MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija
5.2.2018 - (2018/2527(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Branislav Škripek, Arne Gericke, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Anders Primdahl Vistisen, Monica Macovei, Angel Dzhambazki, Jan Zahradil, Valdemar Tomaševski f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2018
B8‑0082/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[1], dik tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija[2] u dik tas-6 ta' Lulju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija[3],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE f'Ankara tal-14 ta' Settembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u dik tat-13 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bħala segwitu għad-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli UE-Turkija tal-25 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li t-Turkija hija stat parti għaliha,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi ta' Reliġjon u Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-Turkija hija sieħeb importanti tal-UE; billi r-rispett għall-istat tad-dritt, inkluża s-separazzjoni tas-setgħat, id-demokrazija, il-libertà ta' espressjoni u l-media, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' reliġjon u d-drittijiet tal-minoranzi huma fil-qalba tad-dritt internazzjonali u dak nazzjonali;
B. billi fit-18 ta' Jannar 2018 it-Turkija estendiet l-istat ta' emerġenza għas-sitt darba mindu seħħ it-tentattiv fallut ta' kolp ta' stat tal-2016; billi matul dan l-istat ta' emerġenza l-istat tad-dritt fit-Turkija kien taħt pressjoni kontinwa, b'intimidazzjoni ġudizzjarja, detenzjonijiet arbitrarji, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u bosta miżuri restrittivi oħra li huma maħsuba għal kull min ikun suspettat li jappartjeni għall-moviment Gülenist u l-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-ġurnalisti, l-avukati, l-akkademiċi, il-kittieba u l-NGOs, minkejja nuqqas ta' evidenza ta' atti kriminali jew raġunijiet konvinċenti għal kustodja; billi uffiċjali pubbliċi għadhom qegħdin jitkeċċew jew jiġu sospiżi b'digriet mingħajr proċess ġust, b'aktar minn 110 000 imkeċċija minn Lulju 2016; billi aktar minn 500 avukat ġew arrestati fuq detenzjoni proviżorja, u aktar minn 1 000 tressqu quddiem qorti;
C. billi r-ripressjoni estendiet ukoll għall-partit tal-oppożizzjoni favur il-Kurdi, HDP, bl-arrest u d-detenzjoni preventiva tal-kopresidenti Selahattin Demirtaş u Figen Yüksekdağ u ta' membri parlamentari oħra minn Novembru 2016 'il hawn, filwaqt li aktar kmieni fl-2016 148 membru parlamentari mill-HDP u partiti oħra tal-oppożizzjoni tneħħitilhom l-immunità parlamentari; billi fil-11 ta' Jannar 2018 Leyla Zana, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2005 tal-Parlament Ewropew, tneħħielha l-istatus ta' membru parlamentari tagħha għal raġunijiet dubjużi; billi, fix-Xlokk tal-pajjiż, il-gvern ħa l-kontroll ta' 89 muniċipalità li kienu ntrebħu mill-partit affiljat mal-HDP fir-reġjun, il-Partit tar-Reġjuni Demokratiċi (DBP), u ssospenda lill-kosindki tagħhom eletti demokratikament minħabba suspett ta' reati ta' terroriżmu, b'tal-inqas 70 arrestati b'detenzjoni proviżorja, u billi dan huwa fi ksur tad-drittijiet għal assoċjazzjoni u parteċipazzjoni politika u l-libertà ta' espressjoni;
D. billi kien hemm żieda fil-limitazzjonijiet għal-libertà ta' espressjoni u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u ċ-ċentri tal-media fit-Turkija u barra minnha fil-forma ta' arresti, smigħ, prosekuzzjonijiet, każijiet ta' ċensura u tkeċċijiet; billi, skont xi rapporti, aktar minn 150 ġurnalist ġew arrestati; billi ġurnalisti barranin ukoll tqiegħdu f'detenzjoni, b'mod partikolari Deniz Yücel, ġurnalist Ġermaniż-Tork li ġie arrestat fuq akkużi ta' spjunaġġ fi Frar 2017 u għadu arrestat; billi fl-2017 bdew diversi proċessi ewlenin politikament motivati ta' ġurnalisti minkejja n-nuqqas ta' evidenza kredibbli li ssostni l-akkużi;
E. billi matul l-2017 spiċċaw fil-mira wkoll id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi, f'Ġunju 2017, Taner Kiliç, il-president ta' Amnesty International Turkey, tqiegħed f'detenzjoni fuq allegazzjoni ta' rabtiet mal-moviment Gülenist; billi nħarġet l-ordni li Kiliç jinħeles fuq pleġġ minn qorti f'Istanbul fil-31 ta' Jannar 2018, iżda huwa għadu f'detenzjoni billi l-prosekutur appella kontra d-deċiżjoni tal-qorti; billi, f'Lulju 2017, għaxar difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Ġermaniż u Żvediż, tqegħdu f'detenzjoni waqt laqgħa f'Istanbul, ġew akkużati b'għoti ta' għajnuna lil organizzazzjonijiet terroristiċi mhux imsemmija, u nħelsu fuq pleġġ fil-25 ta' Ottubru; billi, f'Novembru 2017, Osman Kavala, negozjant u personalità magħrufa sew fis-soċjetà ċivili, ġie arrestat mingħajr akkużi ċari;
F. billi, f'Jannar 2018, aktar minn 300 persuna, inklużi ġurnalisti, li esprimew kritika fuq il-media soċjali kontra l-intervent militari tal-Gvern tat-Turkija "Operation Olive Branch" fl-enklav ta' Afrin li jinsab fil-Majjistral tas-Sirja, tqegħdu f'detenzjoni fuq akkużi ta' "inċitament għall-mibegħda, insulti lejn uffiċjali tal-istat, appoġġ għat-terroriżmu u theddid għall-unità tal-istat";
G. billi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tat-Turkija tipprevedi l-libertà ta' twemmin u ta' qima u t-tixrid privat ta' ideat reliġjużi u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet reliġjużi, il-minoranzi reliġjużi xorta waħda jiffaċċjaw reati ta' mibegħda u attakki verbali u fiżiċi, stigmatizzazzjoni u pressjoni soċjali fl-iskejjel, diskriminazzjoni minħabba t-taqsima dwar ir-reliġjon fuq il-karta tal-identità u problemi rigward il-possibbiltà li jistabbilixxu legalment post ta' qima; billi s-soċjetà ċivili rrapportat livelli mingħajr preċedent ta' persekuzzjoni u oppressjoni tal-Insara, hekk kif estremisti Iżlamiċi ħarbu mis-Sirja u l-Iraq lejn it-Turkija, fattur li wassal għal żieda qawwija fil-vjolenza u l-aggressjoni lejn l-Insara; billi Andrew Brunson, pastor Nisrani li ilu t-Turkija għal dawn l-aħħar 23 sena, tqiegħed f'detenzjoni f'Ottubru 2016, fuq akkużi foloz ta' appartenenza għal organizzazzjoni terrorista armata mingħajr evidenza, u għadu arrestat;
H. billi ġew irrapportati b'mod estensiv każijiet ta' tortura u maltrattament fil-kustodja tal-pulizija fl-2017, speċjalment minn individwi detenuti bis-saħħa tal-liġi kontra t-terroriżmu;
I. billi t-Turkija qed tkompli tospita l-akbar numru ta' rifuġjati fid-dinja; billi għad hemm rati għoljin ta' tħaddim tat-tfal u għadd kbir ta' tfal rifuġjati u tfal applikanti għall-asil li ma jmorrux skola; billi, skont rapporti reċenti, kważi nofs miljun tifel u tifla rifuġjati Sirjani bħalissa huma miktuba fl-iskola, iżda tal-inqas 380 000 għadhom barra mill-iskola;
1. Jinsab imħasseb serjament dwar il-miżuri sproporzjonati li ttieħdu taħt l-istat ta' emerġenza, li għadu ma tneħħiex, wara l-kolp ta' stat li falla, inklużi n-numru sostanzjali ta' arresti u tkeċċijiet, il-konfiska ta' proprjetà u r-ripressjoni intensifikata fuq il-libertà tal-media, inkluża l-projbizzjoni sproporzjonata tas-siti tal-media u l-media soċjali;
2. Ifakkar li l-istat tad-dritt, il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni u media diversifikata u indipendenti huma elementi essenzjali ta' soċjetà demokratika u li NGOs b'saħħithom u indipendenti huma elementi ċentrali ta' kwalunkwe sistema demokratika; jisħaq fuq il-punt li t-Turkija jeħtiġilha tfittex li ssegwi l-ogħla standards u prattiki demokratiċi possibbli f'konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem skont il-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li hija parti għalihom;
