MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità
3.1.2018
Aldo Patriciello
B8‑0117/2018
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Internet issa sar parti integrali u indispensabbli mis-soċjetà tagħna;
B. billi 80 % taż-żgħażagħ Ewropej huma interkonnessi permezz tal-internet u kull sena jiżdiedu l-iskambji tal-kummerċ online, li l-valur tagħhom jammonta għal 8 biljun dollaru;
C. billi ż-żieda fl-għadd ta' tranżazzjonijiet permezz tal-internet ġabet magħha żieda tal-attivitajiet kriminali online u li sal-lum nistgħu ngħoddu iktar minn miljun vittma, li sofrew danni minn firxa varjata ta' reati, pereżempju l-bejgħ tal-kards tal-kreditu misruqa għal prezzijiet baxxi ħafna, is-serq tal-identità u l-attakki ċibernetiċi serji fuq istituzzjonijiet u infrastrutturi;
D. billi l-UE ħejjiet diversi testi li jiġġieldu kontra dawn it-tip ta' reati li jseħħu kuljum, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità;
1. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta ġdida għal regolament jew direttiva li tippermetti lill-Istati Membri jadottaw mezzi li jippermettu speċjalment liż-żgħażagħ li jinnavigaw fuq l-internet fis-sigurtà u fl-istess ħin jintlaħqu l-objettivi ta' tkabbir stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.