjoni mill-Kunsill tal-UE tal-embargo fuq l-armi, u s-sanzjonijiet imposti kontra seba' uffiċjali Venezwelani, bħala miżuri xierqa b'reazzjoni għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, iżda jitlob li dawn jiġu estiżi kontra dawk prinċipalment responsabbli għall-intensifikazzjoni fil-kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja, b'mod partikolari l-President Nicolas Maduro u l-klikka tiegħu, il-Viċi President Tareck El Aissami, il-Ministru tad-Difiża Vladimir Padrino Lopez u l-membri tal-kmand militari għoli;

6.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali bħala l-uniku parlament kostitwit u rikonoxxut legalment fil-Venezwela, u jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jerġa' jistabbilixxi l-awtorità kostituzzjonali sħiħa tiegħu; jirrifjuta kull deċiżjoni meħuda mill-Assemblea Kostitwenti, bħala deċiżjonjiet li jiksru r-regoli u l-istandards demokratiċi kollha;

7.  Jikkundanna l-qtil extraġudizzjarju tal-uffiċjal tal-pulizija ribelli Oscar Perez u ta' sitt individwi oħra, li nqatlu minkejja l-fatt li kienu diġà ċedew; jistieden bil-qawwa lill-Gvern tal-Venezwela biex jipprovdi investigazzjoni trasparenti ta' dawn id-delitti;

8.  Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti estensivi u l-atti ta' ripressjoni mwettqa mir-reġim Venezwelan, u jitlob li l-UE tiżvolġi rwol attiv f'dan ir-rigward;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż mingħajr xkiel bħala kwistjoni ta' urġenza, u jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi tas-soċjetà li ntlaqtu l-agħar; jitlob li tiġi implementata minnufih miżura fuq perjodu qasir ta' żmien li tiġġieled il-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħalma huma t-tfal; jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' dawk il-Venezwelani li sfaw imġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta' servizzi tas-saħħa, mediċini u ikel;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

(2)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

(3)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0269.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0200.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza