MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
12.3.2018 - (2018/2626(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Victor Boştinaru, Elena Valenciano f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0139/2018
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik l-aktar reċenti tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2401 (2018) tal-24 ta' Frar 2018 dwar waqfien tal-ostilitajiet fis-Sirja, kif ukoll riżoluzzjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2118 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015), 2268 (2016), 2328 (2016), 2332 (2016) u 2336 (2016),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-20 ta' Frar 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Lvant ta' Ghouta u f'Idlib, is-Sirja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2393 (2017) tad-19 ta' Diċembru 2017 dwar l-awtorizzazzjoni ta' kunsinni ta' għajnuna li jaqsmu l-fruntieri u l-fronti tal-ġlied fis-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Novembru 2017 mill-VP/RGħ dwar il-Konferenza tal-Oppożizzjoni Sirjana f'Riyadh,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-9 ta' Lulju 2017 mill-VP/RGħ dwar waqfien mill-ġlied fis-Sirja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza dwar "Appoġġ għall-Ġejjieni tas-Sirja u tar-Reġjun",
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 intitolata "Elementi għal Strateġija tal-UE rigward is-Sirja" (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti fis-Sirja, fosthom dik l-aktar reċenti tas-26 ta' Frar 2018[2],
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), u r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li s-Sirja hija Stat Parti fihom,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt ċivili fis-Sirja, li beda seba' snin ilu, għadu għaddej, minkejja diversi sforzi internazzjonali li saru biex jiżguraw waqfien mill-ġlied u jistabbilixxu l-bażi għal soluzzjoni negozjata; billi, bħala konsegwenza, is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż għadha devastanti; billi madwar 5,6 miljun ruħ f'1 244 komunità jinsabu f'qagħda ta' bżonn akut, fosthom 2,9 miljun ruħ li jinsabu f'postijiet assedjati u li diffiċli jintlaħqu;
B. billi n-NU rrapportaw li kważi 100 000 persuna ċivili ġew imġiegħla jaħarbu minn ħafna komunitajiet fl-inħawi tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-provinċja ta' Idlib, minħabba attakk aħrax mill-forzi tal-gvern appoġġjati minn forzi Russi u minn milizzji sostnuti mill-Iran; billi din iż-żona ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt tinsab f'xifer il-kollass, u billi attakk mir-reġim jista' jkun imminenti, bir-riskju ta' katastrofi umanitarja oħra;
C. billi żoni u bliet, bħal-Lvant ta' Ghouta, Yarmouk, Foua u Kefraya, ilhom ħafna żmien isofru imblokki, b'konsegwenzi serji għall-popolazzjoni ċivili u bl-ebda possibbiltà li jsirulhom kunsinni ta' għajnuna umanitarja b'mod sostenibbli; billi, f'dawn l-aħħar ġimgħat u minkejja li titqies bħala żona ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt, il-Lvant ta' Ghouta u l-popolazzjoni tagħha, li hija stmata li tlaħħaq 400 000 ruħ, ġew taħt bumbardament intensiv u indiskriminat mir-reġim Sirjan u mill-alleati tiegħu, li kkawża ħsarat fl-iskejjel u fil-faċilitajiet mediċi, u li saħansitra involva l-użu allegat ta' armi kimiċi; billi s-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta tant hija kritika li s-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, iddeskrivieha bħala "infern fuq wiċċ id-dinja";
D. billi t-tiċħid tal-ikel u tal-mediċini essenzjali għaċ-ċittadini huwa metodu ta' kumbattiment inaċċettabbli li huwa pprojbit mid-dritt umanitarju internazzjonali; billi t-tfixkil tal-isforzi għall-evakwazzjoni u għall-għoti ta' għajnuna umanitarja u ta' kura medika jikkostitwixxu vjolazzjonijiet sfaċċati tad-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll ta' bosta riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
E. billi huwa stmat li, sa mill-bidu ta' din is-sena biss, 1 000 tifel u tifla sfaw maqtula jew midruba madwar is-Sirja; billi persuni ċivili qed jintużaw bħala tarki umani fiż-żoni li jinsabu taħt il-kontroll tal-IS, u billi t-tfal qed jiġu rreklutati u użati f'attivitajiet terroristiċi;
