MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Venezwela
5.2.2018 - (2018/2559(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ernest Urtasun, Molly Scott Cato, Bodil Valero, Florent Marcellesi, Josep-Maria Terricabras, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE, tas-26 ta' Jannar 2018, dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, minn Diċembru 2017, il-Gvern tal-Venezwela u setturi tal-oppożizzjoni kienu qed isegwu djalogu fir-Repubblika Dominikana, fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali ta' livell għoli u l-President tar-Repubblika Dominikana, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika fil-Venezwela;
B. billi attwalment qed issir sessjoni ġdida ta' taħditiet fl-istess post;
C. billi ċerti setturi tal-oppożizzjoni "Mesa de la Unidad Democrática" (Roundtable tal-Unità Demokratika) mhumiex qed jieħdu sehem f'dan id-djalogu;
D. billi d-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha, bħad-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet ta' malajr, għandhom jittieħdu fi ħdan il-qafas ta' djalogu nazzjonali,
E. billi l-parteċipazzjoni f'dawn l-elezzjonijiet għandha ssir taħt kundizzjonijiet ugwali, ġusti u trasparenti, issorveljata minn Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral – CNE) ibbilanċjat, b'garanziji suffiċjenti għall-parteċipanti kollha, inkluża l-presenza ta' osservaturi internazzjonali indipendenti,
F. billi hemm biża' mifruxa li d-dinamika ta' konfrontazzjoni permanenti miż-żewġ naħat ma tippermettix l-adozzjoni ta' soluzzjoni li tistabbilizza li hija demokratikament leġitimizzata mill-pajjiż;
1. Huwa konvint li l-futur tal-Venezwela jinsab f'idejn il-poplu tal-Venezwela u li soluzzjoni għad-diversi kriżijiet attwali u l-ilħuq ta' stabbiltà politika jistgħu jinkisbu biss permezz ta' negozjati paċifiċi;
2. Jilqa' d-djalogu li għaddejj bħalissa fir-Repubblika Dominikana organizzat mill-President Danilo Medina u l-ex Prim Ministru Spanjol José Luis Rodríguez Zapatero; jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi ta' medjazzjoni li saru s'issa, akkumpanjati miċ-Ċilì, in-Nikaragwa, il-Bolivja u Saint Vincent u l-Grenadini, li jkomplu f'Caracas fil-ġimgħa li tibda fil-5 ta' Frar 2018 u jesprimi t-tama tiegħu li l-atturi nazzjonali u internazzjonali kollha jappoġġaw dan il-proċess;
3. Huwa xxukkjat bis-suġġeriment ta' Julio Borges, rebbieħ tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament tal-2017 u l-President tal-Assemblea Nazzjonali, li l-militari jikkontribwixxu għall-waqa' tal-Gvern, u jfakkar li l-Premju Sakharov jingħata esklussivament fuq il-bażi ta' ġlieda paċifika għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
4. Jistieden lill-atturi kollha ġewwa u barra l-pajjiż, biex josservaw prudenza u paċenzja u joqogħdu lura minn kwalunkwe att jew sejħa ta' vjolenza u wisq inqas minn intervent militari, li jkomplu jiddestabbilizzaw u finalment ixekklu l-pajjiż;
5. Iħeġġeġ għal darb'oħra l-promozzjoni u l-istabbiliment ta' djalogu nazzjonali verament dejjiemi bil-mezzi paċifiċi kollha, inkluż bl-involviment tal-forzi kollha rilevanti, sabiex tinstab soluzzjoni konsenswali għall-interessi konfliġġenti fil-Venezwela u biex jissolva kwalunkwe tilwim bejn id-diversi fergħat tas-setgħa pubblika fi spirtu ta' fiduċja;
6. Jirrakkomanda bil-qawwa l-inklużjoni f'dan id-djalogu politiku ta' ftehim nazzjonali dwar il-politika ekonomika biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni;
7. Jistieden lill-atturi politiċi barra l-Venezwela sabiex jevitaw li jużaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż għal skopijiet politiċi nazzjonali;
8. Huwa tal-fehma li l-istabbiltà politika u soċjali tal-Venezwela hija fattur deċiżiv għas-salvagwardja tal-paċi fir-reġjun kollu;
9. Jappoġġa l-isforzi tal-VP/RGħ Federica Mogherini biex tiżgura l-istabbiltà politika, tħeġġeġ rispett totali tal-Kostituzzjoni, filwaqt li tipprova ssib soluzzjonijiet biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana.