MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 418kWORD 53k
8.3.2018
PE616.081v01-00
 
B8-0136/2018

imressqa skont l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni (2017/2990(DEA))


Michèle Rivasi, Philippe Lamberts, Ska Keller f'isem il-Grupp Verts/ALE
Xabier Benito Ziluaga, Dario Tamburrano, Edouard Martin, Carolina Punset, Isabella Adinolfi, Laura Agea, Daniela Aiuto, Marina Albiol Guzmán, Tiziana Beghin, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rosa D’Amato, Eleonora Evi, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Luke Ming Flanagan, Tania González Peñas, Rina Ronja Kari, Paloma López Bermejo, Curzio Maltese, Marisa Matias, Younous Omarjee, Piernicola Pedicini, Lola Sánchez Caldentey, Maria Lidia Senra Rodríguez, Martin Schirdewan, Helmut Scholz, Barbara Spinelli, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Marco Valli, Marco Zullo

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni (2017/2990(DEA))  
B8‑0136/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2017)07834) ("ir-Regolament emendatorju"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009(1) u b'mod partikolari l-Artikoli 3(4), 9(2) u 64(5) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/89 tat-18 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, il-Ġermanja (COP 23)(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Regolament (UE) Nru 347/2013 u r-Regolament Delegat emendatorju huma maħsuba biex "jappoġġjaw l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni filwaqt li jinkoraġġixxu l-produzzjoni, it-trasportazzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu razzjonali tar-riżorsi tal-enerġija, li jnaqqsu l-iżolament tar-reġjuni żvantaġġjati u tal-gżejjer, li jiżguraw u jiddiversifikaw il-provvisti, is-sorsi u r-rotot tal-enerġija tal-Unjoni, fosthom permezz tal-kooperazzjoni ma' partijiet terzi, u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent";

B.  billi jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex fil-lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni żżomm numru stabbli ta' proġetti fis-settur tal-elettriku, li huma meħtieġa biex b'mod effikaċi jwittu t-triq għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea;

C.  billi l-metodoloġija tal-għadd u l-prassi tar-raggruppament ta' proġetti applikati mill-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' proġetti fis-settur tal-gass huma inkonsistenti u jirriżultaw f'numru apparentement limitat ta' proġetti meta fir-realtà n-numru tagħhom huwa ħafna ogħla;

D.  billi jinsab imħasseb dwar in-numru kbir ta' proġetti fis-settur tal-karburanti fossili mogħtija prijorità fil-lista u billi jħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħodd il-proġetti biex tippermetti tqabbil sensibbli u trasparenti bejn iż-żewġ listi;

E.  billi huwa kruċjali li nilħqu l-għanijiet tagħna dwar is-sigurtà tal-provvista u l-indipendenza enerġetika, iżda billi l-istimi eċċessivi, il-kapaċità żejda u l-installazzjonijiet mhux utilizzati ser iwasslu biss għal tariffi ogħla, li jxekklu l-kompetittività tal-industriji tagħna u jgħollu l-kontijiet tal-enerġija għall-familji tagħna;

F.  billi jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel li l-proċess li bih jiġu identifikati u magħżula l-proġetti ta' interess komuni jkun kemm jista' jkun trasparenti, ikun ibbażat fuq data indipendenti u jkun jippermetti lill-Parlament iwettaq monitoraġġ tal-proċess fi stadju aktar bikri;

G.  billi l-Ftehim ta' Pariġi jinkludi l-impenn favur li "ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt 2[ °C] aktar mil-livelli preindustrijali u l-insegwiment tal-isforzi biex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1,5[ °C] aktar mil-livelli preindustrijali";

H.  billi l-Ftehim ta' Pariġi ġie rratifikat mill-Unjoni Ewropea fl-2016;

I.  billi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-karburanti fossili huma l-akbar kontributur għat-tibdil fil-klima;

J.  billi l-promozzjoni ta' infrastruttura ġdida għall-karburanti fossili bħala parti mill-politiki tal-enerġija tal-UE ser tfixkel l-ilħuq tal-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi;

K.  billi huwa dubjuż jekk il-maġġoranza tal-proġetti fis-settur tal-gass elenkati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2017)07834) humiex kompatibbli mal-impenji meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi;

L.  billi l-infrastruttura ġdida għall-gass hija maħsuba biex iddum mill-anqas 40 sa 50 sena u f'xi każijiet saħansitra aktar fit-tul;

M.  billi l-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida għall-gass tirriskja li toħloq dipendenza ġdida fil-konfront tal-karburanti fossili li tkun inkompatibbli mal-impenji meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi;

1.  Joġġezzjona għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-Regolament Delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq att delegat ġdid li jevita l-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida għall-karburanti fossili b'konsegwenzi potenzjali ta' dipendenza u li jkun kompletament kompatibbli mal-impenji meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tippreżenta l-lista ta' proġetti ta' interess komuni f'forma li tkun konsistenti u trasparenti għall-koleġiżlaturi, b'mod partikolari għall-Parlament Ewropew;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.

(2)

ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

(3)

ĠU L 19, 27.1.2016, p. 1.

(4)

ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0380.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza