Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0085/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0085/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA

5.2.2018 - (2018/2553(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis, Gabriele Zimmer, Marina Albiol Guzmán, Marisa Matias, Martina Michels, Sofia Sakorafa, Eleonora Forenza, Martina Anderson, Matt Carthy, Lynn Boylan, Liadh Ní Riada, Takis Hadjigeorgiou, Paloma López Bermejo, Nikolaos Chountis, Merja Kyllönen, Rina Ronja Kari, Ángela Vallina, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Marie-Pierre Vieu, Stelios Kouloglou, Barbara Spinelli, Maria Lidia Senra Rodríguez, Josu Juaristi Abaunz, Dimitrios Papadimoulis, João Ferreira, João Pimenta Lopes, Miguel Viegas, Curzio Maltese, Javier Couso Permuy, Dennis de Jong, Anne-Marie Mineur, Kateřina Konečná, f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0085/2018

Proċedura : 2018/2553(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0085/2018
Testi mressqa :
B8-0085/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0085/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA

(2018/2553(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 194 (III), 72/80, 72/81 u 72/82 u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 242 (1967), 252 (1968), 338 (1972), 476 (1980), 478 (1980) u 1860 (2009),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-liġi umanitarja internazzjonali, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar it-tortura u t-trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UNRWA ġiet stabbilita mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1949 wara li mijiet ta' eluf ta' Palestinjani tkeċċew minn djarhom waqt il-gwerra tal-1948 li segwiet il-ħolqien tal-istat ta' Iżrael u, għal kważi 70 sena, kienet essenzjali għal aktar minn ħames miljun rifuġjat Palestinjan irreġistrat fit-territorji Palestinjani okkupati, fil-Libanu, fil-Ġordan u fis-Sirja;

B.  billi, sakemm tinstab soluzzjoni ġusta għall-kwistjoni tar-rifuġjati Palestinjani, l-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjonijiet tagħha kompliet tenfasizza l-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli l-ħidma tagħha u r-rwol essenzjali li kellha l-UNRWA għal aktar minn ħamsa u sittin sena fil-forniment ta' servizzi vitali lir-rifuġjati Palestinjani; billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU tenniet ukoll ir-rikonoxximent tagħha tal-ħidma tal-UNRWA filwaqt li enfasizzat l-importanza tal-operazzjonijiet mhux ostakolati tagħha u l-forniment tas-servizzi tagħha għall-benesseri, il-protezzjoni u l-iżvilupp uman tar-rifuġjati Palestinjani u għall-istabilità tar-reġjun; billi filwaqt li tafferma l-ħtieġa tat-tkomplija tal-ħidma tal-UNRWA, l-Assemblea Ġenerali tan-NU ġeddet il-mandat tal-UNRWA ħafna drabi - l-aktar riċentement sat-30 ta' Ġunju 2020 b'vot ta' 167 stat membru tan-NU;

C.  billi l-UNRWA hija ffinanzjata prinċipalment minn kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri tan-NU u ngħatat mandat biex tipprovdi l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-fondi u s-servizzi soċjali, l-infrastruttura u t-titjib tal-kampijiet, il-protezzjoni, il-mikrofinanzjament u l-għajnuna umanitarja lil madwar 5 miljun rifuġjat Palestinjan li jgħixu fil-Ġordan, fil-Libanu, fis-Sirja, fix-Xatt tal-Punent, inkluż il-Lvant ta' Ġerusalemm u l-Istrixxa ta' Gaża;

D.  billi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fis-16 ta' Jannar 2018 ħabbar li kien se jżomm USD 65 miljun minn pakket ta' għajnuna ta' USD 125 miljun allokat għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA); billi l-UNRWA rċeviet USD 365 miljun mill-Istati Uniti fis-sena fiskali tal-2017, li ntemmet f'Diċembru 2017;

E.  billi l-Istati Uniti u l-UNRWA ffirmaw ftehim qafas f'Diċembru 2017 li jiddikjara l-impenn tal-Istati Uniti li jipprovdi finanzjament suffiċjenti, prevedibbli u flessibbli lill-UNRWA;

F.  billi d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jnaqqas l-għajnuna lill-UNRWA se toħloq tbatija akbar f'Gaża; billi 70 % minn żewġ miljun resident hemmhekk jiddependu mill-appoġġ tal-UNRWA u ta' aġenziji umanitarji oħrajn għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; billi l-UNRWA, li tmexxi 700 skola, 137 klinika u tipprovdi assistenza ta' emerġenza tal-ikel u fi flus lil 1,7 miljun rifuġjat Palestinjan mingħajr sigurtà tal-ikel fil-Libanu, fil-Ġordan, fis-Sirja u fit-territorji Palestinjani okkupati, inklużi x-Xatt tal-Punent, il-Lvant ta' Ġerusalemm u Gaża, għamlet appell internazzjonali għall-fondi;

G.  billi l-UNRWA ħadet miżuri interni estensivi u bla preċedent biex tnaqqas l-ispiża tal-istruttura tal-Aġenzija u tissikka drastikament il-kontrolli fuq l-infiq, u b'hekk iżżid l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tagħha filwaqt li żżomm il-kwalità u l-firxa tas-servizzi ewlenin tagħha f'ambjent diffiċli ħafna; billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti faħħru l-UNRWA għar-riformi li implimentat sa issa;

1.  Jesprimi r-rikonoxximent tiegħu għall-ħidma eċċellenti u siewja mwettqa mill-UNRWA li ilha tgħin lir-rifuġjati Palestinjani fil-bżonn mill-1950;

2.  Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jnaqqas l-għajnuna lill-UNRWA peress li t-tnaqqis tal-finanzjament ippjanat b'aktar min-nofs jista' jkun katastrofiku għall-miljuni ta' rifuġjati Palestinjani; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Istati Uniti jirrispetta l-ftehim qafas mal-UNRWA, kif ukoll il-prinċipji ta' Donazzjoni Umanitarja Tajba;

3.  Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-miljuni ta' rifuġjati Palestinjani u jfakkar fir-responsabilità mittieħda mill-Unjoni Ewropea u mill-komunità internazzjonali biex jgħinu lir-rifuġjati Palestinjani sa ma tinstab soluzzjoni ġusta u dejjiema;

4.  Jissottolinja li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti se jkollha konsegwenzi devastanti għar-rifuġjati Palestinjani vulnerabbli fil-Lvant Nofsani, inklużi l-525 000 tifel u tifla rifuġjati fix-Xatt tal-Punent u f'Gaża, fil-Libanu, fil-Ġordan u fis-Sirja li jiddependu mill-aġenzija għall-edukazzjoni tagħhom u se jkollha impatt fuq l-aċċess għall-assistenza ta' emerġenza tal-ikel u fi flus għal 1,7 miljun rifuġjat Palestinjan mingħajr sigurtà tal-ikel, li ħafna minnhom jgħixu f'Gaża u fis-Sirja u fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa primarja, inkluża l-kura ta' qabel it-twelid, għal 3 miljuni ta' rifuġjati;

5.  Ifakkar li l-fondi allokati għall-għajnuna umanitarja u fondi għar-rifuġjati u għall-popolazzjonijiet deprivati ma jistgħux jintużaw bħala pedini fin-negozjati internazzjonali;

6.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimmobilizzaw finanzjament addizzjonali għall-Baġit tal-Programm tal-UNRWA fl-2018 biex jappoġġaw lill-Aġenzija waqt li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji tagħha fuq perjodu qasir sabiex tippreserva t-tkomplija tas-servizzi tagħha, inkluż - jekk ikun meħtieġ - permezz tar-riservi ta' Għajnuna f'Emerġenza; jitlob ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu rwol ta' tmexxija fil-livell internazzjonali biex isibu soluzzjonijiet kollettivi għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-UNRWA;

7.  Jenfasizza li l-UNRWA hija fattur importanti ta' stabilità u li t-tneħħija gradwali tal-unika aġenzija li ġiet stabbilita mill-komunità internazzjonali biex tipproteġi d-drittijiet tar-rifuġjati Palestinjani u tipprovdilhom is-servizzi essenzjali tikkontradixxi l-prinċipji stabbiliti tad-dritt internazzjonali;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza