MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
5.2.2018 - (2018/2559(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Karol Karski, Monica Macovei, Ruža Tomašić, Anna Elżbieta Fotyga, Pirkko Ruohonen-Lerner, Angel Dzhambazki, Jan Zahradil, Jana Žitňanská, Arne Gericke, Hans-Olaf Henkel, Valdemar Tomaševski, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0078/2018
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija firmatarja tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, partikolarment il-projbizzjoni tal-armi u t-tagħmir għal repressjoni interna, inkluż qafas għal miżuri restrittivi mmirati,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-22 ta' Jannar 2018 u d-deċiżjoni tiegħu li jimponi miżuri restrittivi fuq seba' persuni f'karigi uffiċjali fl-amministrazzjoni Venezwelana,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Jannar 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni fil-Venezwela kompliet tiddeterjora minn April 2017, b'mod partikolari b'rabta mal-aħbar mill-President Nicolas Maduro, fl-10 ta' Diċembru 2017, li dawk il-partiti fl-oppożizzjoni li bbojkottjaw l-elezzjonijiet muniċipali lokali "ma kinux għadhom parti" mix-xena politika u mhumiex se jitħallew jipparteċipaw fl-elezzjonijiet presidenzjali f'April 2018;
B. billi l-elezzjonijiet muniċipali aktar kmieni f'Diċembru 2017 kienu mfixkla minn protesti u repressjonijiet vjolenti mill-forzi tas-sigurtà Venezwelani; billi, fil-11 ta' Diċembru, il-President Maduro ħabbar formalment li l-Partit Soċjalista fil-gvern kien rebaħ aktar minn 90 % tat-335 kunsill muniċipali li kkontestaw fl-elezzjonijiet; billi mhuwiex ċar li l-elezzjonijiet ġew ikkontestati b'mod ħieles u ġust;
C. billi, f'tentattiv biex jiġu evitati s-sanzjonijiet finanzjarji attwali imposti fuq il-Venezwela, il-Gvern tal-President Maduro introduċa muniti kriptografiċi diġitali "bbażati fuq il-petrol" u appoġġati minn riżervi taż-żejt, iżda wieħed għad irid jara kemm huma effikaċi biex itaffu s-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż;
D. billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela formalment tneħħewla s-setgħat tagħha u ġiet sostitwita bl-Assemblea Kostitwenti tal-Venezwela f'Awwissu 2017, wara l-elezzjonijiet li ġew imfixkla minn protesti u repressjonijiet vjolenti mill-forzi tas-sigurtà; billi l-Assemblea Kostitwenti hija maħsuba biex tkun korp leġiżlattiv superjuri sabiex tagħti lill-President Maduro s-setgħa li jerġa' jikteb il-kostituzzjoni u jevita b'mod effikaċi l-Assemblea Nazzjonali mmexxija mill-oppożizzjoni;
E. billi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, il-"Mesa de la Unidad Democrática", b'112-il siġġu fl-Assemblea Nazzjonali unikamerali li hija magħmula minn 167 membru, kellha maġġoranza kbira fuq il-Partit Soċjalista fil-gvern, b'55 siġġu;
F. billi l-elezzjonijiet li bis-saħħa tagħhom l-Assemblea Kostitwenti ngħatat is-setgħa ma kinux rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea fuq il-bażi li dawn kienu kkaratterizzati mill-vjolenza, l-instabbiltà u l-prattiki mhux demokratiċi, u li l-istat ta' governanza tajba u l-istat tad-dritt demokratiku fil-Venezwela konsegwentement marru lura b'mod konsiderevoli;
G. billi l-Istati Uniti formalment imponew sanzjonijiet fuq il-President Maduro, u billi bosta Stati Membri talbu li l-UE timponi sanzjonijiet simili bħala reazzjoni għall-priġunerija kontinwa tad-dissidenti u tal-membri tal-oppożizzjoni politika, għall-azzjonijiet tal-Assemblea Kostitwenti u r-rigressjoni ġenerali tal-istat tad-dritt fil-Venezwela;
H. billi aktar minn mitt membru tal-oppożizzjoni politika, flimkien ma' ġurnalisti, attivisti u dimostranti għadhom priġunieri politiċi fil-Venezwela, inklużi mexxejja politiċi importanti bħalma huma Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos u Yon Goicoechea;
I. billi, minn mindu bdew il-protesti fl-2016 sa Diċembru 2017, il-forzi tas-sigurtà tal-Venezwela, inklużi l-gwardja nazzjonali, il-pulizija nazzjonali u gruppi armati irregolari ripetutament użaw forza brutali kontra dimostranti paċifiċi, inklużi l-Membri tal-Kungress, billi arrestaw ħafna u ħallew aktar minn 20 ruħ mejta u bosta midruba;
