Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0135/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0135/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit

7.3.2018 - (2018/2573(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Guy Verhofstadt Koordinatur u President tal-Grupp ALDE
Manfred Weber President tal-Grupp PPE
Roberto Gualtieri f'isem il-Grupp S&D
Gabriele Zimmer President tal-Grupp GUE/NGL
Philippe Lamberts, Ska Keller Kopresidenti tal-Grupp Verts/ALE
Danuta Maria Hübner President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali


Proċedura : 2018/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0135/2018

B8-0135/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit

(2018/2573(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"), li ġiet ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017[1] dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017[2] u tat-13 ta' Diċembru 2017[3] dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 maħruġa wara n-notifika mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tistabbilixxi direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt min-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress fl-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, u l-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tal-15 ta' Diċembru 2017 u l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Jannar 2018 li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għan tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u r-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa li jagħmlu provvediment għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE;

B.  billi l-Artikolu 50 tat-TUE jiddikjara li l-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit għandhom iqisu l-qafas għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni;

C.  billi, minħabba l-fatt li f'Diċembru 2017 inkiseb biżżejjed progress fin-negozjati dwar kwistjonijiet ta' separazzjoni, huwa xieraq li n-negozjati jkunu jistgħu issa jittrattaw il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, dejjem jekk isir progress korrispondenti fin-negozjati dwar l-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ imfassal mill-Kummissjoni;

D.  billi dawn in-negozjati jistgħu jibdew biss ladarba l-Kap Negozjatur tal-UE jkun ingħata mandat mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jibdiehom;

E.  billi kwalunkwe ftehim dwar qafas għal relazzjonijiet futuri se jiġi ttrattat bħala parti integrali mill-ftehim globali dwar il-ħruġ u se jinforma d-deliberazzjonijiet tal-Parlament Ewropew matul il-proċedura ta' approvazzjoni tiegħu;

F.  billi huwa fl-interessi tal-partijiet kollha li l-qafas għar-relazzjonijiet futuri jkun iddettaljat kemm jista' jkun;

G.  billi r-Renju Unit se jsir pajjiż terz wara l-ħruġ, ikun xi jkun il-qafas li jsir qbil dwaru għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-UE;

H.  billi, minbarra l-elementi inklużi fin-notifika tar-Renju Unit tad-29 ta' Marzu 2017 li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru tar-Renju Unit tat numru ta' diskorsi – f'Lancaster House fis-17 ta' Jannar 2017, f'Firenze fit-22 ta' Settembru 2017, fi Munich fis-17 ta' Frar 2018 u, l-aktar reċenti, f'Mansion House fit-2 ta' Marzu 2018; billi għadha ma ddeskrivitx viżjoni konsistenti tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;

I.  billi r-Renju Unit u l-UE se jibqgħu ġirien imqarrba u se jibqa' jkollhom ħafna interessi komuni; billi relazzjoni mqarrba ta' dan it-tip fil-forma ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit tista' titqies bħala qafas xieraq għar-relazzjonijiet futuri, li permezz tiegħu dawn l-interessi komuni jistgħu jkunu protetti u promossi, inkluża relazzjoni kummerċjali ġdida;

J.  billi l-vantaġġ ta' ftehim ta' assoċjazzjoni għar-relazzjonijiet futuri huwa li dan jipprovdi qafas flessibbli li jippermetti livelli differenti ta' kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika; billi dik il-kooperazzjoni se tirrikjedi li ż-żewġ partijiet iżommu standards għoljin u l-impenji internazzjonali tagħhom f'għadd ta' oqsma ta' politika;

K.  billi huwa kruċjali li l-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE), ikunu salvagwardjati;

L.  billi l-UE u r-Renju Unit, bħala Stat Membru li se joħroġ mill-UE, għandhom obbligu sovrastanti li jiżguraw approċċ komprensiv u reċiproku biex iħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u dawk taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE-27;

M.  billi, bil-għan li jippreserva l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-1998 fil-partijiet kollha tiegħu u d-drittijiet tal-poplu tal-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit jeħtieġlu jirrispetta l-impenji tiegħu biex jiżgura li l-fruntiera fil-gżira tal-Irlanda ma titwebbisx, u dan jista' jsir jew permezz ta' proposti dettaljati li jitressqu fin-negozjati dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, fil-forma ta' soluzzjonijiet speċifiċi għall-Irlanda ta' Fuq, jew inkella permezz ta' allinjament regolatorju kontinwu mal-acquis tal-UE;

N.  billi se jkunu meħtieġa arranġamenti tranżizzjonali li jinvolvu l-estensjoni fiż-żmien tal-acquis sħiħ tal-UE biex jevitaw xenarju ta' xifer l-irdum meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE, u biex jagħtu lin-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit il-possibbiltà li jinnegozjaw ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri;

O.  billi huwa xieraq li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, flimkien ma' istituzzjonijiet pubbliċi u privati, iwettqu ħidma biex jippreparaw ruħhom għal kull eventwalità li tista' tinqala' bħala riżultat tan-negozjati;

P.  billi l-għaqda tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri hija kruċjali sabiex jiddefendu l-interessi tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha matul il-fażijiet sussegwenti tan-negozjati, b'mod partikolari rigward il-qafas għar-relazzjonijiet futuri, iżda wkoll biex jiżguraw li dawk in-negozjati jiġu konklużi b'suċċess u f'waqthom;

1.  billi l-Artikolu 50(2) tat-TUE jiddikjara li l-ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ ta' Stat Membru għandu jqis il-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-UE;

2.  Jinnota li tali qafas għar-relazzjonijiet futuri għandu jieħu l-forma ta' dikjarazzjoni politika assoċjata mal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jenfasizza li, meta jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Parlament Ewropew se jivvaluta l-kontenut tad-dikjarazzjoni;

3.  Itenni li ftehim internazzjonali dwar ir-relazzjoni l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit jista' jiġi nnegozjat formalment biss ladarba r-Renju Unit ikun ħareġ mill-UE u jkun sar pajjiż terz; ifakkar li dan il-ftehim jista' jiġi konkluż biss bl-involviment sħiħ u bl-approvazzjoni finali tal-Parlament Ewropew;

4.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew mhux se jaċċetta qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit sakemm dan il-qafas ma jkunx bi qbil strett mal-prinċipji li ġejjin:

–  li pajjiż terz ma jridx ikollu l-istess drittijiet u benefiċċji ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew ta' membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew taż-ŻEE,

–  li l-integrità u l-funzjonament korrett tas-suq intern, tal-unjoni doganali u tal-erba' libertajiet ikunu protetti, bla ma jkun permess approċċ li jittratta s-setturi wieħed wieħed,

–  li l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE tkun ippreservata,

–  li l-ordinament ġuridiku tal-UE u r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) ikunu salvagwardjati,

–  li tkompli l-aderenza mal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif definiti b'mod partikolari fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha, fil-Karta Soċjali Ewropea, fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u fi trattati internazzjonali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ir-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt,

–  li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi, b'mod partikolari fir-rigward tal-aderenza kontinwa tar-Renju Unit mal-istandards stipulati minn obbligi internazzjonali u mil-leġiżlazzjoni u mill-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-kompetizzjoni ġusta u bbażata fuq ir-regoli, inklużi l-għajnuna mill-Istat, id-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, u speċjalment livelli ekwivalenti ta' protezzjoni soċjali u salvagwardji kontra d-dumping soċjali, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-konsumaturi, is-saħħa pubblika, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, it-taxxa, inkluża l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, u l-protezzjoni tad-data u l-privatezza, flimkien ma' mekkaniżmu ta' infurzar ċar li jiżgura l-konformità,

–  li l-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu salvagwardjati, inkluż il-Ftehim taż-ŻEE, u jinżamm il-bilanċ globali ta' dawn ir-relazzjonijiet,

–  li l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u l-konformità mas-sistema u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, ikunu salvagwardjati,

–  li jkun hemm bilanċ korrett bejn drittijiet u obbligi, inklużi, fejn ikunu xierqa, kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti;

5.  Itenni li ftehim ta' assoċjazzjoni nnegozjat u maqbul bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-ħruġ ta' dan tal-aħħar skont l-Artikolu 8 tat-TUE u l-Artikolu 217 tat-TFUE jista' jipprovdi qafas xieraq għar-relazzjonijiet futuri, u jista' jiżgura qafas ta' governanza konsistenti, li għandu jinkludi mekkaniżmu b'saħħtu għas-soluzzjoni tat-tilwim, u b'hekk jevita l-proliferazzjoni ta' ftehimiet bilaterali u n-nuqqasijiet li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tal-UE mal-Iżvizzera;

6.  Jipproponi li din ir-relazzjoni futura tkun ibbażata fuq l-erba' pilastri li ġejjin:

–  ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi,

–  il-politika barranija, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

–  is-sigurtà interna,

–  il-kooperazzjoni tematika;

Qafas għar-relazzjoni futura

7.  Jinnota li, fid-dawl tal-bażi kondiviża ta' valuri komuni tal-UE u tar-Renju Unit, tar-rabtiet mill-qrib tagħhom u tal-allinjament regolatorju kurrenti fi kważi l-oqsma kollha, tal-qrubija ġeografika u tal-istorja komuni tagħhom, inkluż il-fatt li r-Renju Unit kien Stat Membru tal-UE għal aktar minn 40 sena, u wkoll tar-rwol tar-Renju Unit bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u membru tan-NATO, ir-Renju Unit ser jibqa' sieħeb importanti għall-UE fl-erba' pilastri msemmija hawn fuq, u li huwa fl-interess reċiproku taż-żewġ partijiet li jistabbilixxu sħubija li tiżgura l-kooperazzjoni kontinwa;

8.  Jinnota, madankollu, li tali kooperazzjoni mir-Renju Unit bħala pajjiż terz tista' ssir biss f'konformità mal-prinċipji msemmija fil-paragrafu 4 ta' din ir-riżoluzzjoni; ifakkar li l-UE għandha regoli komuni vinkolanti, istituzzjonijiet komuni u mekkaniżmi komuni ta' sorveljanza, infurzar u aġġudikazzjoni, u li pajjiżi terzi, anke dawk b'leġiżlazzjoni identika jew b'allinjament regolatorju sħiħ, ma jistgħux igawdu l-istess benefiċċji jew aċċess għas-suq bħall-Istati Membri tal-UE, pereżempju rigward l-erba' libertajiet u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit tal-UE;

9.  Iqis li l-ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-moviment ta' ċittadini mill-UE għar-Renju Unit u mir-Renju Unit għall-UE wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, li għandu jkun mill-inqas korrispondenti għal-livell ta' kooperazzjoni fl-erba' pilastri t'hawn taħt;

10.  Ifakkar li kwalunkwe ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit se jkun jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew jenfasizza li huwa għandu jinżamm informat b'mod immedjat u sħiħ waqt l-istadji kollha tal-proċedura f'konformità mal-Artikoli 207, 217 u 218 tat-TFUE u mal-ġurisprudenza relevanti;

(i)  Relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi

11.  Itenni li s-sħubija tar-Renju Unit fis-suq intern u fl-unjoni doganali tkun l-aħjar soluzzjoni kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE-27, u li hija l-unika waħda li tista' tiggarantixxi t-tkomplija ta' kummerċ bla frizzjoni u tippreserva bis-sħiħ il-benefiċċji tar-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna; ifakkar li l-parteċipazzjoni fis-suq intern tirrikjedi aderenza sħiħa mal-erba' libertajiet u inkorporazzjoni tar-regoli korrispondenti tal-UE, kundizzjonijiet ekwi, inkluż permezz ta' kompetizzjoni u sistema tal-għajnuna mill-Istat, ġurisprudenza vinkolanti tal-QtĠ-UE u kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-UE; jinnota li l-unjoni doganali tneħħi l-ostakli tariffarji u xi kontrolli doganali, iżda tirrikjedi konformità mal-politika kummerċjali tal-UE u fruntiera esterna komuni; jieħu nota li l-Gvern tar-Renju Unit qed ikompli jeskludi kemm is-suq intern kif ukoll l-unjoni doganali;

