MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
12.3.2018 - (201/2626(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD
B8-0141/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
(201/2626(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Mogherini u tal-Kummissarju Stylianides dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta u fi bnadi oħra fis-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Frar 2018 tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar is-Sirja: Il-massakru fil-Lvant ta' Ghouta jrid jieqaf issa,
– wara li kkunsidra l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti taħt il-mandat tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana,
– wara li kkunsidra l-Kunsill Affarijiet Barranin tas-26 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Diċembru 2017 tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Novembru 2017 tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-investigazzjoni tal-użu ta' armi kimiċi fis-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Mogherini waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u s-sitwazzjoni f'Afrin, is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inklużi r-Riżoluzzjonijiet 2401 (2018) u 2254 (2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara tmien snin ta' kunflitt is-sitwazzjoni fis-Sirja qed tkompli sejra għall-agħar, minkejja t-telfa formali li ġarrab l-Istat Iżlamiku; billi f'dawn l-aħħar xhur diversi sitwazzjonijiet kienu partikolarment preokkupanti, speċjalment fil-Lvant ta' Ghouta, f'Afrin u f'Idlib;
B. billi l-Lvant ta' Ghouta, subborg ta' Damasku, il-belt kapitali Sirjana, li jospita kważi 400 000 ruħ u fil-biċċa l-kbira jinsab taħt il-kontroll ta' forzi ribelli, matul dawn l-aħħar ġimgħat iffaċċja assedju u offensiva feroċi mill-Gvern tal-President Bashar al-Assad, u konsegwentement aktar minn 800 persuna tilfu ħajjithom u eluf sfaw midruba; billi f'dawn l-attakki l-Gvern ta' Assad allegatament uża armi kimiċi, peress li għadd ta' pazjenti li kienu qed jirċievu kura fi sptar appoġġjat mill-Fondazzjoni "Syrian American Medical Society" (SAMS) kienu qed isofru minn sintomi li jindikaw esponiment għal komposti kimiċi; billi l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fetħet minnufih investigazzjoni dwar l-attakki;
C. billi fil-25 ta' Frar 2018 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta unanimament ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà (UNSCR) 2401 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja, li titlob li l-ġlied jintemm minnufih u li jiġi stabbilit waqfien mill-ġlied fuq bażi umanitarja ta' mill-anqas tletin jum, sabiex l-għajnuna umanitarja tkun tista' titwassal b'mod sigur u mingħajr ostakli u sabiex il-persuni ċivili li jinsabu f'sitwazzjoni ta' emerġenza medika jkunu jistgħu jiġu evakwati b'urġenza għal raġunijiet mediċi; billi l-President Russu Vladimir Putin talab li fiż-żoni assedjati l-ostilitajiet jieqfu kuljum għal pawża ta' ħames sigħat;
D. billi gruppi armati fil-Lvant ta' Ghouta wiegħdu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li se jirrispettaw il-UNSCR 2401 u jaċċettaw il-waqfien mill-ġlied, filwaqt li min-naħa l-oħra l-Gvern ta' Assad ma ħa l-ebda impenn ta' dan it-tip; billi sa issa ma sar l-ebda progress fuq il-post f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-waqfien mill-ġlied hekk kif il-Gvern ta' Assad qed ikompli għaddej bl-offensiva tiegħu, bi ksur sfaċċat tal-UNSCR 2401;
E. billi nhar it-Tnejn 5 ta' Marzu 2018, għall-ewwel darba mill-14 ta' Frar 2018, konvoj umanitarju mikri min-Nazzjonijiet Uniti (f'kooperazzjoni mal-Kumitat tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar Aħmar Għarbi Sirjan) ingħata l-awtorizzazzjoni biex jidħol fil-Lvant ta' Ghouta; billi, minkejja l-awtorizzazzjoni, uħud mill-provvisti mediċi u tas-saħħa li kellhom jitwasslu sfaw imneħħija mill-awtoritajiet Sirjani u l-issoktar tal-bumbardamenti mill-forzi tal-gvern għamilha impossibbli biex il-konsinja tkun kompluta, peress li 15 mis-46 trakk fil-konvoj ma kinux kapaċi jħottu kompletament il-provvisti umanitarji vitali tagħhom; billi għaldaqstant in-NU u sħabha sabu ruħhom fl-obbligu li jevakwaw b'urġenza l-persunal umanitarju tagħhom;
F. billi l-azzjonijiet ta' Assad fil-Lvant ta' Ghouta mhumiex għajr l-aktar eżempju reċenti ta' strateġija li diġà ntużat f'żoni oħra tas-Sirja, maħsuba biex żoni li jinsabu f'idejn l-oppożizzjoni jisfaw mifnija b'attakki b'mod li l-ħajja tal-popolazzjoni ċivili ssir impossibbli hekk kif jinqerdu l-isptarijiet, l-iskejjel, il-moskej u l-infrastruttura pubblika, u dan iwassal biex ir-ribelli jitilfu r-rieda jew il-kapaċità li jiġġieldu u jħeġġeġ lill-persuni ċivili jikkooperaw mal-gvern;
G. billi fl-istess ħin il-vjolenza fil-Governorat ta' Idlib eskalat mill-ġdid, hekk kif il-Gvern ta' Assad u r-Russja intensifikaw l-attakki bil-bombi, filwaqt li partijiet differenti fuq il-post daħlu f'konfrontazzjoni ma' xulxin, u dan kollu wassal għal diżastru umanitarju u għal żieda f'daqqa fl-ispostament intern, hekk kif, skont ma ġie rrappurtat, aktar minn 250 000 persuna ċivili ħarbu mill-ġlied;
H. billi t-Turkija ħabbret li kienet se tistabbilixxi kampijiet bil-ħsieb li jilqgħu 170 000 rifuġjat Sirjan f'disa' lokalitajiet Sirjani qrib Idlib u Afrin, kif ukoll fiż-żona kkontrollata minn Ankara aktar fil-Lvant fit-Tramuntana tas-Sirja;
I. billi fl-20 ta' Jannar 2018 it-Turkija varat l-hekk imsejħa "Operazzjoni Fergħa taż-Żebbuġ", immirata lejn il-Kurdi u l-Forzi Demokratiċi Sirjani mmexxija mill-YPG fid-distrett ta' Afrin; billi skont l-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem mill-anqas 149 persuna ċivili nqatlu waqt il-bumbardamenti mwettqa mill-forzi Torok, filwaqt li mijiet sfaw midruba;
J. billi l-operazzjoni tat-Turkija fis-Sirja kkawżat l-ispostament ta' għexieren ta' eluf ta' residenti tal-enklav ta' Afrin li huwa kkontrollat mill-Kurdi u wasslet biex tfaċċaw rapporti inkwetanti ta' mwiet, tortura u mutilazzjoni ta' persuni ċivili f'Afrin; billi sal-4 ta' Marzu 2018 mija mit-306 irħula ta' Afrin kienu nħatfu u d-dikjarazzjonijiet tal-President Tork Recep Tayyip Erdogan jindikaw l-intenzjoni ċara tat-Turkija li tibqa' għaddejja bl-offensiva tagħha u li tidħol fil-parti ċentrali ta' Afrin; billi, skont ma ġie rrappurtat, minn mindu ġiet adottata l-UNSCR 2401, il-forzi armati Torok intensifikaw l-attakki tagħhom f'Afrin;
K. billi t-taħditiet ta' Ġinevra mmexxija min-NU jinsabu f'qagħda ta' imblokk u ż-żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt fil-kuntest tal-proċess ta' Astana, skont il-ftehim milħuq f'Settembru 2017, ma ġewx stabbiliti; billi ftehim politiku kredibbli milħuq permezz ta' taħditiet intra-Sirjani taħt l-awspiċji tan-NU jibqa' l-unika possibbiltà għal ġejjieni paċifiku fis-Sirja;
L. billi f'Novembru 2017, wara l-veto tar-Russja, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jġedded il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU u, min-naħa tagħha, ir-Russja f'Jannar ipproponiet riżoluzzjoni tagħha stess biex tvara inkjesta dwar l-armi kimiċi, mingħajr ma ressqitha għall-votazzjoni;
M. billi llum 257 persuna u 67 entità fis-Sirja jinsabu fil-mira ta' sanzjonijiet Ewropej; billi l-miżuri huma fis-seħħ sal-1 ta' Ġunju 2018;
N. billi t-tieni konferenza ministerjali dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u r-Reġjun (il-Konferenza ta' Brussell 2) se ssir fl-24 u l-25 ta' April 2018 fi Brussell; billi matul il-Konferenza ta' Brussell tal-2017 ġew imwiegħda l-ammonti storiċi ta' EUR 5,6 biljun; billi żewġ terzi ta' dawn il-wegħdiet ġew mill-UE u mill-Istati Membri;
O. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma d-donaturi prinċipali fir-rispons internazzjonali għall-kriżi Sirjana, bil-mobilizzazzjoni kollettiva ta' aktar minn EUR 10 biljun f'għajnuna umanitarja u ekonomika u f'għajnuna għall-iżvilupp u għall-istabbilizzazzjoni maħsubin għas-Sirjani ġewwa s-Sirja u fil-pajjiżi ġirien minn mindu beda l-kunflitt;
1. Jinsab imħasseb għall-aħħar minħabba d-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fis-Sirja u speċjalment il-mewġa ta' vjolenza f'ħafna partijiet tal-pajjiż, bħalma ġara fil-każijiet tal-Lvant ta' Ghouta, ta' Afrin u ta' Idlib, li mhumiex għajr l-aktar episodji reċenti f'kunflitt li ilu għaddej tmien snin u li diġà kkaġuna l-mewt ta' aktar minn 400 000 ruħ, kif ukoll l-ispostament intern ta' aktar minn sitt miljun ruħ, filwaqt li ħoloq ħames miljun rifuġjat;
2. Jilqa' l-adozzjoni unanima tal-UNSCR 2401 bħala pass fundamentali lejn it-twassil ta' għajnuna umanitarja tant meħtieġa iżda jilmenta li, minkejja s-sejħiet għal waqfien immedjat mill-ġlied, il-kunflitt xorta għadu għaddej fil-Lvant ta' Ghouta, kif ukoll f'Afrin u f'partijiet oħrajn tas-Sirja; jikkundanna bil-qawwa l-offensiva tal-Gvern ta' Assad li għaddejja bħalissa fil-Lvant ta' Ghouta, bi ksur sħiħ tal-UNSCR 2401, u l-intervent illegali tat-Turkija fit-Tramuntana tas-Sirja;
3. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ il-UNSCR 2401 mingħajr dewmien u biex jiżguraw li l-konvojs umanitarji, speċjalment f'żoni assedjati, ikollhom aċċess sikur u mingħajr xkiel ħalli jkunu jistgħu jwasslu provvisti vitali, inklużi provvisti mediċi u tas-saħħa, lil dawk kollha fil-bżonn, f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità tal-għajnuna umanitarja;
4. Ifakkar lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt li, bil-liġi umanitarja u bil-liġi tad-drittijiet tal-bniedem, huma marbutin li jħarsu lill-popolazzjoni ċivili kif ukoll lill-infrastruttura ċivili f'kull ħin u li għandhom ir-responsabbiltà bażika li jiżguraw il-ħarsien meħtieġ tal-organizzazzjonijiet, il-persunal u l-faċilitajiet umanitarji kollha kif ukoll ta' assijiet oħrajn ta' sokkors; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta' tattiki tal-assedju, illi joqtlu bil-ġuħ lill-popolazzjoni ċivili Sirjana u jimpedixxu l-aċċess umanitarju, kif ukoll l-immirar intenzjonat ta' sptarijiet u ta' infrastrutturi ċivili oħrajn; jistieden lill-Gvern ta' Assad biex, f'konformità mal-UNSCR 2401, iwaqqaf minnufih l-offensiva tiegħu fil-Lvant ta' Ghouta u biex jagħti aċċess sħiħ lill-konvojs umanitarji mingħajr ma jimblukkahom, jirrestrinġihom jew idewwimhom bħalma ġara fil-każ tal-konvoj tan-NU tal-5 ta' Marzu 2018;
5. Jilqa' l-investigazzjoni tal-OPCW dwar l-allegat użu ta' armi kimiċi fil-Lvant ta' Ghouta; jiddispjaċih li f'Novembru 2017 il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt ma ġiex estiż u jistieden lill-partijiet kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jilħqu ftehim biex iwaqqfu mekkaniżmu indipendenti ġdid ta' investigazzjoni li jkun kapaċi jaħdem b'mod imparzjali, indipendenti u professjonali; jieħu nota tal-inizjattiva Franċiża dwar "Sħubija Internazzjonali kontra l-Impunità għall-Użu ta' Armi Kimiċi"; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta' armi kimiċi;
6. Jafferma mill-ġdid li l-unika soluzzjoni għall-kunflitt hija waħda politika, fil-qafas tal-Proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU u f'konformità mal-UNSCR 2254; jistieden lill-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, jirdoppja l-isforzi tiegħu biex ivara mill-ġdid it-taħditiet li fil-preżent jinsabu f'qagħda ta' imblokk; jikkunsidra li t-taħditiet ta' Astana għandhom mnejn jaġevolaw il-progress fit-taħditiet sostenibbli intra-Sirjani f'Ġinevra, iżda jinnota li ż-żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt ta' Astana, skont il-ftehim milħuq f'Settembru 2017, qatt ma ġew stabbiliti;
7. Jistieden lit-tliet garanti tal-Proċess ta' Astana dwar is-Sirja jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jagħtu segwitu effikaċi għall-ħolqien taż-żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt kif stabbilit fit-taħditiet ta' Astana u jaġevolaw l-implimentazzjoni tal-waqfien mill-ġlied kif previst fil-UNSCR 2401; jistieden ukoll lill-atturi internazzjonali u reġjonali jaġixxu b'rieda tajba u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaġevolaw soluzzjoni politika għall-kunflitt mingħajr ma jieħdu inizjattivi li jafu jkunu ta' ħsara għal dan il-prospett;
8. Jistieden lit-Turkija tirrispetta l-UNSCR 2401 u tikkonforma minnufih mal-waqfien mill-ġlied ta' 30 jum previst fir-riżoluzzjoni, bil-għan li ttemm b'mod permanenti l-offensiva illegali tagħha f'Afrin u f'territorji Sirjani oħrajn; jistieden lill-komunità internazzjonali tagħmel pressjoni fuq il-President Erdogan f'dan ir-rigward, peress li l-Operazzjoni Fergħa taż-Żebbuġ ma għandha l-ebda bażi legali valida u li l-objettiv ġeostrateġiku ta' veru tagħha mhuwiex li tiġġieled kontra t-terroriżmu jew li tiddefendi l-fruntiera tat-Turkija, iżda li timpedixxi li jiġi stabbilit Stat Kurd indipendenti de facto fit-Tramuntana tas-Sirja;
9. Jinsab ixxukkjat bir-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja, li jesponi ż-żieda qawwija fil-vjolenza bejn Lulju 2017 u Jannar 2018; jiddeplora bl-aktar mod qawwi l-vjolazzjonijiet sistematiċi mwettqa fis-Sirja mill-Gvern ta' Assad u minn atturi oħra, u jikkondividi t-tħassib espress fir-rapport dwar in-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont u l-impunità totali tal-awturi tar-reati u dwar il-vjolazzjonijiet imwettqa mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, inkluż l-allegat użu ta' armi kimiċi; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz u jużaw kull mezz disponibbli għalihom biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda lok għall-impunità u li dawk responsabbli għad-delitti tal-gwerra, għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u għall-vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali jinżammu responsabbli u jiġu sanzjonati kif xieraq;
10. Ifakkar lill-Gvern ta' Assad u lill-partijiet l-oħrajn li anke fil-qafas tal-ġlieda kontra t-terroriżmu ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-fatt li l-popolazzjoni ċivili tiġi kkastigata permezz ta' assedji, ġuħ, bumbardamenti indiskriminati u ċaħda ta' sokkors mediku u umanitarju, u li tali azzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra; jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġja l-varar tal-investigazzjonijiet indipendenti tan-NU dwar il-vjolazzjonijiet imwettqa fil-Lvant ta' Ghouta, f'Afrin u f'Idlib u jagħti lit-tali varar l-appoġġ sħiħ tiegħu;
11. Jilqa' l-Konferenza ta' Brussell 2 ospitata mill-UE li se ssir fl-24 u l-25 ta' April bħala pass importanti biex il-kunflitt Sirjan jinżamm fuq nett tal-aġenda internazzjonali; jenfasizza li l-għan tal-konferenza huwa li jiġu espressi appoġġ politiku għall-Proċess ta' Ġinevra u għall-prospett ta' rikonċiljazzjoni fis-Sirja u sostenn ekonomiku għas-Sirjani fil-bżonn, kif ukoll għal dawk il-pajjiżi li qed jospitaw ir-rifuġjati Sirjani;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u biex jiżgura li dan it-test ikun tradott bl-Għarbi.