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur kontinwu tal-ordni demokratiku fil-Venezwela, b'mod partikolari l-ħtif tal-Assemblea Nazzjonali mill-Assemblea Kostitwenti, li wassal għaċ-ċentralizzazzjoni mhux kostituzzjonali tal-poteri u l-ksur tal-indipendenza tal-fergħat tal-gvern; jiċħad b'saħħa l-ħolqien tal-Assemblea Kostitwenti, li jikkunsidra bħala strument fundamentalment mhux demokratiku;
2. Jiddeplora l-aħbar tal-President Maduro li l-partiti politiċi tal-oppożizzjoni se jiġu pprojbiti mill-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss f'April 2018; ifakkar li elezzjonijiet ħielsa, ġusti u miftuħa huma l-pedamenti ta' soċjetà demokratika;
3. Iqis li huwa essenzjali li l-Gvern tal-Venezwela jiżgura li l-ordni demokratiku jerġa' jiġi stabbilit bis-sħiħ, jerġa' jistabbilixxi s-separazzjoni u l-indipendenza tal-fergħat governattivi, jadotta r-restituzzjoni tas-setgħat għal Assemblea Nazzjonali bbilanċjata u rappreżentattiva li tinkludi membri mill-partiti politiċi kollha u, barra minn hekk, jerġa' jistabbilixxi l-awtorità kostituzzjonali sħiħa tal-Assemblea Nazzjonali; ifakkar fil-fatt li s-separazzjoni u n-nuqqas ta' interferenza bejn il-fergħat ta' gvern huwa prinċipju essenzjali tal-istati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;
4. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrilaxxa, b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet, lill-priġunieri politiċi kollha; ifakkar fil-fatt li l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kien approvat minn dik li qabel kienet l-Assemblea Nazzjonali permezz tal-Liġi ta' Rikonċiljazzjoni Nazzjonali; jenfasizza li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni paċifika dejjiema għall-Venezwela fuq terminu twil jekk ikun hemm priġunieri politiċi;
5. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-contraloría nazzjonali Venezwelana li tipprojbixxi lill-mexxej tal-oppożizzjoni Henrique Capriles milli jkollu kariga politika għal 15-il sena; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jtemm il-prattika li jiġu marġinalizzati l-mexxejja tal-oppożizzjoni billi jċaħħadhom mid-drittijiet politiċi tagħhom;
6. Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-3 ta' April 2017, u jistieden lill-VP/RGħ tappoġġa din il-miżura, u r-rieda espressa minn ħafna pajjiżi fir-reġjun biex jiġi faċilitat il-proċess ta' medjazzjoni, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim nazzjonali; jistieden ukoll lill-VP/RGħ biex tesplora b'mod attiv, flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, miżuri oħrajn li bihom l-UE tista' tgħin biex jerġa' jkun hemm demokrazija sħiħa fil-Venezwela;
7. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin li jimponi miżuri restrittivi fuq seba' persuni f'karigi uffiċjali fl-Amministrazzjoni Venezwelana;
8. Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni brutali mill-forzi tas-sigurtà Venezwelani kif ukoll minn gruppi armati irregolari, ta' dimostranti paċifiċi, li rriżultat fil-mewt ta' aktar minn 20 persuna u bosta persuni midruba u arrestati;
9. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jinvestiga dawn l-imwiet f'idejn il-militar u jirrispetta u jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għal-libertà ta' għaqda paċifika; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu s-sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet għaċ-ċittadini kollha, partikolarment għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, għall-ġurnalisti, għall-attivisti politiċi u għall-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti li jinsabu f'riskju akbar ta' attakki u ta' detenzjoni arbitrarja;
10. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż bħala kwistjoni ta' urġenza u jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi tas-soċjetà li ntlaqtu l-agħar;
11. Itenni t-talba urġenti tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament fil-Venezwela mill-aktar fis possibbli u sabiex ikun hemm djalogu mal-partijiet kollha involuti fil-kunflitt;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.