Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0121/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0121/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja

21.2.2018 - (2018/2541(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Auke Zijlstra, Nicolas Bay, Janice Atkinson, Lorenzo Fontana, Gilles Lebreton, Harald Vilimsky f'isem il-Grupp ENF

Proċedura : 2018/2541(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0121/2018
Testi mressqa :
B8-0121/2018
Testi adottati :

B8-0121/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja

(2018/2541(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Proposta Motivata skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja tal-20 ta' Diċembru 2017: Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 2018 dwar id-deċiżjoni tagħha li tattiva l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja[1] tiddikjara li s-sitwazzjoni attwali fil-Polonja tirrappreżenta riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE;

1.  Jinnota li ma kien hemm l-ebda ksur tal-istat ta' dritt min-naħa tar-Repubblika tal-Polonja;

2.  Ifakkar li l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja ġie elett b'maġġoranza kbira u li qed ikompli jgawdi minn appoġġ dejjem akbar mill-poplu tiegħu;

3.  Iqis li kull tentattiv ta' ndħil fl-affarijiet interni tal-Istati Membri huwa bla bażi;

4.  Itenni solennement l-impenn tiegħu favur il-prinċipji prijoritarji tal-identità u tas-sovranità nazzjonali, prinċipji li jmorru id f'id mal-prinċipju tal-libertà u huma inseparabbli minnu;

5.  Itenni bil-qawwa l-impenn tiegħu favur il-prinċipju tas-sussidjarjetà, stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE;

6.  Iqis li huwa inġustifikabbli li l-Kummissjoni għandha fil-mira l-partit fit-tmexxija tar-Repubblika tal-Polonja, u qed tagħmel dan għal raġunijiet politiċi;

7.  Ifakkar li l-Kummissjoni mhijiex korp politiku iżda l-organu eżekuttiv tal-Unjoni u trid tirrispetta b'mod rigoruż it-Trattati, b'mod partikolari l-Artikolu 5 tat-TUE u l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

8.  Jiċħad id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 li tattiva l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Polonja

9.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwaqqfu l-proċess ta' attivazzjoni tal-Artikolu 7;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Polonja, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Frar 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza