MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġlieda kontra "d-djamanti tad-demm"
6.2.2018
Sophie Montel, Florian Philippot
B8-0118/2018
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra "d-djamanti tad-demm"
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara t-twaqqif tal-Proċess ta' Kimberley, fl-2002, il-ġlieda kontra "d-djamanti tad-demm" staġnat u billi l-proċess ma rnexxilux iwassal għal traċċabbiltà aħjar tal-produzzjoni u l-kummerċ tad-djamanti;
B. billi d-definizzjoni ta' "djamanti tad-demm" hija restrittiva wisq u tillimita ruħha biss għall-kummerċ ta' ħaġar mhux raffinat li jiffinanzja direttament gruppi armati li jiġġieldu kontra l-gvernijiet leġittimi tal-pajjiżi kkonċernati, u dan jeskludi d-djamanti li jiġu estratti bl-isfruttament tat-tfal u l-ħaġar maqtugħ u llustrat;
C. billi l-Afrika hija responsabbli għal żewġ terzi tal-produzzjoni dinjija tad-djamanti u billi huwa importanti li jiġu żgurati l-paċi u l-iżvilupp madwar il-kontinent kollu, b'mod partikolari sabiex jitnaqqsu l-flussi migratorji;
D. billi, fl-aħħar nett, l-estrazzjoni tad-djamanti hija ta' ħsara kbira għall-ambjent;
1. Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Istati Membri kollha tal-UE fir-riforma tal-Proċess ta' Kimberly u fil-ħidma kontra l-kummerċ illegali tad-djamanti.