12.  Jinnota li ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva teħtieġ mekkaniżmu vinkolanti għal konverġenza mal-acquis tal-UE u rwol vinkolanti għall-QtĠ-UE fl-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u ma tippermettix l-għażla selettiva ta' setturi tas-suq intern;

13.  Jikkunsidra li l-pożizzjoni kurrenti tar-Renju Unit hija kompatibbli biss ma' ftehim kummerċjali skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, li jista' jifforma l-pilastru kummerċjali u ekonomiku ta' ftehim ta' assoċjazzjoni; jinsab lest li jaħdem mar-Renju Unit abbażi tal-mudelli l-oħrajn imsemmija hawn fuq, dment li r-Renju Unit jerġa' jikkunsidra l-linji ħomor kurrenti tiegħu;

14.  Ifakkar li l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles reċenti kollha huma bbażati fuq tliet partijiet ewlenin: l-aċċess għas-suq, il-kooperazzjoni regolatorja, u r-regoli; jissottolinja li, b'żieda mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 4 hawn fuq:

–  il-livell ta' aċċess għas-suq tal-UE jrid jikkorrispondi għall-grad ta' konverġenza kontinwa mar-regoli u mall-istandards tekniċi tal-UE u ta' allinjament magħhom, bl-ebda provvediment għal kwalunkwe approċċ settur b'settur, u jrid jippreserva l-integrità tas-suq intern,

–  l-awtonomija tal-UE ft-tfassil tad-dritt u tal-istandards tal-UE, flimkien mar-rwol tal-QtĠ-UE bħala l-uniku interpretu tad-dritt tal-UE, iridu jiġu ggarantiti,

–  jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-istandards tal-UE jiġu salvagwardjati sabiex tiġi evitata ġirja lejn il-qiegħ u ma jitħalliex isir arbitraġġ regolatorju mill-operaturi tas-suq,

–  ir-regoli tal-oriġini għandhom jiġu bbażati fuq ir-regoli preferenzjali standard tal-UE u l-interessi tal-produtturi tal-UE,

–  l-aċċess reċiproku għas-suq irid jiġi nnegozjat f'konformità sħiħa mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), inkluż għall-prodotti, is-servizzi, l-akkwist pubbliku u – fejn ikun rilevanti – l-investiment dirett barrani, u l-mezzi kollha ta' forniment ta' servizzi, inklużi impenji dwar il-moviment ta' persuni fiżiċi li jaqsmu l-fruntieri (mod 4), u dan l-aċċess irid ikun irregolat f'konformità sħiħa mar-regoli tal-UE f'dak li jirrigwarda l-prinċipji ta' trattament ugwali, speċjalment għall-ħaddiema,

–  peress li d-diverġenza regolatorja tista' ssir ostaklu għar-relazzjonijiet kummerċjali bla xkiel u se timponi piż sinifikanti fuq l-importaturi kif ukoll fuq l-esportaturi, għandhom jiġu nnegozjati regoli dwar il-kooperazzjoni u l-koerenza fl-ambitu tar-regolamentazzjoni, b'enfasi speċifika fuq l-SMEs, fil-qies tan-natura volontarja tal-kooperazzjoni regolatorja u d-dritt ta' regolamentazzjoni fl-interess pubbliku, filwaqt li jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni regolatorja fi ftehim kummerċjali ma jistgħux jirreplikaw b'mod sħiħ l-istess kummerċ bla frizzjoni bħal dak li tipprovdi s-sħubija fis-suq intern;

15.  Jenfasizza li dan il-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit għandu jissalvagwardja l-qafas tar-relazzjonijiet kummerċjali li jeżistu bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u jevita kull parassitiżmu billi jiżgura l-konsistenza fiż-żamma ta' sistema adatta ta' tariffi u kwoti u regoli ta' oriġini għall-prodotti fil-konfront ta' pajjiżi terzi;

16.  Jissottolinja li, fl-ambitu ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, l-aċċess tas-servizzi għas-suq huwa limitat u dejjem soġġett għal esklużjonijiet, riżervi u eċċezzjonijiet;

17.  Jissottolinja li l-ħruġ mis-suq intern iwassal biex ir-Renju Unit jitlef kemm id-drittijiet ta' passaport għas-servizzi finanzjarji kif ukoll il-possibbiltà li jiftaħ fergħat fl-UE li jkunu soġġetti għas-superviżjoni tar-Renju Unit; ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-UE tipprevedi, f'ċerti oqsma, il-possibbiltà li r-regoli ta' pajjiżi terz jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti abbażi ta' approċċ proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju, u jinnota l-ħidma leġiżlattiva li għaddejja u l-proposti ġejjiena tal-Kummissjoni f'dan il-qasam; jenfasizza li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza huma dejjem ta' natura unilaterali; jenfasizza wkoll li, sabiex titħares l-istabbiltà finanzjarja u tiġi żgurata konformità sħiħa mar-reġim regolatorju u mal-istandards tal-UE u l-applikazzjoni tagħhom, esklużjonijiet prudenzjali u limitazzjonijiet dwar il-forniment transfruntiera ta' servizzi finanzjarji jokkorru spiss fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles;

18.  Jissottolinja li ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit għandu jinkludi mekkaniżmu b'saħħtu għas-soluzzjoni tat-tilwim kif ukoll strutturi ta' governanza; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kompetenza tal-QtĠ-UE fl-interpretazzjoni ta' kwistjonijiet marbuta mad-dritt tal-UE;

19.  Ifakkar li l-pożizzjoni kurrenti u l-linji ħomor tar-Renju Unit iwasslu għal kontrolli u verifiki doganali li jaffettwaw il-katini ta' provvista globali u l-proċessi ta' manifattura, anke jekk l-ostakli tariffarji jistgħu jiġu evitati; jissottolinja l-importanza ta' livell għoli ta' allinjament bejn iż-Żona Unika tal-VAT fl-UE u fir-Renju Unit; jemmen li kwistjonijiet ta' tassazzjoni għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe ftehim ieħor bejn ir-Renju Unit u l-UE biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u t-territorji dipendenti tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva;

20.  Itenni li, fir-rigward ta' prodotti alimentari u agrikoli, l-aċċess għas-suq tal-UE huwa marbut ma' konformità stretta mad-dritt u mal-istandards kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, l-OĠM, il-pestiċidi, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-benessri tal-annimali, it-tikkettar u t-traċċabbiltà, l-istandards sanitarji u fitosanitarji, u s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti;

(ii)  Il-politika barranija, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp

21.  Jinnota li, fir-rigward tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, ir-Renju Unit bħala pajjiż terz mhux se jkun jista' jieħu sehem fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u li l-pożizzjonijiet u l-azzjonijiet komuni tal-UE jistgħu jiġu adottati biss mill-Istati Membri tal-UE; jirrimarka, madankollu, li dan ma jeskludix mekkaniżmi ta' konsultazzjoni li jippermettu li r-Renju Unit jallinja ruħu mal-pożizzjonijiet ta' politika barranija tal-UE, mal-azzjonijiet konġunti, b'mod partikolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, jew mal-kooperazzjoni multilaterali, speċjalment fl-oqfsa tan-NU, tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa; jappoġġja l-koordinazzjoni dwar il-politika ta' sanzjonijiet u l-implimentazzjoni tagħha, inklużi embargos fuq l-armi u pożizzjonijiet komuni dwar l-esportazzjoni tal-armi;

22.  Jenfasizza li sħubija bħal din tista' tiġi stabbilita fl-ambitu tal-Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni li jamministra r-rwol ta' pajjiżi terzi, biex b'hekk ikun possibbli li r-Renju Unit jieħu sehem f'missjonijiet ċivili u militari tal-UE (bl-ebda rwol ta' tmexxija għar-Renju Unit) u f'operazzjonijiet, programmi u proġetti, fl-iskambju ta' informazzjoni, fit-taħriġ u fl-iskambju ta' persunal militari, u fil-kollaborazzjoni dwar il-politika dwar l-armamenti, inklużi proġetti żviluppati fil-kuntest tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO); jissottolinja li tali parteċipazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet, id-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inkluż dwar l-akkwist pubbliku u t-trasferimenti fil-qasam tad-difiża, u għandha tkun konsistenti magħhom; jafferma li din il-kooperazzjoni tiddependi minn konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet fundamentali tal-UE;

23.  Jinnota li kwalunkwe kooperazzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq li tinvolvi l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, inkluż dwar l-intelligence, tiddependi minn ftehim dwar informazzjoni tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE;

24.  Jinnota li, abbażi ta' arranġamenti oħra simili ma' pajjiżi terzi, ir-Renju Unit jista' jieħu sehem fil-programmi tal-Unjoni b'appoġġ għad-difiża u s-sigurtà esterna (bħalma huma l-Fond Ewropew għad-Difiża, Galileo u l-programmi taċ-ċibersigurtà); huwa miftuħ għall-possibbiltà li r-Renju Unit jibqa' jikkontribwixxi għall-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet komuni, speċjalment fil-viċinat komuni;

25.  Jinnota li r-Renju Unit huwa attur ewlieni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja u li l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit f'dawn l-oqsma wara l-Brexit tkun ta' benefiċċju għat-tnejn;

(iii)  Is-sigurtà interna

26.  Jenfasizza li huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit li jistabbilixxu sħubija li tiżgura l-kooperazzjoni kontinwa fil-qasam tas-sigurtà sabiex jiffaċċjaw theddidiet komuni, speċjalment it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u li tevita t-tfixkil ta' flussi ta' informazzjoni f'dan il-qasam; jinnota li pajjiżi terzi (barra ż-żona ta' Schengen) ma jibbenefikaw mill-ebda aċċess privileġġjat għall-istrumenti tal-UE, inklużi bażijiet ta' data, f'dan il-qasam, u lanqas ma jistgħu jieħdu sehem fl-istabbiliment ta' prijoritajiet u fl-iżvilupp tal-għanijiet strateġiċi pluriennali jew imexxu pjanijiet ta' azzjoni operazzjonali fil-kuntest taċ-ċiklu tal-politika tal-UE;

27.  Jinnota wkoll li, minbarra l-ħtieġa li jitħarsu l-proċeduri u l-investigazzjonijiet li jkunu għadhom għaddejjin li jinvolvu lir-Renju Unit, permezz ta' arranġamenti tranżitorji, iridu jinstabu arranġamenti separati mar-Renju Unit bħala pajjiż terz rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, inkluż dwar l-estradizzjoni u l-assistenza ġuridika reċiproka, minflok arranġamenti tal-lum bħall-Mandat ta' Arrest Ewropew;

28.  Huwa tal-fehma li kooperazzjoni futura tista' tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' -arranġamenti ta' pajjiż terz li mhux parti minn Schengen li jippermettu l-iskambju ta' data rilevanti għas-sigurtà u l-kooperazzjoni operazzjonali mal-korpi u l-mekkaniżmi tal-UE (bħall-Europol u l-Eurojust);

29.  Jenfasizza li din il-kooperazzjoni għandha tipprovdi ċertezza ġuridika, trid tkun ibbażata fuq salvagwardji fir-rigward tad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u trid tipprovdi livell ta' protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak tal-Karta; jenfasizza, barra minn hekk, li l-kooperazzjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ l-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE u sserraħ fuq infurzar u soluzzjoni tat-tilwim effikaċi; iqis li huwa neċessarju li tinstab soluzzjoni li tirregola l-iskambju ta' data fil-ġejjieni bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, l-intelligence u l-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu; jissottolinja li deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni tkun l-għażla preferuta u l-aktar sigura; ifakkar fil-fatt li, fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit irid jipprovdi livell ta' protezzjoni tad-data li jkun sod daqs ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

(iv)  Kooperazzjoni tematika

30.  Jissottolinja li l-prinċipji mfissra fil-paragrafu 4 hawn fuq għandhom ukoll japplikaw b'mod sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni futura mar-Renju Unit f'għadd ta' oqsma ta' interess komuni; jenfasizza li tali ftehimiet ikunu jeħtieġu li jilħqu bilanċ bejn drittijiet u obbligi proporzjonati ma' dawk ta' ftehimiet simili ma' pajjiżi terzi oħra, iżda li jqisu l-qrubija ġeografika u r-rabtiet mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit;

31.  Jemmen li, fid-dawl tal-prinċipji u l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u fl-interess tal-passiġġieri, it-trasportaturi tal-ajru, il-manifatturi u l-unions tal-ħaddiema, il-konnettività trid tiġi żgurata permezz ta' ftehim dwar it-trasport bl-ajru u ftehim dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-livell ta' aċċess għas-suq jiddependi mil-livell ta' konverġenza regolatorja u ta' allinjament mal-acquis tal-UE, u mill-istabbiliment ta' mekkaniżmu solidu għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-arbitraġġ; ma jeskludix, barra minn hekk, kooperazzjoni futura mar-Renju Unit biex jiġu appoġġjati proġetti ta' interess komuni fis-settur tat-trasport;

32.  Jista' jqis, fir-rigward tas-sajd, li jiġi nnegozjat ftehim ta' sħubija bilaterali f'sura ġdida għal pajjiż terz bil-għan li jinżamm livell għoli ta' kooperazzjoni, koerenza u konverġenza, li jiġi żgurat aċċess reċiproku, stabbli u kontinwu għall-ibħra u r-riżorsi skont il-prinċipjiu d-dispożizzjonijiet ta' governanza tal-politika komuni tas-sajd, u l-ġestjoni sostenibbli ta' stokkijiet kondiviżi sabiex il-popolazzjonijiet ta' dawn l-istokkijiet jitreġġgħu għal livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli u jinżammu f'dawk il-livelli; jissottolinja li l-ġestjoni komuni tal-istokkijiet kondiviżi tirrikjedi li r-Renju Unit jibqa' jikkontribwixxi għall-valutazzjoni xjentifika ta' dawk l-istokkijiet; jisħaq, madankollu, li l-aċċess reċiproku għas-suq għal prodotti tas-sajd għandu jiġi nnegozjat bħala parti mill-ftehim futur, u li l-livell ta' aċċess għas-suq domestiku tal-UE jrid jiddependi mil-livell ta' aċċess li l-bastimenti tal-UE jkollhom għaż-żoni tas-sajd tar-Renju Unit u għar-riżorsi tagħhom, kif ukoll mil-livell ta' kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi;

33.  Jissottolinja l-valur tal-kooperazzjoni kulturali u edukattiva, inklużi t-tagħlim u l-mobbiltà taż-żgħażagħ, kif ukoll l-importanza tal-industriji kulturali u kreattivi, biex jgħinu lill-UE tapprofondixxi r-rabtiet ma' pajjiżi ġirien, u jilqa' kooperazzjoni kontinwa bejn l-UE u r-Renju Unit f'dawk l-oqsma, inkluż permezz ta' programmi rilevanti bħal Erasmus jew Ewropa Kreattiva;

34.  Jista' jikkunsidra, fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit bħala pajjiż terz fil-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u fil-programmi spazjali tal-UE, mingħajr ma jippermetti kwalunkwe trasferiment nett mill-baġit tal-UE għar-Renju Unit, jew kwalunkwe rwol ta' teħid ta' deċiżjonijiet għar-Renju Unit;

35.  Jemmen li l-aħjar soluzzjoni għall-ambjent, għall-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, għas-saħħa pubblika u għas-sikurezza tal-ikel tkun dik fejn ir-Renju Unit jibqa' allinjat b'mod sħiħ mal-leġiżlazzjoni attwali u futura tal-UE, inkluża l-aderenza għal impenji u miri għall-2030 li diġà ntlaħaq qbil dwarhom fl-ambitu tal-pakkett dwar l-Arja Nadifa u l-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa; madankollu, jekk dan ma jkunx il-każ, jitlob li jkun hemm arranġamenti bejn l-UE u r-Renju Unit li jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib u standards għoljin dwar dawn il-kwistjonijiet u li jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali transfruntiera; jenfasizza li kwalunkwe kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE f'dawn l-oqsma trid tkun ibbażata fuq ftehimiet bilaterali;

36.  Jista' jikkunsidra li jsiru arranġamenti simili ta' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-enerġija, il-komunikazzjoni elettronika, iċ-ċibersigurtà u l-ICT; huwa tal-fehma li, fir-rigward tas-settur tal-enerġija, kwalunkwe arranġament bħal dan għandu jirrispetta l-integrità tas-suq intern tal-enerġija, jikkontribwixxi għas-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-enerġija u jieħu kont tal-interkonnetturi bejn l-UE u r-Renju Unit; jistenna li r-Renju Unit jikkonforma mal-ogħla standards tal-protezzjoni għas-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, inklużi l-vjeġġi ta' skart u d-dekummissjonar;

37.  Jemmen li l-programm PEACE tal-UE, li għandu l-għan li jsaħħaħ soċjetà paċifika u stabbli billi jrawwem ir-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjun tal-Fruntiera tal-Irlanda, għandu jinżamm bil-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni min-naħa tar-Renju Unit;

(v)  Governanza tal-ftehim futur

38.  Jirrimarka li kwalunkwe ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit, bir-Renju Unit bħala pajjiż terz, għandu jinkludi l-istabbiliment ta' sistema ta' governanza koerenti u solida bħala qafas ġenerali għall-erba' pilastri, li tkopri s-superviżjoni/il-ġestjoni kontinwa konġunta tal-ftehim u s-soluzzjoni tat-tilwim u l-mekkaniżmi ta' infurzar fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim;

39.  Jinsisti fuq il-ħtieġa assoluta li din is-sistema ta' governanza tippreserva bis-sħiħ l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-ordinament ġuridiku tal-UE, inkluż ir-rwol tal-QtĠ-UE bħala l-uniku interpretu tad-dritt tal-UE;

40.  Jisħaq li t-tfassil tal-arranġamenti ta' governanza għandu jkun proporzjonat man-natura, mal-ambitu u mal-profondità tar-relazzjonijiet futuri u jieħu kont tal-livell ta' interkonnessjoni, kooperazzjoni u qrubija;

41.  Jaqbel mal-idea li jitwaqqaf kumitat konġunt li jkollu r-responsabbiltà li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim, jindirizza d-diverġenzi fl-interpretazzjoni, jimplimenta l-miżuri korrettivi miftiehma in buona fede u jiżgura bis-sħiħ l-awtonomija regolatorja tal-UE, inklużi l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; jissottolinja li r-rappreżentanti tal-UE fuq dan il-kumitat għandhom ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' responsabbiltà adegwati li jinvolvu lill-Parlament Ewropew;

42.  Iqis li, għad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq kunċetti li joħorġu mid-dritt tal-UE, l-arranġamenti ta' governanza għandhom jipprevedu r-rinviju quddiem il-QtĠ-UE; itenni li, għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li ma jirrigwardawx id-dritt tal-Unjoni, jista' biss ikun previst mekkaniżmu għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim jekk dan joffri garanziji ta' indipendenza u imparzjalità ekwivalenti għal dawk tal-QtĠ-UE;

(vi)  Kundizzjonijiet ekwi

43.  Ifakkar li r-Renju Unit u t-territorji dipendenti tiegħu għandhom ikomplu jirrispettaw u jimplimentaw l-istandards eżistenti skont l-impenji internazzjonali meħuda, kif ukoll il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni, partikolarment fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 4 hawn fuq, b'mod li jirrifletti l-firxa u l-profondità tar-relazzjonijiet futuri; jinnota l-vantaġġi li jinżamm allinjament regolatorju bbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

44.  Jinnota li l-wisa' u l-profondità tal-ftehim, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kundizzjonijiet ekwi, se jkunu essenzjali biex tiġi ddeterminata l-firxa tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit; ifakkar li l-impenn tar-Renju Unit li jibqa' josserva l-mudell soċjali Ewropew se jkollu rwol kruċjali f'dan;

45.  Jemmen bis-sħiħ li r-Renju Unit għandu jirrispetta l-istandards li qed jevolvu fil-qasam tat-tassazzjoni u l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus fl-acquis tal-Unjoni, inklużi t-trasparenza tat-taxxa, l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' taxxa u l-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa, u għandu jindirizza s-sitwazzjoni tat-territorji dipendenti u n-nuqqas ta' konformità tagħhom mal-kriterji ta' governanza tajba u r-rekwiżiti ta' trasparenza tal-UE; jinsisti li l-aċċess għall-unjoni doganali għandu jkun marbut strettament mal-allinjament tar-Renju Unit mal-istandards imsemmija hawn fuq;

46.  Itenni l-ħtieġa li jiġu stabbiliti salvagwardji li jiżguraw iż-żamma ta' standards għoljin u kundizzjonijiet ekwi fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa pubblika; jissottolinja li ċ-ċittadini u l-NGOs jeħtieġ jingħataw garanzija ta' aċċess għall-ġustizzja u mekkaniżmu xieraq għall-ilmenti fir-rigward tal-infurzar tal-istandards ambjentali u tax-xogħol;

47.  Jinnota li, bħall-bqija tal-ftehim, id-dispożizzjonijiet dwar kundizzjonijiet ekwi se jkunu jirrikjedu strutturi ta' governanza robusti li jinkludu mekkaniżmi ta' ġestjoni, superviżjoni, soluzzjoni tat-tilwim u infurzar adegwati, kif ukoll sanzjonijiet u miżuri interim – jekk ikun meħtieġ – u l-obbligu li, skont il-każ, iż-żewġ partijiet joħolqu jew iżommu istituzzjonijiet indipendenti li jkunu kapaċi jissorveljaw u jinfurzaw l-implimentazzjoni b'mod effikaċi;

(vii)  Il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE

48.  Jenfasizza li biex jipparteċipa fl-azzjonijiet u l-programmi tal-UE, ir-Renju Unit se jkun marbut bir-regoli applikabbli għall-pajjiżi terzi li mhumiex fiż-ŻEE; jissottolinja li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit trid tkun miftiehma b'mod konġunt mal-UE, b'rispett sħiħ tar-regoli, il-mekkaniżmi u l-kundizzjonijiet rilevanti kollha tal-parteċipazzjoni, inkluż fir-rigward tal-finanzjament, l-implimentazzjoni, il-kontroll u l-kwittanza u mingħajr ma jkunu jistgħu jsiru trasferimenti netti mill-baġit tal-UE għar-Renju Unit;

49.  Ifakkar li – bħala regola ġenerali – ir-Renju Unit, bħala pajjiż terz, ma jistax jipparteċipa fl-aġenziji tal-UE jew ikollu aċċess għalihom; jinnota, madankollu, li dan ma jeskludix kooperazzjoni f'każijiet speċifiċi u b'mod regolat strettament, li jirrikjedi konformità mar-regoli u mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji rilevanti kollha; jirrimarka li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss irid jinkorpora l-konsegwenzi tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ

50.  Jilqa' l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ ippubblikat mill-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 2018, li fil-biċċa l-kbira jirrifletti l-fehmiet tal-Parlament; jinnota li dan tħejja abbażi tar-Rapport Konġunt tat-8 ta' Diċembru 2017, maqbul bejn il-partijiet, u abbażi tal-pożizzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet oħra marbuta mas-separazzjoni;

51.  Jilqa' d-dispożizzjonijiet istituzzjonali u l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti fl-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluża s-sospensjoni tal-benefiċċji matul il-perjodu ta' tranżizzjoni kif previst fl-Artikolu 165 tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ f'każ li ma jiġux rispettati l-impenji u d-dispożizzjonijiet relatati mal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

(i)  Id-drittijiet taċ-ċittadini

52.  Jilqa' l-approċċ ġenerali adottat fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini fit-Tieni Parti tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ ippubblikat mill-Kummissjoni, iżda jtenni li waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għall-approvazzjoni tal-Parlament se tkun li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti kollha fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini u li jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment fl-UE-27 ma jkunux affettwati mill-Brexit; jaqbel mal-inklużjoni tar-referenza għall-miżżewġin futuri; jieħu nota tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri amministrattivi għall-kisba ta' status ta' residenza permanenti u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-familji jkunu jistgħu jibdew il-proċedura permezz ta' formola waħda li tkun ta' natura dikjarattiva u tpoġġi l-oneru tal-prova fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit; jissottolinja li l-Parlament Ewropew se jara li dawn il-proċeduri jiġu implimentati b'mod effikaċi u jkunu sempliċi, ċari u bla ħlas; jinsisti li jiġi ggarantit id-dritt ta' moviment liberu fl-UE kollha għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li bħalissa jirrisjedu f'xi wieħed mill-Istati Membri tal-UE-27, kif ukoll id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali għaċ-ċittadini kollha koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ; jitlob ukoll li ċ-ċittadini tal-UE koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ jingħataw id-dritt jirritornaw lejn ir-Renju Unit meta jridu tul ħajjithom, li ċ-ċittadini b'diżabilità u dawk li jieħdu ħsiebhom ma jkunux jistgħu jitkeċċew, u li d-drittijiet proċedurali relatati mat-tkeċċija msemmija fid-Direttiva 2004/38/KE u d-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi previsti mid-dritt tal-UE jibqgħu jitħarsu;

53.  Jinsisti li, tul il-perjodu ta' tranżizzjoni, iċ-ċittadini kollha tal-UE li jidħlu fir-Renju Unit għandhom igawdu l-istess drittijiet bħal dawk li jkunu waslu qabel il-bidu tal-perjodu ta' tranżizzjoni; jirrifjuta, f'dan il-kuntest, il-proposta magħmula fid-dokument ta' politika ppubblikat dan l-aħħar mill-Gvern tar-Renju Unit li tibqa' tipprevedi diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE li jaslu qabel il-bidu tal-perjodu ta' tranżizzjoni u dawk li jaslu wara;

54.  Itenni li bosta ċittadini tar-Renju Unit esprimew oppożizzjoni qawwija għat-telfien tad-drittijiet li jgawdu bħalissa skont l-Artikolu 20 tat-TFUE; jipproponi li l-UE-27 teżamina kif tista' ttaffi dan it-telfien fil-limiti tad-dritt primarju tal-UE filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni; jinnota r-rinviju reċenti ta' kawża quddiem il-QtĠ-UE, u li kienet tressqet f'qorti Olandiża, dwar iż-żamma tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE għaċ-ċittadini tar-Renju Unit wara l-Brexit;

(ii)  L-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

55.  Jilqa' l-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq fl-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ ippubblikat mill-Kummissjoni li jattiva l-pjan ta' kontinġenza deskritt fir-Rapport Konġunt tat-8 ta' Diċembru 2017; jenfasizza li dan jipprovdi soluzzjoni konkreta biex jibqa' jkun hemm kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u tiġi evitata fruntiera fiżika bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda, li tkun meħtieġa jekk ma tinstab l-ebda alternattiva fil-qafas tar-relazzjonijiet kumplessivi bejn l-UE u r-Renju Unit jew permezz ta' soluzzjonijiet speċifiċi proposti mir-Renju Unit, kif imsemmi fil-paragrafu 49 tar-Rapport Konġunt;

56.  Ifakkar l-importanza tal-impenn li ħadet ir-Renju Unit biex tiżgura li ma jkunx hemm tnaqqis fid-drittijiet, inklużi d-drittijiet soċjali u demokratiċi, is-salvagwardji u l-opportunitajiet indaqs, kif stabbilit fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, f'konformità mal-impenji tar-Rapport Konġunt; jinsisti fuq it-traspożizzjoni tal-elementi kollha taż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar u l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, kif minquxa fid-dritt tal-UE u fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira;

(iii)  Il-perjodu tranżitorju

57.  Itenni l-prinċipji inkorporati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017, jiġifieri li, wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit mhux se jibqa' parti mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u mhux se jibqa' jikkontribwixxi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, u li t-tranżizzjoni tista' tikkonsisti biss fl-estensjoni tal-acquis tal-UE u t-tkomplija tal-applikazzjoni tal-istrumenti u l-istrutturi regolatorji, baġitarji, superviżorji, ġudizzjarji u tal-infurzar eżistenti tal-UE għar-Renju Unit; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-mandat ta' negozjar stabbilit fil-linji gwida tan-negozjati tal-Kunsill Ewropew, id-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill u d-dokument ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni;

58.  Jesprimi s-sodisfazzjon u l-appoġġ tiegħu għar-Raba' Parti tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ li tirrigwarda l-arranġamenti tranżitorji; itenni li d-drittijiet kollha mogħtija liċ-ċittadini mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu estiżi tul il-perjodu ta' tranżizzjoni; jenfasizza li dan japplika wkoll għaċ-ċittadini tal-UE li jaslu fir-Renju Unit matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, li għandhom jibbenefikaw eżattament mill-istess drittijiet, speċjalment fir-rigward tal-benefiċċji tat-tfal, ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju mill-QtĠ-UE;

