MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija
5.2.2018 - (2018/2527(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marcel de Graaff, Mario Borghezio, Harald Vilimsky, Matteo Salvini f'isem il-Grupp ENF
B8‑0079/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-armata Torka nediet offensiva fit-Tramuntana tas-Sirja fl-inħawi tal-belt ta' Afrin kontra l-milizzja lokali Kurda u l-membri tal-Unitajiet ta' Protezzjoni tal-Poplu Kurd (YPG); billi din l-offensiva qed thedded li tiddestabilizza r-reġjun u, skont in-NU, tista' twassal għal kriżi kbira ġdida ta' rifuġjati li tista' tolqot anki lill-Ewropa; billi skont rapporti, hemm diġà 5 000 ruħ spustjati fil-belt ta' Afrin u dawn jinsabu totalment u kompletament jiddependu mill-ħniena tal-forzi militari Torok; billi l-komunità internazzjonali esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar din l-operazzjoni militari;
B. billi l-Gvern Tork uża mandati ta' arrest internazzjonali biex jintraċċa l-opponenti tar-reġim ta' Erdoğan, u dawn il-prattiki repressivi qegħdin jolqtu dejjem aktar lill-pajjiżi Ewropej u liċ-ċittadini tagħhom;
C. billi mindu ġie ddikjarat l-Istat ta' Emerġenza, l-istat tad-dritt ġie effettivament sospiż, u b'hekk ġew sospiżi l-garanziji tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u nfirex in-nuqqas ta' garanzija tad-drittijiet fundamentali, kemm għat-Torok kif ukoll għall-barranin; billi, mill-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016 seħħet mewġa sħiħa ta' detenzjonijiet u tfigħ il-ħabs ta' avukati, ġurnalisti u persuni mis-soċjetà ċivili; billi, skont il-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri, aktar minn 100 ġurnalist bħalissa jinsabu l-ħabs; billi f'aktar minn 100 distrett u 10 ċentri provinċjali, sindki eletti u uffiċjali tneħħew mill-kariga u ġew sostitwiti minn persuni maħtura mil-Ministeru tal-Intern; billi l-oppożizzjoni politika, speċjalment il-membri tal-Partit Demokratiku tal-Poplu (HDP), qed iħabbtu wiċċhom ma' persekuzzjoni u priġunerija;
D. billi l-minoranza nisranija fit-Turkija qed tiffaċċja mhux biss ripressjoni mill-gvern u l-uffiċjali tiegħu iżda wkoll persekuzzjoni; billi l-wirt kulturali nisrani ġarrab ħsarat serji jew inqered; billi mindu ħa l-ħakma l-President Erdoğan u l-Partit tal-Ġustizzja u l-Iżvilupp (AKP) tiegħu, it-Turkija ffaċċjat radikalizzazzjoni Islamika allarmanti; billi l-AKP jappoġġja l-ideat u l-interessi tal-Fratellanza Musulmana Iżlamika;
E. billi l-Gvern Tork għadu ma jagħrafx is-sovranità tar-Repubblika ta' Ċipru, li l-parti tat-Tramuntana tagħha ilha taħt l-okkupazzjoni Torka mill-1974 u mhijiex rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali; billi l-wirt kulturali nisrani fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru ġie vvandalizzat u saritlu ħsara serja;
F. billi l-Unjoni Ewropea iffriżat in-negozjati tal-adeżjoni li kienu għaddejjin mat-Turkija; billi r-riforma kostituzzjonali fit-Turkija ġiet adottata, li tikkostitwixxi b'mod ċar pass lura fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż; billi l-UE qed tiżviluppa unjoni doganali mat-Turkija u qed tfittex li jkollha taħditiet ġodda;
1. Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu għalkollox u mingħajr dewmien in-negozjati dwar l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE; jitlob sospensjoni definittiva tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni lit-Turkija u biex in-negozjati dwar l-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija jitwaqqfu;
2. Jitlob l-irtirar immedjat tal-forzi armati Torok mit-territorju Sirjan u għal waqfien mill-ġlied immedjat; jenfasizza li għandha tittieħed kull miżura possibbli biex tiġi evitata kriżi umanitarja ġdida; jikkundanna b'mod qawwi kwalunkwe azzjoni militari ulterjuri fis-Sirja mill-forzi militari Torok; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja fir-reġjun; jibża' li l-offensiva tal-Armata Torka tista' twassal għal kriżi tar-rifuġjati ġdida f'dawn l-inħawi, minħabba li diġà hemm 5 000 persuna spustjati fir-reġjun, u li dan jista' jaffettwa wkoll lill-Ewropa u l-UE; ifakkar lill-Gvern Tork li l-milizzja lokali Kurda hija alleata importanti fil-ġlieda konta d-Da'esh u organizzazzjonijiet terroristiċi Iżlamiċi oħrajn;
3. Ifakkar li minn meta ħa l-poter l-AKP, it-Turkija bdiet tiffaċċja radikalizzazzjoni Islamika serja, mhux biss fit-teorija iżda wkoll fil-prattika;
4. Ifakkar li l-eżistenza tal-minoranza nisranija fit-Turkija hija mhedded serjament minħabba r-ripressjoni u l-persekuzzjoni mill-Gvern Tork u l-uffiċjali tiegħu li għaddejjin bħalissa; jikkundanna kull persekuzzjoni, repressjoni jew provokazzjoni tal-insara fit-Turkija; jikkundanna wkoll il-qirda u l-ħsara tal-wirt kulturali nisrani; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-oġġetti kulturali tal-insara qed jinbiegħu fis-swieq illegali; ifakkar li dan il-metodu huwa komuni wkoll fiż-żona ta' Ċipru okkupata mit-Torok u wassal kważi għall-estinzjoni tal-wirt kulturali nisrani f'dan ir-reġjun;
5. Jenfasizza li l-istat tad-dritt fit-Turkija ġie effettivament sospiż bl-istabbiliment tal-Istat ta' Emerġenza, u li b'riżultat ta' dan, eluf ta' ġurnalisti, avukati u politiċi tal-oppożizzjoni ġew arrestati jew detenuti arbitrarjament; jikkundanna t-tkeċċija kollettiva tal-impjegati taċ-ċivil u tal-uffiċjali tal-pulizija, il-likwidazzjoni tal-massa tal-istabbilimenti tal-midja, l-arresti tal-ġurnalisti, tal-akkademiċi, tal-imħallfin, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-uffiċjali eletti u mhux eletti, tal-membri tas-servizzi sigrieti u ċ-ċittadini ordinarji, u l-konfiska tal-proprjetà, tal-assi u tal-passaporti tagħhom, l-għeluq ta' ħafna skejjel u universitajiet, u l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposti fuq eluf ta' ċittadini Torok abbażi tad-digriet amministrattivi ta' emerġenza mingħajr deċiżjonijiet individwalizzati, u mingħajr il-possibbiltà ta' reviżjoni ġudizzjarja rapida; jistieden lill-Gvern Tork iwaqqaf il-persekuzzjoni tal-ġurnalisti, attivisti u tal-oppożizzjoni politika u jeħles lil dawk kollha li ġew mitfugħa l-ħabs mingħajr proċess ekwu u ġust; ifakkar li minn Lulju 2016 'il hawn aktar minn 55 000 persuna ġew arrestati;
6. Jenfasizza li t-Turkija qed tiffaċċja theddida reali mit-terroriżmu; jappella sabiex tiġi sospiża kull kooperazzjoni mal-Gvern Tork dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu sakemm il-leġislazzjoni Torka kontra t-terroriżmu ma tiġix emendata kif xieraq u ma tkunx użata kontra l-oppożizzjoni politika demokratika, il-libertà tal-espressjoni jew il-minoranzi reliġjużi;
7. Ifakkar li l-ksur tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja mhuwiex l-unika problema strutturali fit-Turkija, iżda hemm ukoll, fost l-oħrajn, it-trattament tal-gruppi reliġjużi u ta' gruppi ta' minoranza oħrajn, ir-rifjut tal-għarfien tar-Repubblika ta' Ċipru, u l-ambigwità rigward il-gruppi terroristiċi fis-Sirja u l-Iraq;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.