F. billi r-rapport ippubblikat mill-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni fl-2017 "Ilħna mis-Sirja 2018 – Sejbiet tal-Valutazzjoni mill-Eżami Globali dwar il-Ħtiġijiet Umanitarji" sab li saret ħaġa ta' rutina li għadd sinifikanti ta' nisa u bniet Sirjani jiġu mġiegħla jġarrbu l-isfruttament sesswali, iż-żwiġijiet furzati u abbużi inaċċettabbli oħra bħala kumpens għall-għajnuna; billi dawn l-abbużi ilhom magħrufin f'istanzi tan-NU sa minn tal-anqas l-2015; billi tali prattiki huma partikolarment mifruxa f'żoni fejn l-aċċess tal-organizzazzjonijiet ta' għajnuna huma mfixkla mir-reġim Sirjan u fejn dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom jiddependu fuq partijiet terzi u fu atturi lokali biex jagħmlu kunsinni ta' għajnuna;
G. billi l-Operazzjoni Torka Fergħa taż-Żebbuġ fil-provinċja ta' Afrin, li hija taħt il-kontroll tal-Kurdi, kompliet żiedet dimensjoni ġdida fil-kunflitt fis-Sirja, hekk li qajmet preokkupazzjonijiet umanitarji addizzjonali u inkwiet dwar l-impatti negattivi fuq il-bilanċi interni delikati fis-Sirja u/jew fuq il-ħidma lejn soluzzjoni negozjata; jenfasizza li diġà ġie rrapportat li kien hemm għadd kbir ta' vittmi ċivili, u li mijiet ta' ħajjiet ċivili oħrajn jinsabu f'riskju; billi l-UE esprimiet dawn il-preokkupazzjonijiet b'mod ċar, hekk li talbet lil Ankara twaqqaf l-offensiva tagħha u saħqet fuq il-ħtieġa li ssir konċentrazzjoni fuq l-għelib tal-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU;
H. billi l-UE għadha impenjata favur is-suċċess tan-negozjati mmexxija taħt l-awspiċji tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, magħrufa bħala l-proċess ta' Ġinevra; billi l-UE għadha tappoġġja dan il-proċess, anki permezz tal-organizzazzjoni tat-tieni Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Ġejjieni tas-Sirja u tar-Reġjun, li għandha ssir fl-24 u fil-25 ta' April 2018;
I. billi l-patti bejn l-UE u l-Ġordan u bejn l-UE u l-Libanu huma mudelli li jistgħu jittrasformaw il-mod li bih l-ispostament tar-rifuġjati jiġi indirizzat bħala opportunità ta' żvilupp u jinkoraġġixxu riformi tal-politiki biex ikabbru l-ispazju ta' protezzjoni tar-refuġjati fil-pajjiżi ospitanti tagħhom; billi, madankollu, l-implimentazzjoni tagħhom għadha lura;
J. billi l-gwerra ħarbtet l-infrastruttura fiżika u soċjali tas-Sirja, inklużi djar, skejjel, sptarijiet u sistemi tal-ilma; billi l-pajjiż miżgħud bi splussivi perikolużi – bħal mini u bombi li ma splodewx – u billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha taħkem il-ħajja tan-nisa u tal-bniet; billi, għaldaqstant, illum ma jeżistux il-kundizzjonijiet biex ir-rifuġjati Sirjani jirritornaw b'mod sikur u dinjituż;
K. billi s-sitwazzjoni fis-Sirja u n-nuqqas ta' tranżizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklussiva għadu jimpedixxi l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja, u b'mod partikolari, l-assistenza sostanzjali li l-Unjoni tista' tipprovdi għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż;
1. Jiddeplora profondament l-orruri tal-waħx li għadhom iseħħu fis-Sirja wara seba' snin ta' gwerra ċivili; iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-Komunikat ta' Ġinevra u tar-Riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU tat-18 ta' Diċembru 2015, li xeħtet il-pedamenti għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-ġejjieni; jiddefendi bis-sħiħ il-proċess ta' Ġinevra bħala l-forum maqbul internazzjonalment u inklussiv fejn jiġu diskussi l-aspetti politiċi ewlenin tal-kriżi Sirjana u tinkiseb paċi sostenibbli, ibbażata fuq kostituzzjoni ġdida u ż-żamma ta' elezzjonijiet demokratiċi, taħt is-superviżjoni tan-NU;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki ħorox u indiskriminati fil-Lvant ta' Ghouta u l-użu suspettat ta' gass tal-kloru f'dan l-attakk; jitlob li l-ostilitajiet kollha jintemmu minnufih u jħeġġeġ ir-rispett sħiħ tar-Riżoluzzjoni 2401 (2018) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ġiet adottata unanimament, filwaqt li jitlob lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lir-reġim Sirjan u lill-alleati tiegħu, iwaqqfu l-ostilitajiet kollha mingħajr dewmien għal tal-anqas 30 jum konsekuttiv, sabiex jiżguraw pawsa umanitarja sostnuta u jippermettu li jsiru kunsinni ta' għajnuna umanitarja li jsalvaw il-ħajjiet u evakwazzjonijiet mediċi tal-morda u tal-midruba;
3. Jistieden lir-Russja, lill-Iran u lit-Turkija, bħala garanti tal-ftehimiet dwar diżintensifikazzjoni tal-kunflitt (il-Proċess ta' Astana), iħaddmu l-influwenza tagħhom fuq ir-reġim Sirjan ħalli jtaffu s-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta, u jistedinhom jiżguraw ir-rispett tal-waqfien mill-ġlied fiż-żoni kollha ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt, inkluż f'Idlib, kif diġà talbet il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, f'ittra li bagħtet lill-ministeri għall-affarijiet barranin ta' dawk it-tliet pajjiżi, wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-26 ta' Frar 2018; jieħu nota tad-deċiżjoni mir-Russja, mill-Iran u mit-Turkija li jorganizzaw summit ġdid f'April biex jiddiskutu s-Sirja u l-passi potenzjali fir-reġjun; jenfasizza li dawn il-passi m'għandhom bl-ebda mod jikkontradixxu jew jimminaw it-taħditiet sponsorjati min-NU / il-proċess ta' Genevra;
4. Għadu serjament inkwetat dwar is-sitwazzjoni f'Afrin, inkluż dwar il-possibbiltà ta' konfront bejn il-forzi Torok u dawk ta' Assad jew tar-Russja, u dwar it-tensjonijiet jiżdiedu mal-Istati Uniti; itenni l-pożizzjoni tal-VP/RGħ li l-ftuħ ta' fronti ġodda fis-Sirja mhuwiex fl-interess tas-sigurtà tat-Turkija u jwissi kontra deterjorament ulterjuri tal-kriżi umanitarja tal-pajjiż;
5. Iħeġġeġ waqfien immedjat tal-Operazzjoni Fergħa taż-Żebbuġ, li qed turi li hija miżura sproporzjonata, wara li inizjalment ġiet iġġustifikata bi preokkupazzjonijiet tas-sigurtà u mħabbra bħala operazzjoni limitata fl-ambitu u fil-firxa territorjali tagħha; jesiġi r-rispett sħiħ tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluża l-protezzjoni tal-persuni ċivili; jenfasizza li l-operazzjonijiet militari għandhom jikkonċentraw fuq il-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU, u jfakkar li r-riżoluzzjoni l-aktar reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU – 2401 (2018) – titlob waqfien mill-ġlied fis-Sirja kollha kemm hi, u għalhekk f'Afrin ukoll; jenfasizza, barra minn hekk, li din l-istess riżoluzzjoni ma kenitx tinkludi l-Unitajiet ta' Protezzjoni tal-Poplu Kurd (YPG) fost l-organizzazzjonijiet terroristiċi li jikkostitwixxu mira leġittima, u li l-forzi tal-YPG f'Afrin diġà ddikjaraw li huma lesti jaċċettaw il-waqfien mill-ġlied;
6. Iħeġġeġ, għal darba oħra, li jkun hemm aċċess umanitarju sikur, f'waqtu u bla xkiel fit-territorju kollu tas-Sirja u jilqa' r-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2393 (2017), li ġeddet l-awtorizzazzjoni tal-aċċess umanitarju li jaqsam il-fruntieri u l-fronti tal-kunflitt fis-Sirja għal 12-il xahar ieħor (sal-10 ta' Jannar 2019);
7. Jenfasizza li r-riżoluzzjoni talbet lill-awtoritajiet Sirjani u lill-partijiet kollha jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali, bit-twissija li t-tiċħid tal-aċċess għall-għajnuna jista' jammonta għal delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità; jiddispjaċih li r-Russja u ċ-Ċina astjenew mill-votazzjoni minflok ma vvutaw favur ir-riżoluzzjoni, u li r-reġim Sirjan u l-Gvern Russu esprimew riservi rigward tiġdidiet futuri; jinkoraġġixxi lin-NU u lil sħabha fl-implimentazzjoni biex jibqgħu jieħdu passi ħalli jkattru l-kunsinni umanitarji f'żoni assedjati u li diffiċli jintlaħqu, inkluż billi jużaw, bl-aktar mod effikaċi possibbli, il-postijiet tal-qsim tal-fruntieri skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2165;
8. Jiddispjaċih bil-qawwa għall-użu ripetut tal-veto mir-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà u għall-fatt li ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Mekkaniżmu Investigattiv Konġunt (JIM) bejn l-OPCW u n-NU qabel ma skada fis-17 ta' Novembru 2017; iqis li din l-attitudini minn membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà b'responsabbiltà speċjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali hija waħda tal-mistħija; jenfasizza li, f'għajnejn id-dinja, l-ostakolar tal-investigazzjonijiet internazzjonali huwa sinjal ta' ħtija aktar milli hu ħaġa oħra;
9. Jenfasizza li m'għandu jkun hemm l-ebda tolleranza jew impunità għad-delitti tal-waħx li twettqu fis-Sirja; itenni l-appell tiegħu biex isiru investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u kredibbli, kif ukoll prosekuzzjonijiet ta' dawk responsabbli, u jappoġġja l-ħidma tal-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (IIIM) dwar delitti internazzjonali mwettqa fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2012; jinnota b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-UE li tipprovdi EUR 1,5 miljun f'appoġġ finanzjarju permezz tal-mekkaniżmu tagħha l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP); jenfasizza, madankollu, li l-appoġġ se jkun meħtieġ lil hinn mit-tul tal-programm ta' 18-il xahar; jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri jaqdu l-impenji tagħhom, u jistenna li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-IIIM titqajjem u tiġi riżolta fit-tieni Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Ġejjieni tas-Sirja u tar-Reġjun; jitlob, barra minn hekk, li jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs, li qed jiġbru l-evidenza ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ksur tad-dritt umanitarju u jgħinu biex jippreservawha;
10. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali fl-indirizzar tal-impunità u jilqa' l-passi meħuda minn għadd ta' Stati Membri tal-UE f'dan is-sens; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jesploraw, f'koordinament mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, il-possibbiltà li jinħoloq tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja, sa ma ssir b'suċċess referenza lill-QKI;
11. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda mal-lista tal-persuni fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan, fis-26 ta' Frar 2018, ta' żewġ ministri Sirjani li nħatru f'Jannar 2018 u li jerfgħu responsabbiltà għal azzjoni repressiva kontra l-poplu tas-Sirja; jenfasizza li huwa importanti li l-Istati Membri kollha jirrispettaw bis-sħiħ id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK u l-infurzar tas-sanzjonijiet;
12. Huwa mwaħħax mir-rapporti li nisa u bniet jiġu rrikattati u abbużati sesswalment minn distributuri tal-għajnuna, atturi terzi u uffiċjali lokali li jwasslu l-għajnuna f'isem organizzazzjonijiet u aġenziji umanitarji; jiddikjara bil-qawwa li ma għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal tali atti; iħeġġeġ li ssir investigazzjoni bir-reqqa u jenfasizza li l-persuni responsabbli jridu jiġu kkastigati;
13. Jirrikonoxxi s-solidarjietà impressjonanti li l-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija urew mar-refuġjati, u jappoġġja s-sostenn finanzjarju tal-UE maħsub biex jindirizza l-ħtiġijiet urġenti tar-rifuġjati u tal-komunitajiet ospitanti tagħhom; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Istati Membri jintesifikaw is-sostenn finanzjarju tagħhom lill-pajjiżi ospitanti u jilqa' l-fatt li t-tieni Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Ġejjieni tas-Sirja u tar-Reġjun se jkollha l-mira li tidderieġi aktar appoġġ mill-komunità internazzjonali lejn il-pajjiżi li jospitaw lir-rifuġjati;
14. Jesprimi tħassib dwar ir-ritorn irapportat ta' 66 000 rifuġjat lejn is-Sirja fl-2017 u jissottolinja l-ħtieġa li l-prinċipju ta' non-refoulement jiġi rrispettat bis-sħiħ; jenfasizza li s-Sirja mhijiex pajjiż sikur għar-ritorn tar-rifuġjati u li jeħtieġ li l-UE ma tappoġġjax tali ritorni; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jonoraw l-impenji tagħhom, inklużi dawk stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' New York, u jiżguraw il-qsim tar-responsabbiltà, b'tali mod li jħallu lir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra fis-Sirja jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat dirett, inkluż permezz ta' skemi ta' risistemazzjoni u ta' ammissjoni umanitarja;
15. Jitlob li l-aktar persuni vulnerabbli fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien tagħha, partikolarment in-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabilità, ix-xjuħ, il-minoranzi u l-persuni LGBTI, jingħataw appoġġ massimu; jenfasizza li l-UE għandha tiżgura li t-tfal u ż-żgħażagħ Sirjani jiġu ggarantiti edukazzjoni tajba u taħriġ professjonali siewi, sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà bla intoppi;
16. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-tfal fil-ġlied jew f'attakki terroristiċi; jenfasizza li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal attakki fuq sptarijiet jew skejjel, playgrounds, sptarijiet jew faċilitajiet mediċi oħra u żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, bi traduzzjoni Għarbija ta' dan it-test.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2017)0227.
- [2] ĠU L 54I, 26.2.2018, p. 8.