3. Jikkundanna bis-sħiħ l-arrest ta' ċittadini tal-UE, ġurnalisti, akkademiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għal raġunijiet mhux ġustifikati fit-Turkija u jappella għar-rilaxx immedjat ta' Deniz Yücel, Taner Kiliç, Osman Kavala u l-oħrajn kollha abbażi tal-prinċipju ta' preżunzjoni ta' innoċenza u l-applikazzjoni tat-tqegħid taħt detenzjoni skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex jerġa' jiftaħ iċ-ċentri tal-media li għalaq u biex jiżgura li l-istampa u media oħra, u l-individwi kollha, ikunu jistgħu jikkummentaw dwar kwistjonijiet pubbliċi u jinformaw l-opinjo ni pubblika mingħajr ċensura jew limitazzjoni;
4. Jiddenunzja l-issoktar tad-detenzjoni tal-kopresidenti tal-HDP, Selahattin Demirtaş u Figen Yüksekdağ, u membri parlamentari oħra li jagħmlu parti mill-oppożizzjoni, kif ukoll tas-sindki muniċipali Kurdi, u jappella għar-rilaxx immedjat tagħhom sakemm isirilhom proċess fil-qorti; jikkundanna d-deċiżjoni reċenti li Leyla Zana jitneħħielha l-istatus tagħha bħala membru parlamentari, kif ukoll deċiżjonijiet preċedenti simili dwar ħames membri parlamentari oħra tal-HDP; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-membri parlamentari eletti b'mod leġittimu li huma soġġetti għal detenzjoni u intimidazzjoni;
5. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-arresti fit-Turkija ta' vuċijiet kritiċi matul l-intervent militari inkwetanti "Operation Olive Branch" f'Afrin; ifakkar li, meta t-Turkija trażżan l-ilħna li jitkellmu kontra l-intervent militari, dan ikun fi ksur tal-liġijiet u l-obbligi tagħha stess skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
6. Jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex jirrispetta u jimplimenta l-leġiżlazzjoni komprensiva tat-Turkija li tipproteġi l-libertà ta' reliġjon u biex ikun kompletament konformi mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, kif ukoll biex jiffaċilita r-ritorn ta' proprjetajiet tal-knisja li ġew ikkonfiskati u biex jiżgura li jiġi osservat il-proċess ġust fil-każijiet kollha li jkollhom impatt fuq id-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; jesiġi li l-gvern jiddjaloga mal-minoranzi reliġjużi biex jingħeleb il-preġudizzju u biex jissolvew il-problemi skont l-obbligi tad-drittijiet internazzjonali; iħeġġeġ lill-gvern biex jeħles lill-pastor Andrew Brunson u biex jippermettilu jirritorna f'daru; jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jiġġieldu serjament kontra kull manifestazzjoni ta' anti-Semitiżmu fis-soċjetà;
7. Jinsab allarmat bil-każijiet rapportati ta' tortura u maltrattament ta' ħabsin f'detenzjoni u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Turkija jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
8. Jinkoraġġixxi lill-Gvern tat-Turkija biex jagħti permessi tax-xogħol u aċċess għall-kura tas-saħħa lir-rifuġjati Sirjani kollha u biex jipprovdi aċċess għall-edukazzjoni lit-tfal Sirjani;
9. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Ankara biex tassumi rwol ta' tmexxija, flimkien mal-ambaxxati tal-Istati Membri, biex flimkien jipprovdu sostenn ta' koordinazzjoni u, fejn meħtieġ, appoġġ pubbliku għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari bil-monitoraġġ u l-osservazzjoni tal-proċessi u billi jitolbu permess għal żjarat fil-ħabsijiet;
10. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra mill-UE biex sistematikament iqajmu l-kwistjoni tal-Insara u l-minoranzi reliġjużi l-oħra bħala parti integrali mid-djalogu tagħhom mat-Turkija; jinkoraġġixxi lid-Delegazzjoni tal-UE f'Ankara biex timplimenta b'mod sistematiku l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, billi tagħti appoġġ lill-knejjes lokali u lis-soċjetà ċivili, billi tagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi u billi żżur lill-membri ta' minoranzi reliġjużi li jinsabu l-ħabs;
11. Jinsisti li l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tat-Turkija huwa vitali għall-futur tal-pajjiż; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-għażliet konkreti dwar kif jista' jiżdied l-appoġġ għas-soċjetà ċivili tat-Turkija;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0423.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2016)0450.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2017)0306.