59.  Ifakkar li kwalunkwe arranġament tranżitorju għandu jkun kompatibbli bis-sħiħ mal-obbligi tad-WTO sabiex ma jkunx hemm xkiel fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

60.  Jinsisti li kwalunkwe ftehim kummerċjali futur li r-Renju Unit jista' jinnegozja ma' pajjiżi terzi wara li joħroġ mill-UE jista' jidħol fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu li matulu japplikaw l-arranġamenti tranżitorji;

61.  Ifakkar li mid-data tal-ħruġ mill-UE, ir-Renju Unit mhux se jibqa' jibbenefika mill-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE, jew mill-Istati Membri f'isimha, jew mill-UE u l-Istati Membri b'mod konġunt; jinnota li, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit se jkun għadu marbut bl-obbligi li joħorġu minn dawn il-ftehimiet; jenfasizza li hija primarjament ir-responsabbiltà tar-Renju Unit li jidħol f'arranġamenti ma' pajjiżi terzi jekk ikun jixtieq iżżomm l-effetti ta' ftehimiet eżistenti magħhom, u li r-Renju Unit mhux se jkun jista' jipparteċipa fl-istrutturi ta' governanza u l-proċeduri deċiżjonali previsti minn dawn il-ftehimiet;

62.  Jirrimarka li, bħala parti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-arranġamenti tranżitorji jistgħu jiġu implimentati biss ladarba dan il-ftehim jidħol fis-seħħ;

(iv)  Kwistjonijiet oħra marbuta mas-separazzjoni

63.  Jitlob li jintlaħaq ftehim bla dewmien dwar id-dispożizzjonijiet kollha marbuta mas-separazzjoni u stabbiliti fit-Tielet Parti tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ, u jħeġġeġ lir-Renju Unit jippreżenta pożizzjoni ċara, fejn għadu m'għamilx hekk, dwar il-kwistjonijiet pendenti kollha li għandhom x'jaqsmu mal-ħruġ ordinat tiegħu;

It-tħejjija

64.  Jissottolinja l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq livelli differenti f'dak li għandu x'jaqsam mas-sensibilizzazzjoni u t-tħejjija; jenfasizza li, minħabba l-inċertezzi kkawżati mill-Brexit, mhux l-istituzzjonijiet tal-UE biss, iżda anke l-awtoritajiet nazzjonali, l-operaturi ekonomiċi u, speċjalment, iċ-ċittadini jridu jiġu avżati u infurmati b'mod xieraq sabiex ikunu jistgħu jħejju b'mod adegwat għal kull xenarju possibbli, inkluż xenarju fejn ma jintlaħaqx ftehim; jitlob, b'mod partikolari, li jitniedu azzjonijiet immirati lejn l-akbar ammont ta' setturi u persuni kkonċernati, inkluż fl-oqsma li ġejjin:

–  l-aċċess kostanti u sikur għal mediċini għall-użu veterinarju u mill-bniedem u għal apparat mediku għall-pazjenti, inkluża l-provvista konsistenti ta' isotopi radjuattivi,

–  is-servizzi finanzjarji għall-operaturi ekonomiċi,

–  il-livell ta' tħejjija tal-SMEs u l-operaturi ż-żgħar li jagħmlu kummerċ mar-Renju Unit, bħall-produtturi agroalimentari u tal-prodotti tas-sajd, li għall-ewwel darba jistgħu jkunu qed jaffrontaw proċeduri ta' esportazzjoni u ċerti tipi ta' rekwiżiti, anke sanitarji u fitosanitarji,

–  il-limiti u r-restrizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-qafas legali l-ġdid għat-trasport tal-passiġġieri u l-prodotti u l-impatt li dawn jista' jkollhom fuq il-komponenti "just-in-time" tal-katina tal-provvista, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel,

–  il-kapaċità fir-rigward tat-tikkettar korrett, it-traċċabbiltà u l-oriġini ġenwina tal-prodotti agrikoli u tas-sajd, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tas-sikurezza tal-ikel u l-benessri tal-annimali u l-għoti ta' informazzjoni preċiża lill-konsumaturi dwar il-prodotti tal-ikel,

–  il-qafas legali tal-protezzjoni tad-data,

–  l-identifikazzjoni sħiħa, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tirrikjedi tibdil minħabba l-Brexit,

°

°  °

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.

Dikjarazzjoni tal-Grupp GUE/NGL rigward ir-riżoluzzjoni dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit

 

Ninsabu allarmati bl-ostilità li biha l-Gvern Brittaniku laqa' l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ, li jagħti forma ġuridika lir-Rapport Konġunt tat-8 ta' Diċembru 2017. Bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru u l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru, jiddispjaċina li l-Gvern Brittaniku mhux qed jaġixxi in buona fede u għalhekk inħossu li l-UE għandha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq li tiżgura li l-impenji li ttieħdu matul l-ewwel fażi jiġu rispettati bis-sħiħ u tradotti fedelment f'termini ġuridiċi malajr kemm jista' jkun.

Filwaqt li l-abbozz ta' riżoluzzjoni fih partijiet pożittivi, partikolarment f'dawk l-oqsma fejn il-gruppi politiċi pparteċipaw b'mod kostruttiv fil-livell ta' Kumitat, hemm partijiet problematiċi wkoll. B'mod partikolari, aħna nopponu radikalment il-kontenut tal-abbozz ta' riżoluzzjoni fir-rigward tad-difiża u s-sigurtà.

Minkejja r-riżervi li għandna dwar xi paragrafi fir-rigward tar-relazzjonijiet futuri, nemmnu li hu tal-akbar importanza li l-gruppi politiċi jkomplu jaħdmu flimkien mill-qrib u, b'mod partikolari, jiżguraw li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddefendi u jippreserva d-drittijiet tal-miljuni ta' ċittadini affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jiġi rispettat fil-partijiet kollha tiegħu.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza