MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
5.2.2018 - (2018/2559(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, João Ferreira, João Pimenta Lopes, Miguel Viegas, Marina Albiol Guzmán, Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Ángela Vallina, Nikolaos Chountis, Eleonora Forenza, Maria Lidia Senra Rodríguez f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kapitolu 1, l-Artikolu 1(2) tal-Karta tan-NU tal-1945, bil-għan iddikjarat tiegħu "li jiġu żviluppati relazzjonijiet ta' ħbiberija fost in-nazzjonijiet ibbażati fuq ir-rispett għall-prinċipju tad-drittijiet ugwali u l-awtodeterminazzjoni tal-popli, u li jittieħdu miżuri xierqa oħra biex tissaħħaħ il-paċi universali",
– wara li kkunsidra l-prinċipju ta' noninterferenza imniżżel fil-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li t-tnejn li huma jiddikkjaraw li "l-popli kollha għandhom id-dritt ta' awtodeterminazzjoni" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt, huma jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom u jsegwu liberament l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet bireġjonali kollha adottati fis-Summits mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern bejn l-UE u s-CELAC (Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew) wara Rio de Janeiro fl-1999, inkluża d-dikjarazzjoni tas-Summit tas-27 ta' Jannar 2013, li fiha l-firmatarji tennew l-impenn tagħhom lejn il-finijiet u l-prinċipji kollha mnaqqxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ tagħhom għall-isforzi kollha biex tinżamm ugwaljanza sovrana tal-istati kollha u biex jiġu rispettati l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u l-Karibew bħala Żona ta' Paċi, maqbula waqt is-Summits tas-CELAC li saru f'Havana fit-28 u d-29 ta' Jannar 2014, f'Belén, fil-Kosta Rika fl-2015 u fi Quito, fl-Ekwador fl-2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela tal-Mercosur, tal-UNASUR u tas-CELAC, partikolarment dawk id-dikjarazzjonijiet li rrifjutaw il-miżuri unilaterali koerċittivi tal-Istati Uniti kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-elezzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-konklużjonijiet tal-aktar Eżami Perjodiku Universali reċenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela diversi drabi kkundanna l-interferenza esterna, il-kampanji ta' destabbilizzazzjoni u diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika u l-vjolenza promossa minn ċerti setturi tal-oppożizzjoni kontra s-sovranità, l-indipendenza, il-paċi u l-istabbiltà demokratika tal-pajjiż kif ukoll kontra l-poplu Venezwelan;
B. billi l-UE għamlet diversi dikjarazzjonijiet bl-intenzjoni li tinterferixxi u tikkundizzjona s-sitwazzjoni interna fil-Venezwela;
C. billi f'Mejju 2016, fuq it-talba u l-inizjattiva tal-President Nicolás Maduro, ġie stabbilit kumitat tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) biex isir progress fl-isforzi maħsuba li jippromwovu djalogu bejn il-Gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' importanza fundamentali għan-nazzjon;
D. billi, minn Diċembru 2017, il-Gvern tal-Venezwela u partijiet tal-oppożizzjoni kienu qed isegwu djalogu fir-Repubblika Dominikana, fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali ta' livell għoli u l-President tar-Repubblika Dominikana, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika fil-Venezwela;
E. billi attwalment qed issir sessjoni ġdida ta' taħditiet fl-istess post;
F. billi kull att li jaffettwa l-isforzi diplomatiċi li qed isiru biex tinstab triq għal djalogu u għall-paċi fost il-Venezweljani għandu jiġi evitat;
G. billi miżuri unilaterali koerċittivi jmorru kontra d-dritt internazzjonali stabbilit u billi n-NU, u b'mod partikolari r-Rapporteur Speċjali repetutament saħqu dwar ir-riperkussjonijiet negattivi tal-miżuri koerċittivi unilaterali fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem; billi s-sanzjonijiet jikkawżaw tfixkil għal kull Stat u meta dawn jagħmlu ħsara lill-ekonomija jista' jkollhom impatt devastanti fuq iċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
H. billi d-djalogu huwa l-bażi għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u ta' sitwazzjonijiet interni fil-pajjiżi kollha; billi l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu djalogu kostruttiv mal-Gvern tal-Venezwela sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi konkreti li bħalissa jeżistu f'dak il-pajjiż.
I. billi d-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha, bħal pereżempju d-deċiżjoni li jsiru elezzjonijiet ta' malajr, għandhom jittieħdu fi ħdan qafas ta' djalogu nazzjonali, f'konformità mal-l-liġijiet u l-Kostituzzjoni tal-Venezuela;
J. billi l-parteċipazzjoni f'dawn l-elezzjonijiet għandha ssir taħt kundizzjonijiet ugwali, ġusti u trasparenti, taħt is-superviżjoni ta' Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) bilanċjat, b'garanziji suffiċjenti għall-parteċipanti kollha, inkluż il-preżenza ta' osservaturi internazzjonali indipendenti;
K. billi hemm biża' mifruxa li d-dinamika ta' konfrontazzjoni permanenti miż-żewġ naħat qegħda timpedixxi l-adozzjoni ta' soluzzjoni stabbilizzanti li tkun demokratikament leġitimizzata mill-pajjiż;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-indħil estern permanenti u d-destabbilizzazzjoni politika, ekonomika u soċjali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela;
2. Jinsisti li l-persistenza ta' strateġija ta' internvent kontra s-sovranità tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hija ferm 'il bogħod mill-ħolqien ta' spazju għad-djalogu u l-paċi;
3. Jafferma mill-ġdid id-dritt tal-poplu Venezwelan li jiddeċiedi b'mod sovran u paċifiku t-triq ta' żvilupp ħieles minn kwalunkwe interferenza jew pressjoni esterni, u li soluzzjoni għall-kriżi multipla attwali u l-kisba ta' stabbiltà politika jistgħu jinstabu biss permezz ta' negozjati paċifiċi;
4. Ifakkar fir-rapporti tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Amerika Latina u l-Karibew (CEPAL) u tal-esperti indipendenti tan-NU li l-hekk imsejħa kriżi umanitarja ma teżistix fil-Venezwela;
5. Jikkundanna l-pretensjonijiet tal-allegata "kriżi umanitarja" fil-Venezwela minn dawk li qed ifittxu li jżidu l-interferenza esterna u li qed jiddefendu kampanja għal intervent fil-pajjiż;
6. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Istati Uniti u tal-UE li qed ikomplu jimponu sanzjonijiet fuq il-Venezwela u l-poplu tagħha;
7. Jenfasizza li djalogu ma' pajjiżi terzi m'għandux taħt l-ebda ċirkostanza jirriżulta f'restrizzjonijiet li jiġu imposti fuq id-dritt tal-popli għal awtodeterminazzjoni;
8. Jaqbel mal-prinċipji fil-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u l-Karibew bħala Żona ta' Paċi, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali kollha biex tirrispetta bis-sħiħ din il-proklamazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi CELAC, inkluż permezz ta' impenn biex ma tintervjenix direttament jew indirettament fl-affarijiet interni ta' kwalunkwe stat ieħor u biex tosserva l-prinċipji ta' sovranità nazzjonali, ta' drittijiet ugwali u ta' awtodeterminazzjoni tal-popli;
9. Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Venezwela fil-ħolqien u t-tisħiħ ta' proċess ta' kooperazzjoni u ta' integrazzjoni għall-benefiċċju tal-popli tal-Amerika Latina; jissottolinja l-progress sinifikanti li sar fl-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni favur il-popli tal-Amerika Latina;
10. Huwa tal-fehma li l-istabbiltà politika u soċjali tal-Venezwela hija fattur deċiżiv għas-salvagwardja tal-paċi fir-reġjun kollu;
11. Jirrifjuta kwalunkwe sejħa internazzjonali li ma tkunx ibbażata fuq l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-NU, li tinkludi rispett bla restrizzjoni ta' nuqqas ta' ndħil fi kwistjonijiet li huma essenzjalment fi ħdan il-ġurisdizzjoni domestika tal-istati, f'kull pajjiż u f'kull kontinent jew reġjun tad-dinja, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li dawn il-prinċipji huma minquxa fit-trattati tal-UE;
12. Jappoġġja l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Venezwela, l-oppożizzjoni demokratika u l-poplu tal-Venezwela biex isibu għalihom infushom it-tweġibiet għall-isfidi politiċi u ekonomiċi tagħhom u li jippromwovu l-konsolidament tad-djalogu nazzjonali fil-Venezwela, bil-ħsieb li jitjiebu l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Venezwela;
13. Jilqa' d-djalogu li għaddej fir-Repubblika Dominikana, jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi ta' medjazzjoni magħmula mill-UE u politiċi oħra, inkluż l-eks Prim Ministru Spanjol, José Luis Rodríguez Zapatero, u jesprimi t-tama tiegħu li l-atturi nazzjonali u internazzjonali kollha jappoġġjaw dan il-proċess;
14. Jirrakkomanda bil-qawwa l-inklużjoni f'dan id-djalogu politiku ta' ftehim nazzjonali dwar politika ekonomika li tistabbilizza s-sitwazzjoni;
15. Jistieden lill-atturi kollha ġewwa u barra l-pajjiż, biex josservaw prudenza u paċenzja u joqogħdu lura minn kwalunkwe att jew sejħa ta' vjolenza, li tkompli tiddestabbilizza u finalment twaqqaf ħesrem il-pajjiż;
16. Jistieden lill-atturi politiċi barra l-Venezwela sabiex jevitaw li jużaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż għal skopijiet politiċi nazzjonali;
17. Jirrikonoxxi d-dritt tal-poplu tal-Venezwela li jipparteċipa fl-elezzjonijiet presidenzjali skont ir-regoli u l-proċeduri interni tiegħu u tal-Kostituzzjoni tiegħu;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-korpi reġjonali Latin-Amerikani, inkluż lill-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR), l-Alleanza Bolivarjana għall-Popli tal-Amerka Tagħna (ALBA); u l-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC).