Proċedura : 2018/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0092/2018

Testi mressqa :

B8-0092/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.10
CRE 08/02/2018 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 431kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2018
5.2.2018
PE614.401v01-00
 
B8-0092/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qagħda attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))


Nadja Hirsch, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))  
B8-0092/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(1), tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija(2), u tas-6 ta' Lulju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija(3),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar tal-UE għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005, b'mod partikolari l-paragrafi 4 u 5 tiegħu,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tat-Turkija fil-Kunsill tal-Ewropa, mid-9 ta' Awwissu 1949, li torbot lit-Turkija mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li hija marbuta magħhom,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tat-Turkija fin-Nazzjonijiet Uniti u l-adeżjoni mal-Karta tan-NU, li l-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tagħha huma l-iskop ewlieni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mat-Turkija dwar Ftehim dwar l-estensjoni tal-ambitu tar-relazzjoni bilaterali tal-kummerċ preferenzjali u dwar l-immodernizzar tal-Unjoni Doganali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern Tork qed ikompli jimplimenta miżuri ripressivi fuq skala wiesgħa u kbira, li jolqtu lin-nies kollha tat-Turkija, b'mod partikolari l-partiti tal-oppożizzjoni u l-membri tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka, il-ħaddiema fil-midja u l-ġurnalisti, l-uffiċjali fil-militar Tork, il-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, u l-uffiċjali li jaħdmu fil-ġudikatura u fl-amministrazzjoni tal-istat;

B.  billi ħafna mill-miżuri meħuda huma sproporzjonati, jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali Torka u huma bi ksur tal-impenji ta' membru tal-Kunsill tal-Ewropa u jmorru kontra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

C.  billi t-Turkija użat l-attentat ta' kolp ta' stat fallut ta' Lulju 2016 bħala pretest biex timplimenta dawn il-miżuri; billi l-UE kkundannat l-attentat ta' kolp ta' stat militari fallut f'Lulju 2016 u rrikonoxxiet il-ħtieġa ta' prosekuzzjoni kriminali ta' dawk responsabbli u involuti f'dan l-attentat ta' kolp ta' stat; billi dan irid isir filwaqt li jiġi rispettat id-dritt għal proċess ġust u proċess debitu;

D.  billi l-President Erdoğan u r-rappreżentanti tal-Gvern Tork ripetutament għamlu dikjarazzjonijiet dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt; billi hemm tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet ta' dawk li sfaw detenuti u arrestati wara l-kolp ta' stat, dwar it-tkeċċija fuq skala wiesgħa ta' uffiċjali tal-istat, u dwar ir-restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq l-istampa u l-midja fit-Turkija; billi għadd ta' ċittadini tal-UE wkoll ġew arrestati għal raġunijiet dubjużi;

E.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa vvalutat li l-bidliet kostituzzjonali approvati fir-referendum ta' April 2017 "jintroduċu reġim presidenzjali li jkun nieqes mill-kontrolli meħtieġa u l-bilanċi neċessarji għas-salvagwardja kontra l-possibilità li dan isir wieħed awtoritarju"; billi l-liġijiet b'dekret tat-Turkija għall-emergenza jinkludu miżuri li jmorru lil hinn minn dak li huwa permess skont l-istandards internazzjonali u l-kostituzzjoni Torka;

F.  billi hemm indikazzjonijiet ta' nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema ġudizzjarja Torka u l-fergħa eżekuttiva kif ukoll biex il-pressjoni politika mill-eżekuttiv tiġi rreżistita, kif intwera f'xi każijiet bir-rifjut tal-qrati inferjuri li jsegwu s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali;

G.  billi l-paragrafu 5 tal-qafas ta' negozjar għan-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija jistipula li l-Kummissjoni, fil-każ ta' ksur serju u persistenti tal-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, tista' tirrakkomanda s-sospensjoni tan-negozjati; billi l-Kunsill jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata dwar tali rakkomandazzjoni;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri ripressivi sproporzjonati meħuda mill-President Erdoğan u l-Gvern Tork wara l-kolp ta' stat militari fallut f'Lulju 2016 u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-bidliet kostituzzjonali li ġew approvati b'maġġoranza minima fir-referendum ta' April 2017; itenni li l-bidliet proposti fil-kostituzzjoni ma jirrispettawx il-prinċipji fundamentali tas-separazzjoni tal-poteri, ma jipprevedux kontrolli u bilanċi suffiċjenti u mhumiex konformi mal-kriterji politiċi ta' Copenhagen fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom; itenni l-pożizzjoni tiegħu minn Novembru 2016 li jiffriża il-proċess ta' adeżjoni mat-Turkija u l-pożizzjoni tiegħu minn Lulju 2017 li jissospendi l-proċess ta' adeżjoni mat-Turkija jekk ir-riformi kostituzzjonali jiġu implimentati mingħajr tibdil;

2.  Itenni t-tħassib profond tiegħu rigward id-deterjorament li għaddej tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt fit-Turkija, u jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja, il-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv, il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u mezzi oħra biex jiġu ppersegwitati eluf ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, akkademiċi u ċittadini ordinarji;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar l-arrest u d-detenzjoni kontinwa ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili;

4.  Jinnota bi tħassib id-deterjorament tal-prinċipji u l-valuri sekularisti li ilhom żmien twil fit-Turkija, inkluża ż-żieda fil-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u mhux reliġjużi; jistieden lill-awtoritajiet Torok jippromwovu u jiggarantixxu l-pluraliżmu tar-reliġjonijiet u l-libertà tat-twemmin;

5.  Jinnota li numru kbir ħafna ta' ċittadini Torok, flimkien ma' ċittadini tal-UE, qed jiffaċċjaw jew iffaċċjaw dawn l-miżuri repressivi sproporzjonati, inklużi ħafna impjegati tas-servizz ċivili u għalliema li tkeċċew minn xogħolhom;

6.  Iwissi kontra l-abbuż ta' miżuri kontra t-terroriżmu għal-leġittimizzazzjoni tar-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jinnota li l-qalba tad-demokrazija Torka hija mhedda, u bosta Membri Parlamentari kellhom il-mandat parlamentari tagħhom revokat, tneħħitilhom l-immunità tagħhom u/jew qed jiġu detenuti jew arrestati; jinnota li l-partiti tal-oppożizzjoni HDP u CHP huma dawk l-aktar affettwati; jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' membri parlamentari eletti b'mod leġittimu, li jiġu suġġetti għal detenzjoni u intimidazzjoni u jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrispettaw il-mandati demokratiċi, jeħilsu lil dawk detenuti u jiggarantixxu d-drittijiet tagħhom għal difiża xierqa fi proċedimenti ġudizzjarji imparzjali u indipendenti; jinnota li l-uffiċjali lokali jiffaċċjaw pressjoni simili;

8.  Jenfasizza li l-Gran Assemblea Nazzjonali Torka għandha tkun l-istituzzjoni ċentrali għad-demokrazija Torka u tirrappreżenta liċ-ċittadini kollha fuq termini ugwali; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-limitu elettorali minimu tal-Assemblea huwa għoli;

9.  Jesprimi tħassib serju dwar l-ispazju tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u l-midja fit-Turkija li qed jiddeterjora, minħabba l-fatt li diversi mezzi tal-midja, inklużi dawk onlajn, ingħalqu, ġew iċċensurati jew maħtufa mill-awtoritajiet, u l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja ġew arrestati, ġew detenuti jew tkeċċew mill-karigi tagħhom; ifakkar fl-importanza kbira ta' stampa ħielsa u indipendenti għal soċjetà demokratika; jistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu lill-ġurnalisti detenuti u jieħdu miżuri urġenti u fundamentali biex isaħħu u jerġgħu jistabbilixxu l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż; jinnota li l-Gvern Tork, f'ħafna każijiet, għadu qed jonqos milli jiċċara fuq liema bażi legali ġew arrestati ġurnalisti għal sedizzjoni u tixrid ta' propaganda relatata gruppi terroristiċi;

10.  Jesprimi tħassib serju dwar il-monitoraġġ tal-pjattaformi tal-midja soċjali u l-għeluq ta' kontijiet tal-midja soċjali mill-awtoritajiet tat-Turkija; iqis dan bħala restrizzjoni ulterjuri għal-libertà tal-espressjoni u għodda għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili;

11.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-moviment tad-drittijiet LGBTQI tat-Turkija; itenni li tali żviluppi jikkostitwixxu ksur ċar tal-libertajiet personali; jesprimi tħassib kbir fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra individwi LGBTQI; jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jinvestigaw bir-reqqa, f'konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, rapporti ta' trattament ħażin ta' ħabsin LGBTQI;

12.  Jesprimi ugwalment tħassib serju dwar għadd kbir ta' mħallfin, avukati u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili li ġew arrestati jew detenuti, li tilfu xogħolhom, jew qed jiffaċċjaw pressjoni mill-awtoritajiet, u jirrimarka li huwa l-obbligu tal-awtoritajiet Torok li jirrispettaw l-ordni ġuridiku kostituzzjonali fit-Turkija u jonoraw l-obbligi tat-Turkija bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

13.  Huwa tal-fehma li l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u r-riforma kostituzzjonali ppjanata tat-Turkija, jekk tiġi implimentata, mhumiex konformi mal-kriterji politiċi ta' Copenhagen; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni, abbażi tal-paragrafi 4 u 5 tal-Qafas ta' Negozjar tal-UE, dwar il-konformità tal-pajjiż ma' dawn il-kriterji politiċi u biex tippreżenta l-opinjoni formali tagħha dwar l-istatus tan-negozjati ta' adeżjoni, flimkien ma' riflessjoni komprensiva dwar il-futur tar-relazzjoni UE-Turkija; jinsisti li din għandha tifforma parti ċentrali mir-rapport ta' progress annwali li jmiss dwar it-Turkija, li l-Kummissjoni se tippubblika f'April 2018;

14.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu ta' Novembru 2017 li fiha talab li l-finanzjamenti mmirati lejn l-awtoritajiet Torok taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPAII) jkunu kondizzjonali għal titjib fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u, fejn possibbli, jingħataw minflok lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis l-iżviluppi fit-Turkija matul ir-rieżami tal-fondi tal-IPA, u wkoll biex tippreżenta proposti konkreti dwar kif l-appoġġ għas-soċjetà ċivili Torka jista' jiżdied;

15.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Ankara biex tipprovdi aktar appoġġ u, fejn meħtieġ u possibbli, sostenn pubbliku għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-monitoraġġ u l-osservazzjoni ta' proċessi, billi titlob permess għal żjarat fil-ħabs u toħroġ dikjarazzjonijiet li jindirizzaw lill-awtoritajiet Torok fil-livelli kollha;

16.  Jinnota li l-kuntatti stabbiliti bejn il-Parlament Ewropew u l-Gran Assemblea Nazzjonali Torka ġew sospiżi; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija jista' jkompli bil-ħidma tiegħu b'mod kostruttiv, miftuħ u affidabbli; ifakkar li, fin-nuqqas ta' dawn il-laqgħat regolari, il-Parlament Ewropew jista' jikkunsidra jibgħat delegazzjonijiet ad hoc lejn it-Turkija, b'mod partikolari biex josservaw u jimmonitorjaw proċessi u proċedimenti tal-qorti, jew avvenimenti relatati, kif kien sar qabel fl-2011-2013;

17.  Jinnota li aktar minn tliet miljun rifuġjat Sirjan fit-Turkija ġeneralment intlaqgħu tajjeb, iżda li hemm sinjali ta' żieda fir-riżentiment lejn ir-rifuġjati; jistieden lit-Turkija biex b'mod trasparenti timmonitorja l-kundizzjonijiet fil-kamp tar-rifuġjati f'konformità mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex jiggarantixxu d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari rigward l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni ta' Venezja joffru assistenza ġudizzjarja addizzjonali lill-awtoritajiet Torok, sabiex jissalvagwardjaw proċedimenti legali korretti u xierqa u kundizzjonijiet ta' detenzjoni sikuri għal dawk arrestati għal involviment fl-attentati ta' kolp ta' stat militari fil-15 ta' Lulju 2016; jistieden lill-awtoritajiet Torok jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja;

19.  Jitlob soluzzjoni sostenibbli għall-kwistjoni tal-Kurdi fit-Turkija abbażi ta' proċess paċifiku, inklużiv u demokratiku, u huwa konvint li soluzzjoni politika ġusta biss tista' ġġib stabbiltà u prosperità;

20.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar id-detenzjoni ta' għexieren ta' individwi li kkritikaw pubblikament l-intervent militari Tork fis-Sirja, u b'mod partikolari l-attakki riċenti kontra pożizzjonijiet Sirjani-Kurdi; jenfasizza l-importanza kruċjali ta' proċess ta' paċi inklużiv li jinkludi l-partijiet kollha rilevanti u l-involviment proattiv tal-UE;

21.  Jenfasizza li filwaqt li t-Turkija tibqa' sieħeb vitali u strateġiku, ir-relazzjonijiet UE-Turkija għandhom ikunu mibnija fuq dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità dwar ir-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari rigward l-aġġornament tal-Unjoni Doganali, iżda għandu jkollhom ukoll l-għan li jżidu l-kuntatti bejn il-persuni, bħall-iskambji tal-istudenti, u l-kooperazzjoni xjentifika u universitarja permezz tal-faċilitazzjoni gradwali tal-viżi; jinsisti li l-liberalizzazzjoni tal-viża hija bbażata fuq il-fatt li 72 punt ta' riferiment tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża jiġu soddisfati;

22.  Jenfasizza li t-Turkija għandha tirrispetta l-obbligi tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; jissottolinja li dan jinkludi rifjut ċar tal-piena kapitali; ifakkar li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt twassal għas-sospensjoni awtomatika tan-negozjati ta' adeżjoni; jenfasizza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija l-ankra tat-Turkija mal-Ewropa; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex b'hekk jirrispetta u jimplimenta s-sentenzi tagħha;

23.  Jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta għat-Tork;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0450.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0306.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza