Proċedura : 2018/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0095/2018

Testi mressqa :

B8-0095/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.10
CRE 08/02/2018 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 433kWORD 56k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2018
5.2.2018
PE614.404v01-00
 
B8-0095/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qagħda attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))  
B8‑0095/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija(1) u dik tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(2),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li jgħid li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw u jimplimentaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti fih,

–  wara li kkunsidra l-importanza mogħtija fil-proċess tan-negozjati lir-rispett għall-istat tad-dritt, li jinkludi, b'mod partikolari, is-separazzjoni tal-poteri, id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u tal-midja, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà reliġjuża, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' protesta paċifika, f'konformità mal-kriterji ta' Copenhagen għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dritt għal-liberta tal-espressjoni minqux fil-KEDB u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li t-Turkija hija parti fihom,

–  wara li kkunsidra l-isqarrija maħruġa mill-kelliem tas-SEAE fis-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-każijiet li għaddejjin b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern tat-Turkija estenda l-istat ta' emerġenza għas-sitt darba minn Lulju 2016 'l hawn; billi, skont il-kostituzzjoni tat-Turkija, stat ta' emerġenza jista' jiġi ddikjarat għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur;

B.  billi l-istat ta' emerġenza kontinwu ħoloq sistema presidenzjali de facto u saħħaħ ukoll il-poter individwali tal-President Erdogan; billi, skont l-oppożizzjoni, il-Partit għall-Ġustizzja u l-Iżvilupp (AKP) – li qiegħed fil-gvern bħalissa – qed jippjana li jkompli l-istat ta' emerġenza sa Novembru 2019, meta għandhom isiru l-elezzjonijiet presidenzjali;

C.  billi, minn meta sar l-attentat ta' kolp ta' stat, il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem marret lura b'mod esponenzjali, hekk kif tliet gruppi ta' persuni tpoġġew taħt pressjoni u sfaw vittmi ta' intimidazzjoni ġudizzjarja, arresti u persekuzzjonijiet: kull min ikun suspettat li jappartjeni għall-moviment Gulenista, uffiċjali eletti u partitarji ta' movimenti Kurdi, u opinjonisti u attivisti ewlenin mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkritikaw lill-gvern attwali;

D.  billi ħadd ma ħelisha, hekk kif ir-repressjoni ordnata mill-President Erdogan – fl-għamla ta' intimidazzjoni ġudizzjarja u min-naħa tal-pulizija, arresti arbitrarji, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ħafna miżuri restrittivi oħra – qed tkompli tqiegħed fil-mira għadd kbir ta' nies, inklużi impjegati taċ-ċivil, akkademiċi, ċittadini ordinarji, ġurnalisti, avukati, kittieba, artisti, eċċ.; billi l-imħallfin u l-prosekuturi stess ġew akkużati u arrestati f'erożjoni kontinwa tal-istat tad-dritt;

E.  billi, wara aktar minn 16-il xahar ta' stat ta' emerġenza, iċ-ċifri tar-repressjoni huma ta' barra minn hawn; billi, skont l-oppożizzjoni, l-għadd ta' persuni mkeċċija mis-servizz pubbliku laħaq il-125 000, filwaqt li 50 500 persuna ġew arrestati u 169 000 infetħu proċedimenti legali kontrihom;

F.  billi skont rapport ippubblikat mill-QEDB għas-sena 2017, it-Turkija kisret id-drittijiet tal-bniedem f'2 988 każ, u hija fost l-aktar pajjiżi li wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;

G.  billi l-ispazju ta' libertà għall-midja ilu jonqos b'mod kostanti fit-Turkija, li saret wieħed mill-agħar pajjiżi għall-ġurnalisti biex jaħdmu fih; billi, mill-kolp ta' stat 'l hawn, sitt aġenziji tal-aħbarijiet, 50 gazzetta, 18-il stazzjon tat-televiżjoni, 29 pubblikatur, 20 rivista, 22 stazzjon tar-radju u 1 520 assoċjazzjoni ma tħallewx joperaw aktar; billi 145 ġurnalist ġew arrestati u 2 500 spiċċaw bla impjieg minħabba l-għeluq tal-mezzi tax-xandir;

H.  billi l-kummissjoni ad hoc maħluqa biex teżamina d-deċiżjonijiet meħuda waqt l-istat ta' emerġenza mhux biss mhix indipendenti – peress li l-membri jinħatru mill-istess awtoritajiet li approvaw is-sensji u l-għeluq – iżda s'issa naqset milli tipproduċi riżultati tanġibbli;

I.  billi, fil-pajjiż, l-istat tad-dritt qed ifalli; billi erba' qrati kriminali tal-ewwel istanza differenti, taħt pressjoni politika min-naħa tal-Gvern, irrifjutaw li jimplimentaw ordni tal-Qorti Kostituzzjonali Torka biex Mehmet Altan u Sahin Alpay jinħelsu wara d-deċiżjoni tagħha li d-drittijiet ta' dawn il-ġurnalisti kienu ġew miksura; billi l-annullament ta' sentenza tal-qorti kostituzzjonali min-naħa ta' qorti tal-ewwel istanza huwa legalment inkonsistenti, u billi l-esperti legali jaqblu li din il-mossa tqajjem dubji serji dwar is-sistema ġudizzjarja Torka kollha kemm hi;

J.  billi l-oppożizzjoni politika fit-Turkija qed tiffaċċja repressjoni ħarxa, u l-uffiċjali eletti qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet dejjem akbar; billi għadd ta' sindki eletti tneħħew mill-kariga u ġew sostitwiti minn persuni maħtura mill-Ministru tal-Intern, filwaqt li uffiċjali u membri parlamentari ġew soġġetti għal intimidazzjoni ġudizzjarja, arresti u sentenzi ta' ħabs twal; billi l-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP), li qiegħed fl-oppożizzjoni, ilu jsofri repressjoni kontinwa li wasslet biex il-kopresidenti tiegħu – Figen Yüksekdağ u Selahattin Demirtaş – kif ukoll disa' leġiżlaturi, 80 sindku, u eluf ta' membri, spiċċaw il-ħabs;

K.  billi, skont il-kelliem tal-HDP Osman Baydemir, madwar 10 000 partitarju tal-HDP – inklużi sindki u uffiċjali muniċipali assoċjati mal-partit – ġew arrestati wara t-tentattiv fallut ta' kolp ta' stat;

L.  billi Leyla Zana, rebbieħa tal-Premju Sakharov u l-ewwel mara Kurda li qatt kisbet siġġu fil-parlament Tork, itteħdilha l-istatus tagħha bħala membru parlamentari b'votazzjoni fil-parlament talli ma kinitx ħadet il-ġurament parlamentari skont l-Artikolu 81 tal-Kostituzzjoni u ma kinitx attendiet 212-il sessjoni minn meta ġiet eletta f'Novembru 2015; billi r-raġunijiet mogħtija għat-tkeċċija tagħha ma jidhrux ġenwini u l-votazzjoni jidher li kienet politiċizzata ferm;

M.  billi Taner Kılıç, avukat tad-drittijiet tal-bniedem u president ta' Amnesty Turkey, ilu taħt arrest preventiv minn Ġunju 2017, mixli bi "sħubija f'organizzazzjoni terroristika armata" u, jekk jinstab ħati, jista' jeħel sa 15-il sena ħabs; billi sigħat wara li l-qorti distrettwali ta' Istanbul ordnat il-ħelsien mill-arrest preventiv ta' Kılıç – bil-libertà kondizzjonali – il-prosekutur appella mid-deċiżjoni u t-tieni qorti laqgħet l-appell, u Kılıç reġa' ntbagħat il-ħabs minkejja n-nuqqas ta' provi kontrih;

N.  billi waqt is-seduta tal-25 ta' Diċembru 2017, imħallef Tork ordna erba' ġurnalisti u diriġenti tal-gazzetta Cumhuriyet, li wħud minnhom kienu diġà nżammu arrestati għal 14-il xahar, jibqgħu l-ħabs sas-seduta li jmiss tad-9 ta' Marzu 2018; billi l-proċess kien ikkaratterizzat minn ksur proċedurali ta' kull tip u minn nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tad-difiża;

O.  billi anke għadd ta' ċittadini tal-UE ġew akkużati jew arrestati, fosthom Deniz Yücel, li ilu kważi sena l-ħabs – s'issa mingħajr akkuża formali – u l-ġurnalista Ayla Albayrak, li nstabet ħatja li pproduċiet "propaganda terroristika" fit-Turkija u ġiet ikkundannata in absentia għal aktar minn sentejn ħabs;

P.  billi Nuriye Gülmen u Semih Özakça, żewġ membri tal-korp akkademiku, bdew strajk tal-ġuħ bi protesta kontra t-tkeċċija arbitrarja massiċċa ta' impjegati taċ-ċivil, iżda kellhom jieqfu wara 320 jum peress li saħħithom kienet sofriet ħsara irriversibbli; billi anke l-avukati tagħhom tressqu l-qorti u nżammu arrestati;

Q.  billi Osman Kavala, fundatur tal-International Peace and Reconciliation Initiative u wieħed mill-aktar personalitajiet prominenti u rispettati fix-xena artistika u kulturali Torka, f'Ottubru 2017 ġie arrestat u mixli li "pprova jimmina l-ordni kostituzzjonali", minkejja li ma tressqet l-ebda prova quddiem il-qorti;

R.  billi l-Gvern Tork qed irażżan lil kull min jopponi jew jikkritika l-kampanja militari Torka biex jinħataf ir-reġjun Kurd ta' Afrin fil-Majjistral tas-Sirja; billi, talli kkritikaw l-offensiva fuq Afrin, aktar minn 300 persuna mal-pajjiż kollu – fosthom kittieba, ġurnalisti, studenti, mexxejja lokali u membri parlamentari tal-HDP – ġew arrestati u mixlija bit-tixrid ta' "propaganda terrorista"; billi s-siti tal-internet li jippubblikaw aħbarijiet mir-reġjun ta' Afrin ġew imblukkati;

S.  billi, fit-30 ta' Jannar 2018, uffiċjali tal-pulizija Torka arrestaw ħdax-il membru tal-Kunsill Ċentrali tal-Assoċjazzjoni Medika Torka (TTB) u għamlu tfittxijiet fid-djar u l-postijiet tax-xogħol tagħhom b'rabta mal-allegazzjoni li kienu qed "jagħmlu propaganda għal organizzazzjoni terroristika" u "jistigaw mibegħda u ostilità fin-nies"; billi t-TTB kienet għamlet appell biex tintemm l-operazzjoni militari Torka fiż-żona ta' Afrin, l-hekk imsejħa "Operazzjoni Fergħa taż-Żebbuġ";

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt fit-Turkija; jikkritika d-deċiżjoni tal-Gvern li jtawwal l-istat ta' emerġenza – li ntuża bħala pretest għar-repressjoni tad-dissens u għat-trażżin tal-avversarji, inklużi esponenti politiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti – u li jevita, f'diversi okkażjonijiet, is-sorveljanza parlamentari u l-istħarriġ tal-qorti kostituzzjonali bl-impożizzjoni ta' deċiżjonijiet permezz ta' digrieti; jistieden lill-Gvern ma jerġax jestendi l-istat ta' emerġenza;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jiżguraw, fiċ-ċirkustanzi kollha, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bi qbil mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti internazzjonali ratifikati mit-Turkija;

3.  Jikkundanna l-użu tal-arrest arbitrarju u l-intimidazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva, li permezz tagħhom qed jiġu ppersegwitati eluf ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, akkademiċi, ġurnalisti u kull min jeħodha kontra l-gvern;

4.  Jistieden lill-Gvern Tork jirrispetta l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, u jenfasizza li l-użu tal-arrest preventiv irid isir f'konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob lill-awtoritajiet Torok iwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-allegazzjonijiet ta' maltrattament serju fil-konfront tal-priġunieri, irrappurtat minn diversi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jappella biex dawk ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom u jieħdu l-kastig li jixirqilhom; jesprimi tħassib profond dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet tal-pajjiż;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern Tork jeħles u jwaqqa' l-akkużi kollha miġjuba kontra l-persuni arrestati illegalment, flimkien ma' dawk kollha li ilhom miżmuma f'arrest preventiv lil hinn mil-limitu legali u fuq evidenza bla bażi;

6.  Jistieden lill-Gvern Tork joffri rimedji xierqa u effikaċi, kif ukoll stħarriġ ġudizzjarju skont l-istat tad-dritt, lil dawk kollha li huma soġġetti għal miżuri restrittivi; jinnota li, fl-istat ta' emerġenza attwali, iċ-ċittadini arrestati m'għandhomx dritt għal għajnuna legali matul l-ewwel ħamest ijiem tal-arrest tagħhom, u jiddeplora r-restrizzjonijiet severi fuq l-aċċess għal avukat min-naħa tal-persuni arrestati;

7.  Jistieden lill-Gvern Tork jirrevedi b'urġenza l-"Kummissjoni ta' Inkjesta għall-Prattiki tal-Istat ta' Emerġenza" b'tali mod li din issir kummissjoni soda, indipendenti u awtorizzata bis-sħiħ li tkun kapaċi tagħti attenzjoni individwali lil kull każ, tipproċessa b'mod effikaċi l-għadd enormi ta' applikazzjonijiet li se tirċievi u tiżgura li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jittardjax għalxejn;

8.  Jistieden lill-Gvern Tork ma jibqax jindaħal fis-sistema ġudizzjarja – billi jagħmel pressjoni fuq l-imħallfin u l-prosekuturi, jordna t-tkeċċija jew l-arrest tagħhom u l-konfiska tal-proprjetajiet tagħhom – u jreġġa' lura u jimplimenta l-garanziji legali kollha biex jiġi żgurat rispett sħiħ għall-indipendenza tal-ġudikatura;

9.  Jikkundanna d-deċiżjoni reċenti li Leyla Zana jitteħdilha l-istatus tagħha bħala membru parlamentari; jikkundanna wkoll id-deċiżjonijiet preċedenti biex tittieħed l-istess azzjoni fil-konfront ta' ħames membri parlamentari oħra tal-HDP; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-membri parlamentari Torok eletti leġittimament li ġew arrestati u intimidati; jistieden lill-Gvern Tork jirrispetta l-mandati ta' dawn il-membri parlamentari u d-dritt tagħhom li jiddefendu ruħhom adegwatament fil-qorti;

10.  Jikkundanna s-sostituzzjoni arbitrarja ta' rappreżentanti eletti fil-livell lokali, li timmina l-istruttura demokratika tat-Turkija u tmur kontra r-rieda tal-votanti; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura fil-kariga eletti fiha legalment lir-rappreżentanti lokali kollha li ġew imċaħħda minnha;

11.  Jikkundanna bil-qawwa r-rigressi serji fil-libertà tal-espressjoni u l-ksur serju tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, inklużi l-projbizzjoni sproporzjonata tas-siti tal-midja u l-midja soċjali, l-għeluq tal-mezzi tax-xandir u l-arrest tal-ġurnalisti; ifakkar li stampa ħielsa u pluralista, li tinkludi internet liberu u miftuħ, hija komponent essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, u jħeġġeġ lill-Gvern Tork jirrispettaha;

12.  Jikkundanna l-istqarrija tal-Uffiċċju tal-Gvernatur ta' Ankara tad-19 ta' Novembru 2017 dwar id-deċiżjoni li jiġi pprojbit b'mod indefinit kwalunkwe avveniment organizzat minn organizzazzjonijiet LGBTI; jesprimi tħassib għall-fatt li din id-deċiżjoni ssegwi tliet projbizzjonijiet konsekuttivi tal-Istanbul Pride u ta' sfilati oħrajn simili fil-pajjiż; jiddispjaċih li, wara din l-istqarrija, anke reġjuni oħra pprojbixxew avvenimenti LGBTI; jenfasizza li dan huwa bi ksur serju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda, kif minquxa fl-Artikoli 26, 33 u 34 tal-Kostituzzjoni Torka u l-Artikoli 19 u 21 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrevokaw il-projbizzjoni minnufih u jreġġgħu lura d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda;

13.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Ankara tieħu rwol ta' tmexxija, bi sħab mal-ambaxxati tal-Istat Membri, biex flimkien jipprovdu appoġġ ta' koordinazzjoni u, fejn hemm bżonn, sostenn pubbliku lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari bil-monitoraġġ u l-osservazzjoni tal-proċessi u billi jitolbu permess għal żjarat fil-ħabs u joħorġu stqarrijiet li jindirizzaw lill-awtoritajiet Torok fil-livelli kollha;

14.  Jemmen li l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Torok (ġurnalisti, akkademiċi, artisti, kittieba, eċċ.) huwa essenzjali għall-futur tal-pajjiż u l-kredibbiltà tal-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis l-iżviluppi fit-Turkija matul ir-rieżami tal-fondi tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u tivvaluta għażliet konkreti dwar kif jista' jiżdied l-appoġġ għas-soċjetà ċivili Torka; jissottolinja li l-ebda fondi m'għandhom imorru għal proġetti amministrati direttament mill-ministeri Torok involuti fid-degradazzjoni tal-istat tad-dritt, bħall-Ministeru tal-Ġustizzja;

15.  Itenni l-importanza li jerġa' jinbena djalogu politiku affidabbli, miftuħ u kostruttiv mat-Turkija, iżda jemmen li, biex dan id-djalogu jħalli l-frott, l-ewwel irid jitjieb ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; ifakkar li d-Delegazzjoni tal-Parlament għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija tibqa' l-pjattaforma prinċipali għal dan id-djalogu, anke dwar kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Ifakkar l-appell tiegħu għas-sospensjoni formali tan-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija jekk ir-riformi kostituzzjonali proposti mill-Gvern u approvati permezz ta' referendum jiġu implimentati kif inhuma, peress li l-Kostituzzjoni l-ġdida ma tirrispettax il-kriterji ta' Copenhagen u dan ikun ifisser li l-leġiżlaturi Torok m'għadhomx jaspiraw għall-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0450.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza