MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
5.2.2018 - (2018/2559(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Francisco Assis, Ramón Jáuregui Atondo, Elena Valenciano f'isem il-Grupp S&D
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, b'mod partikolari l-Artikolu 298 tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], u tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Lulju 2017 tal-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tad-Delegazzjoni Mercosur u tal-Assemblea Parlamentari EuroLat dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina[6],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, tas-7 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Venezwela tat-13 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/88 tat-22 ta' Jannar 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[7],
– wara li kkunsidra ir-IV Dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tat-23 ta' Jannar 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela, tas-26 ta' Jannar 2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-23 ta' Jannar 2018, l-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti (ANC) tal-Venezwela ħabbret li hija approvat digriet li jitlob lill-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) biex jorganizza elezzjonijiet presidenzjali qabel it-30 ta' April 2018;
B. billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, id-digriet tal-ANC li sejjaħ għall-elezzjonijiet sa tmiem April 2018 jikser l-Artikolu 298 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, li tiddikjara b'mod ċar: "Il-liġi li tirregola l-proċessi elettorali ma tistax tiġi emendata bl-ebda mod matul il-perjodu bejn il-jum tal-elezzjoni u sitt xhur immedjatament qabel";
C. billi fit-23 ta' Jannar 2018, il-Grupp ta' Lima ħareġ dikjarazzjoni li tiċħad id-deċiżjoni unilaterali ta' sejħa għall-elezzjonijiet matul l-ewwel kwart tal-2018; billi l-UE ma rrikonoxxietx l-ANC;
D. billi l-Qorti Suprema tal-Venezwela pprojbiet lill-koalizzjoni prinċipali tal-oppożizzjoni, il-Mesa de la Unidad Democrática (Roundtable ta' Unità Demokratika - (MUD)), milli tipparteċipa fl-elezzjonijiet li jmiss; billi Leopoldo López u Henrique Capriles huma pprojbiti milli joħorġu għall-elezzjoni; billi fl-2017, l-MUD ingħatat il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew;
E. billi d-data u l-proċess li jwassal għall-elezzjonijiet kienu żewġ punti fost is-suġġetti ewlenin fit-taħdidiet ta' Santo Domingo bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni; billi d-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha, bħad-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet ta' malajr, għandhom jittieħdu fi ħdan il-qafas ta' djalogu nazzjonali, billi l-parteċipazzjoni f'dawn l-elezzjonijiet għandha ssir b'kundizzjonijiet ugwali, ġusti u trasparenti, taħt is-superviżjoni ta' CNE bilanċjat, b'garanziji suffiċjenti għall-parteċipanti kollha, inkluż il-preżenza ta' osservaturi internazzjonali indipendenti;
F. billi, minn Diċembru 2017, il-Gvern tal-Venezwela u partijiet tal-oppożizzjoni qed ikollhom djalogu fir-Repubblika Dominikana, fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali ta' livell għoli u l-President tar-Repubblika Dominikana, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika fil-Venezwela; billi bħalissa għaddejja sessjoni ġdida ta' taħdidiet fl-istess post;
G. billi fil-5 ta' Awwissu 2017, il-Mercosur applikat il-klawżola demokratika u ssospendiet lil Venezwela mill-blokk; billi wara l-elezzjonijiet tal-ANC, l-Istati Uniti impona sanzjonijiet finanzjarji ġodda u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fir-rigward tal-Venezwela; billi l-Kanada u l-Messiku wkoll imponew sanzjonijiet fuq l-uffiċjali Venezwelani; billi fit-22 ta' Jannar 2018, l-UE adottat sanzjonijiet immirati kontra seba' uffiċjali ta' livell għoli tal-Gvern Venezwelan;
H. billi wara s-sanzjonijiet tal-UE, il-Gvern Venezwelan irritalja billi keċċa lill-ambaxxatur Spanjol minn Caracas;
I. billi s-sitwazzjoni umanitarja qiegħda tkompli tiddeterjora; billi kważi 2 miljun Venezwelan ħarbu mill-pajjiż; billi l-pressjoni fuq il-pajjiżi ospitanti qed tiżdied dejjem aktar f'termini ta' għoti ta' assistenza u servizzi lil min ikun għadu kif jasal fil-pajjiż;
J. billi skont Caritas Venezuela, il-malnutrizzjoni akuta fil-pajjiż issa tikkostitwixxi emerġenza umanitarja; billi 15 minn 100 tifel u tifla huma malnutriti severament; billi n-nuqqas ta' mediċini huwa stmat li jqarreb il-91-95 %; billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikklassifikat lil Venezwela bħala l-akbar kontributur tal-malarja fil-Kontinent Amerikan; billi qed terġa' titfaċċa d-difterite u l-pazjenti bl-HIV ma għandhomx aċċess għall-ebda tip ta' mediċina;
1. Jesprimi l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Venezwelan li qed isofri l-effetti ta' kriżi umanitarja serja; jisiteden kemm lill-Gvern kif ukoll lill-oppożizzjoni biex jaqblu immedjatament dwar pjan ta' aċċess għall-emerġenza umanitarja fil-pajjiż; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-assistenza tal-UE titwassal fuq il-post;
2. Itenni, mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet tal-UE adottati b'riżultat tal-istabbiliment tal-ANC li mhijiex rikonoxxuta, li l-unika soluzzjoni għall-kriżi hija permezz tad-djalogu u tan-negozjati; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal soluzzjoni politika negozjata bħala l-unika mod li ġġib stabbiltà sostenibbli fil-pajjiż u li tkun tista' tindirizza l-kriżi profonda u l-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni;
3. Jilqa' d-djalogu li għaddej fir-Repubblika Dominikana, u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi ta’ medjazzjoni; jappella lill-UE biex tappoġġa l-proċess ta' negozjati internazzjonali, u jissottolinja d-disponibbiltà tiegħu li jikkunsidra jipprovdi appoġġ parlamentari għall-medjazzjoni biex jissaħħu l-isforzi eżistenti bħala parti mill-approċċ ġenerali koerenti tal-UE;
4. Jiddeplora d-deċiżjoni unilaterali li jissejħu l-elezzjonijiet matul l-ewwel kwart tal-2018; ifakkar fl-importanza li jkun hemm qbil dwar id-data u l-kundizzjonijiet għall-elezzjonijiet presidenzjali fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin bħalissa f'Santo Domingo; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti elezzjonijiet ħielsa, trasparenti u kredibbli;
5. Jinsisti li ma għandhom jiġu imposti ebda ostaklu jew kundizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi; ifakkar li sabiex jiġi żgurat proċess elettorali kredibbli, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin: kalendarju elettorali maqbul, kompożizzjoni bbilanċjata tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali, u s-superviżjoni tal-proċess minn osservaturi internazzjonali; ifakkar fid-disponibbiltà tiegħu li jibgħat Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali f'każ li tiġi mitluba mill-awtoritajiet Venezwelani;
6. Jitlob li l-Gvern Venezwelan jerġa' jistabbilixxi minnufih n-normalità fir-relazzjonijiet diplomatiċi tiegħu ma' Spanja; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħhom esprimew s-solidarjetà tagħhom u jqisu dan l-att ta' aggressjoni kontra Stat Membru wieħed bħala att ta' aggressjoni kontra l-UE kollha;
7. Itenni l-appelli preċedenti tiegħu għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha, għar-rispett tal-korpi eletti demokratikament, għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u fuq kollox, għat-taffija tat-tbatija tal-poplu tal-Venezwela;
8. Jistieden lill-Gvern Venezwelan biex jiżgura li ċ-ċittadini Venezwelani li ħarbu mill-pajjiż ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom ta' sigurtà soċjali, bħall-pensjonijiet;
9. Jappella lill-UE biex tgħin lill-pajjiżi tal-viċinat, u b'mod partikolari lill-Kolombja, biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tar-refuġjati Venezwelani; itenni l-appell tiegħu lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jipproċessaw bl-akbar ġenerożità u ħeffa l-applikazzjonijiet għal permessi ta' residenza fl-UE ta' ċittadini tal-Venezwela;
10. Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament fil-Venezwela biex ikun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
- [1] ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.
- [2] ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.
- [3] ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2016)0269.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2017)0200.
- [6] Testi adottati, P8_TA(2017)0345.
- [7] ĠU L 16I, 22.1.2018, p. 6.