Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0120/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0120/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja

21.2.2018 - (2018/2541(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ryszard Antoni Legutko f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2018/2541(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0120/2018
Testi mressqa :
B8-0120/2018
Testi adottati :

B8‑0120/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja

(2018/2541(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern Pollakk attwali għandu mandat demokratiku qawwi biex iwettaq riforma ġudizzjarja;

B.  billi r-riformi reċenti fil-Polonja jirreaġixxu għad-domanda pubblika, b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' fiduċja fil-ġudikatura, it-tħassib dwar it-tul tal-proċedimenti, u l-ispejjeż eċċessivi tagħhom li xorta ma jirriżultawx f'eżiti effettivi;

C.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa l-prinċipju gwida ewlieni għall-Gvern Pollakk fl-implimentazzjoni tar-riformi mwiegħda;

D.  billi, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, u mhux il-Kummissjoni, huma l-korpi li għandhom is-setgħa li jivvalutaw ir-riskju ċar ta' ksur serju tal-istat tad-dritt;

1.   Jiddispjaċih dwar l-iskattar tal-Artikolu 7 min-naħa tal-Kummissjoni; itenni li skont l-Artikolu 5 tat-TUE, li jiddefinixxi l-prinċipju tas-sussidjarjetà, "fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri";

2.   Jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-fatt li l-Kummissjoni, fid-djalogu tagħha mal-Polonja, għamlet referenza għall-proċess leġiżlattiv li għaddej, biex b'hekk saret parteċipant fid-dibattitu politiku intern, u dan ma jiffaċilitax ir-riżoluzzjoni imparzjali tat-tilwim;

3.   Jesprimi d-dispjaċir tiegħu, għal darb' oħra, li meta tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni spiss tapplika standards doppji, u tikkundanna lill-Gvern Pollakk għall-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet li huma applikati wkoll fi Stati Membri oħra, bħal etajiet differenti ta' rtirar għall-irġiel u n-nisa;

4.  Jenfasizza li ma hemm l-ebda rwol għall-Parlament Ewropew f'dan l-istadju tal-proċess, peress li, skont l-Artikolu 7(1): "Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni [li hemm riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2], il-Kunsill għandu jisma' l-Istat Membru inkwistjoni u jista' jagħmillu rakkomandazzjonijiet"; jenfasizza li l-Parlament, qabel ma jieħu kwalunkwe pass ulterjuri, għandu jħalli dan il-proċess jieħu l-perkors tiegħu;

5.   Ifakkar li l-identifikazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-istat tad-dritt hija kompetenza tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew, u mhux mill-Kummissjoni;

6.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Frar 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza