Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0142/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0142/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

12.3.2018 - (2018/2626(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Barbara Lochbihler, Bodil Valero, Bart Staes, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Yannick Jadot, Molly Scott Cato, Judith Sargentini, Heidi Hautala, Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0139/2018

Proċedura : 2018/2626(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0142/2018
Testi mressqa :
B8-0142/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0142/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

(2018/2626(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja[1],

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem li s-Sirja hija Stat Parti tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2401 (2018) tal-24 ta' Frar 2018 u r-riżoluzzjoni 2139 (2014) tat-22 ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja, inklużi dawk tat-3 ta' April 2017 li adottaw l-istrateġija tal-UE għas-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), u r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar is-Sirja, inklużi dawk tal-5 ta' Marzu 2018 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant ta' Ghouta,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A-71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-21 ta' Diċembru 2016, dwar Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-gwerra fis-Sirja saret waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji fl-istorja reċenti u għadha tħalli konsegwenzi devastanti għall-poplu Sirjan; billi dan il-kunflitt, appoġġat u aggravat minn atturi esterni, qiegħed ikollu impatt dejjem aktar destabbilizzanti fuq ir-reġjun tal-madwar u lil hinn;

B.  billi aktar minn 400 000 ruħ, fil-parti l-kbira tagħhom ċivili, tilfu ħajjithom sa mill-bidu tal-kunflitt fis-Sirja fl-2011; billi 13,1 miljun ruħ għandhom bżonn urġenti ta' assistenza umanitarja, fosthom aktar minn 6 miljun persuna spostata u aktar minn 2,9 miljun ruħ f'żoni assedjati u diffiċli li jintlaħqu, inklużi r-rifuġjati Palestinjani; billi aktar minn 5 miljun Sirjan kellhom isibu kenn barra minn pajjiżhom, prinċipalment fil-pajjiżi ġirien bħal-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija;

C.  billi skont id-dritt internazzjonali, il-partijiet belliġeranti huma obbligati jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu ċ-ċivili u l-infrastrutturi ċivili; billi l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali ġie kommess min-naħat kollha, b'mod partikolari mir-reġim Sirjan u l-alleati Russi u Iranjani tiegħu; billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja, is-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjaraw li ġew kommessi delitti kontra l-umanità kif ukoll delitti tal-gwerra fis-Sirja;

D.  billi l-vjolazzjonijiet li ġew kommessi matul il-kunflitt Sirjan jinkludu qtil extraġudizzjarju, tortura u trattament ħażin, għajbien furzat, arresti tal-massa u arbitrarji, attakki mmirati u indiskriminati kontra ċivili, kastigi kollettivi, attakki kontra persunal mediku u tiċħid ta' ikel u ilma; billi r-reġim ta' Assad huwa, skont rapporti, responsabbli mill-forka, atti ta' tortura u qtil extraġudizzjarju fuq skala tal-massa fil-faċilitajiet ta' detenzjoni tiegħu, kif ukoll l-użu ta' attakki kimiċi kontra bersalli ċivili; billi dawn id-delitti s'issa baqgħu mingħajr kastig;

E.  billi r-riskju ta' aggravar tat-tensjoni fir-reġjun għadu għoli, bl-involviment dejjem akbar tal-atturi reġjonali, fosthom it-Turkija, li għamlet attakk militari kontra l-forzi Kurdi fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Afrin fl-20 ta' Jannar 2018, u Iżrael, li għamel attakki mill-ajru kontra bersalli militari Sirjani fis-7 ta' Frar 2018; billi fi Frar 2018, il-gvern tal-Istati Uniti ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jżomm it-truppi sine die fis-Sirja;

F.  billi filwaqt li l-livell tal-vjolenza x'aktarx naqas f'xi nħawi tal-pajjiż, fi bnadi oħra għad hemm ġlied mhux ħażin, partikolarment f'żewġ żoni tal-Lvant ta' Ghouta u Idlib, ikkontrollati, fil-biċċa l-kbira, mill-ġiħadisti; billi r-reġim ta' Assad, bl-appoġġ tal-alleati Russi u Iranjani tiegħu, qiegħed jagħmel offensivi militari u bumbardamenti qawwijin f'dawn l-enclaves, li ħallew mijiet ta' ċivili mejta; billi l-forzi fil-Lvant ta' Ghouta ġew akkużati mir-reġim ta' Assad b'bumbardamenti ta' distretti ċivili f'Damasku; billi s-sitwazzjoni umanitarja tal-400 000 ruħ fil-Lvant ta' Ghouta – li ilu aktar minn ħames snin taħt assedju – iddeterjorat sostanzjalment matul dawn l-aħħar ġimgħat b'żieda qawwija ta' bumbardamenti indiskriminati u attatti mmirati kontra sptarijiet u infrastrutturi ċivili oħrajn; billi ġie rrapportat li ntużaw armi kimiċi;

G.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2401 fl-24 ta' Frar 2018, li teżiġi lill-partijiet kollha fil-kunflitt Sirjan iwaqqfu minnufih l-ostilitajiet għal tal-anqas 30 ġurnata konsekuttiva biex titħalla l-kunsinna ta' assistenza umanitarja u l-evakwazzjoni tal-morda u tal-feruti b'mod gravi; billi r-riżoluzzjoni affermat li l-waqfien tal-ostilitajiet ma japplikax għall-operazzjonijiet militari fil-konfront tal-gruppi militanti bħad-Da'esh, Al Qaeda, Al Nusra u gruppi terroristiċi oħrajn rikonoxxuti bħala tali mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

H.  billi r-reġim ta' Assad, bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, sfaċċatament injora r-riżoluzzjoni 2401 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u intensifika l-bumbardamenti tiegħu kif ukoll kompla jieħu kontroll tat-territorju, li jsostni huwa okkupat mit-terroristi; billi sussegwentement ir-Russja pproponiet pawża ta' ħames sigħat għall-operazzjonijiet militari biex jitħallew il-kunsinna u l-aċċess tal-għajnuna umanitarja; billi trakk tal-ewwel għajnuna wasal fil-Lvant ta' Ghouta fil-5 ta' Marzu 2018 iżda safa taħt attakk u billi l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar irrapporta li r-Russja mblukkat il-kunsinna tal-provvisti mediċi; billi l-eżiġenzi umanitarji tal-popolazzjoni maqbuda għadhom drammatikament għoljin u insodisfatti;

I.  billi n-negozjati li saru Ġinevra s'issa ma rriżultawx fi progress konkret lejn soluzzjoni tal-kunflitt, wara d-disa' ċiklu fi Vjenna fil-25 u s-26 ta' Jannar 2018; billi fl-4 ta' Mejju 2017 ir-Russja, l-Iran u t-Turkija laħqu ftehim fil-Każakistan biex jistabbilixxu erba' żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflit (fosthom il-Lvant ta' Ghouta), li spiss, minn dak iż-żmien, ma ġiex rispettat; billi l-ħolqien ta' kumitat kostituzzjonali tħabbar fil-Kungress tad-Djalogu Nazzjonali Sirjan li sar Sochi fit-30 ta' Jannar 2018, iżda ma kienx ġie aċċettat mill-partijiet kollha;

J.  billi l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna umanitarja fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien, b'aktar minn EUR 9 biljun impenjati sa mill-bidu tal-kriżi;

K.  billi fit-3 ta' April 2017 il-Kunsill adotta strateġija tal-UE għas-Sirja, li jiddelinja sitt objettivi ewlenin: it-tmiem tal-gwerra permezz ta' tranżizzjoni politika ġenwina; il-promozzjoni ta' tranżizzjoni sinifikanti u inklużiva; l-indirizzar tal-eżiġenzi umanitarji tas-Sirjani l-aktar vulnerabbli; il-promozzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni billi jissaħħu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Sirjana; il-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-gwerra u l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni u tas-soċjetà Sirjana;

L.  billi t-tieni konferenza ministerjali dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u r-Reġjun se ssir Brussell fl-24 u l-25 ta' April 2018 taħt il-kopresidenza tal-VP/RGħ u tan-NU; billi l-konferenza se timmira li żżomm l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali fuq is-Sirja;

M.  billi fi Frar 2018, il-Koalizzjoni Globali, immexxija mill-Istati Uniti, kontra Da'esh u l-alleati tiegħu rrapportat li lliberat aktar minn 98 % taż-żona li qabel kienet taħt il-kontroll ta' Da'esh, kif ukoll 7,7 miljun ruħ mill-Iraq u mis-Sirja li kienu taħt il-ħakma ta' Da'esh; billi l-Koalizzjoni rrapportat li wettqet total ta' 29 070 attakk bejn Awwissu 2014 u Jannar 2018; billi l-Grupp tal-Koalizzjoni għall-Valutazzjoni tal-Vittmi Ċivili rrapporta li n-numru totali ta' vittmi ċivili mhux intenzjonali, fi tmiem Settembru 2017, laħaq 786; billi l-organizzazzjoni nongovernattiva Airwars stmat li fl-azzjonijiet tal-Koalizzjoni x'aktarx mietu 9 300 ċivil;

N.  billi fl-1 ta' Frar 2018 il-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja rrapportat li fil-parti tat-Tramuntana ta' Raqqah u Hasakah, il-Forzi Demokratiċi Sirjani internaw 80 000 persuna spostata internament, fosthom nisa u tfal, bil-għan li jiġu kkontrollati għal konnessjonijiet possibbli mal-IS/Da'esh u kkonkludiet li f'bosta każijiet, l-internament li għaddej għal dawk l-individwi huwa ekwivalenti għat-tiċħid arbitrarju tal-libertà u d-detenzjoni illeġittima ta' eluf ta' individwi;

O.  billi l-kap tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Sirja, Ali Mamlouk, inkluż fil-lista ta' sanzjonijiet tal-UE, iltaqa', skont rapporti, mal-Ministru tal-Intern Taljan u mad-Direttur tal-Aġenzija għall-Informazzjoni u s-Sigurtà Esterna f'Ruma, fi ksur flagranti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

P.  billi r-rapport ta' Diċembru 2017 ta' Conflict Armament Research, iffinanzjat mill-UE, bit-titolu "Weapons of the Islamic State" (L-armi tal-Istat Iżlamiku), sab li kwantità kbira ta' armi u munizzjon ġew ripetutament esportati mill-Bulgarija u mir-Rumanija kemm lill-Istati Uniti kif ukoll lill-Arabja Sawdija u ritrasferiti, f'ċerti każijiet, lejn gruppi mhux statali fis-Sirja u fl-Iraq, fatt li jikkostitwixxi ksur dirett ta' impenji speċifiċi ta' nonriesportazzjoni; billi r-rapport jiddikjara li dawn ir-ritrasferimenti mhux awtorizzati huma sors sinifikanti ta' armi u munizzjon tal-IS; billi dawn ir-ritrasferimenti ripetuti u sistematiċi kisru klawsoli f'ċertifikati tal-utent finali u billi l-Istati Membri huma obbligati, skont is-seba' kriterju tal-Pożizzjoni Komuni, ġuridikament vinkolanti, tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjonijiet ta' armi, jieħdu kont ta' dan il-ksur ta' impenn fid-deċiżjonijiet futuri relatati mal-ħruġ ta' liċenzji ta' esportazzjoni;

1.  Jesprimi t-tħassib serju ħafna tiegħu dwar l-aggravar tal-kunflitt fis-Sirja f'dawn l-aħħar ġimgħat, minħabba l-involviment estern ulterjuri, il-frammentazzjoni interna u l-qtil brutali ta' ċivili, anki fil-Lvant ta' Ghout u f'Afrin;

2.  Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' progress lejn soluzzjoni politika għall-kunflitt Sirjan; ifakkar li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari sostenibbli għall-kunflitt u jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jeżiġu l-waqfien minnufih tal-ostilitajiet, it-tmiem tal-assedji kollha, aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr restrizzjonijiet fil-pajjiż kollu u l-protezzjoni tal-operaturi umanitarji min-naħa tal-partijiet kollha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li jinħoloq mekkaniżmu ta' monitoraġġ, verifika u rapportar tal-waqfien mill-ġlied taħt it-tmexxija tan-NU;

3.  Jikkundanna, għal darb'oħra u bil-qawwa kollha, l-atroċitajiet u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali kommess mill-forzi tar-reġim ta' Assad bl-appoġġ tal-alleati tiegħu kif ukoll ta' gruppi armati mhux statali; jistieden lill-partijiet kollha jawtorizzaw l-aċċess tal-osservaturi indipendenti għall-postijiet ta' detenzjoni kollha, kif ukoll jilliberaw it-tfal, in-nisa, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità kollha miżmuma f'detenzjoni;

4.  Jikkundanna l-inkursjoni tat-truppi Torok fis-Sirja tat-Tramuntanta bħala ksur tad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Gvern Tork jirtira minnufih it-truppi tiegħu u jiżvolġi rwol kostruttiv fil-kunflitt Sirjan, fatt li huwa wkoll fl-interessi nazzjonali tat-Turkija;

5.  Jinsisti li l-inizjattivi diplomatiċi bi tmexxija Russa ma jippreġudikawx l-isforzi tan-NU biex tinstab soluzzjoni politika; itenni, f'dan il-kuntest, il-primat kontinwu tal-proċess ta' Ġinevra taħt it-tmexxija tan-NU u jsostni l-isforzi li saru minn Staffan de Mistura, il-Mibgħut Speċjali tan-NU, biex tkun garantita tranżizzjoni politika ġenwina konkormi mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; itenni l-importanza li jkunu inklużi n-nisa fil-proċess ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt, konformement mar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinsisti wkoll fuq l-importanza li jkunu inklużi s-soċjetà ċivili Sirjana u l-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha fid-djalogi dwar il-futur u l-istruttura ta' governanza tas-Sirja;

6.  Huwa mwaħħax bl-għajbien ta' Razan Zaitouneh, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Sakharov, li, skont rapporti, inħatfet f'Douma f'Diċembru 2013 mill-grupp armat Jaysh al-Islam; jitlob il-ħolqien ta' task force tal-UE inkarigata li tikkoordina u tintensifika l-isforzi biex jinstab il-post fejn hi miżmuma u tiżgura r-rilaxx tagħha;

7.  Jesprimi tħassib għas-sitwazzjoni tal-popolazzjonijiet li jerġgħu lura fi nħawi kkontaminati minn residwi splussivi tal-gwerra, inklużi ż-żoni meħuda lura mill-IS/Da'esh, bħal Raqqah; jappella li tingħata attenzjoni partikolari li dawn il-popolazzjonijiet, b'mod partikolari biex ikunu stabbilizzati ż-żoni kkonċernati u jkun evitat li jerġa' jitfaċċa fenomenu ġdid simili għal Da'esh;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jfornu sostenn prattiku għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għas-Sirja, li tistabbilixxi bażi soda u komprensiva għal azzjoni msaħħa tal-UE fil-fażijiet kemm tal-kunflitt kif ukoll ta' wara l-kunflitt;

9.  Jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ tintensifika l-kuntatt tagħha mal-atturi reġjonali u lokali fil-kunflitt u t-tentattivi tagħha biex tinstab bażi komuni għall-paċi sabiex jitniedu diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tas-Sirja;

10.  Jilqa' pożittivament l-enfasi li saret fuq l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni Sirjana fl-istrateġija tal-UE għas-Sirja; jenfasizza li s-soċjetà ċivili Sirjana se tiżvolġi rwol ta' importanza vitali fir-rikostruzzjoni tal-koeżjoni u tal-kapital soċjali, fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u fl-għoti ta' servizzi bażiċi lis-Sirja; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom favur it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-popolazzjoni u tas-soċjetà ċivili Sirjana, inkluż bl-għajnuna ta' atturi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza (inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-minoranzi), id-demokrazija u l-emanċipazzjoni, fejn possibbli fit-territorji barra mill-kontroll tar-reġim ta' Assad u tal-gruppi terroristiċi rikonoxxuti bħala tali mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll tar-rifuġjati Sirjani li jgħixu f'eżilju fir-reġjun jew fl-Ewropa; jitlob, f'dan ir-rigward, żieda tal-appoġġ favur l-organizzazzjonijiet paċifiċi u demokratiċi tas-soċjetà ċivili Sirjana u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-Fond Madad, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jespandu l-kamp ta' applikazzjoni attwali tal-Fond Madad biex jippermetti l-irkupru aktar kmieni u l-assistenza għar-reżiljenza fis-Sirja, fil-livell tal-unitajiet domestiċi u tal-komunità; jenfasizza li ċ-ċittadini Sirjani għandhom jitħallew jaċċedu għall-prijoritajiet u għall-bżonnijiet tagħhom għall-irkupru, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jallokaw riżorsi adegwati għal stħarriġiet tal-bżonnijiet ta' rkupru li jkunu lokalizzati, speċifiċi fil-kontenut u sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru; jisħaq fuq il-fatt li tali valutazzjonijiet iridu jkunu indipendenti mill-Gvern Sirjan u għandhom jitlestew qabel ma jinbdew il-proġetti;

12.  Jistenna b'interess il-Konferenza ta' Brussell imminenti dwar l-appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun; jisħaq fuq il-fatt li l-eżiġenzi umanitarji se jibqgħu kritiċi għas-snin li ġejjin u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu l-impenn fit-tul tagħhom biex ikunu sodisfatti dawn l-eżiġenzi umanitarji tal-poplu tas-Sirja u l-preparazzjoni tagħhom għall-isforzi ta' rikostruzzjoni b'segwitu għal ftehim politiku approvat min-NU; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw il-parteċipazzjoni sinifikattiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili Sirjana qabel, matul u wara l-Konferenza ta' Brussell;

13.  Jilqa' favorevolment l-impenn tal-UE favur l-għajnuna umanitarja li għaddejja bħalissa għall-pajjiżi ġirien tas-Sirja li qed jospitaw miljuni ta' rifuġjati; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri juru impenn ferm aktar qawwi favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, li tippermetti lir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra tas-Sirja biex isibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat immedjat permezz ta' risistemazzjoni, skemi ta' ammissjoni umanitarja, riunifikazzjoni semplifikata tal-familji u regolamenti aktar flessibbli dwar il-viżi;

14.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha juru rispett rigoruż għall-prinċipju ta' non-refoulement u jsostnu pubblikament li huma kontra r-ritorn furzat li għaddej ta' Sirjani li attwalment jinsabu fil-pajjiżi ġirien tas-Sirja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jeskludu espliċitament kwalunkwe ftehim skont liema r-reġim ta' Assad jieħu lura lir-rifuġjati Sirjana bħala skambju għall-għajnuna tar-rikostruzzjoni;

15.  Jiddeplora bil-qawwa l-impunità li minnha jgawdu l-awturi tar-reati gravi fis-Sirja; iqis li n-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont iwassal għal aktar atroċitajiet u jkompli jżid it-tbatija tal-vittmi; jinsisti, għaldaqstant, fuq il-bżonn li l-awturi kollha ta' reati jagħtu kont ta' għemilhom u jagħtu riżarċiment lill-vittmi;

16.  Jinsisti li tittieħed aktar azzjoni mill-UE f'dan il-qasam, anki permezz tal-adozzjoni ta' strateġija tal-UE dwar l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tad-delitti atroċi kommessi fis-Sirja, li tirrifletti wkoll ir-rwol importanti li jiżvolġu l-Istati Membri f'dan ir-rigward, u jistieden lill-VP/RGħ tassumi rwol proattiv f'din il-kwistjoni;

17.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jeżaminaw, f'koordinament mill-qrib ma' pajjiżi bl-istess fehma, il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja, sakemm isir riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jestendu l-appoġġ neċessarju kollu lill-MIII;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex dawk li allegatament ikkommettew delitt jagħtu kont ta' għemilhom, b'mod partikolari permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali u permezz tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta' ċittadini tal-UE responsabbli għal delitti atroċi fis-Sirja; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-isforzi ta' ċerti Stati Membri, partikolarment il-Ġermanja u l-Iżvezja, biex jinvestigaw id-delitti atroċi kommessi fis-Sirja, u biex l-atturi ta' dawn id-delitti jagħtu kont ta' għemilhom; josserva l-ħidma importanti tan-netwerk Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra u jistieden lill-VP/RGħ u lid-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi jsostnu u jinkludu lin-netwek fl-isforzi futuri ta' rendikont rigward is-Sirja;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, partikolarment l-iffriżar tal-assi tal-individwi elenkati fiha u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni ta' persuni li qegħdin jibbenefikaw mir-reġim ta' Assad jew jappoġġawh; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti reċenti ta' vjolazzjonijiet ta' din id-deċiżjoni u jfakkar lill-Istati Membri bl-obbligu tagħhom, fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, li jiżguraw l-arrest u d-detenzjoni tas-suspetti ta' delitti atroċi preżenti fit-territorju tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw jadottaw miżuri mmirati addizzjonali fil-konfront ta' dawk responsabbli għad-delitti kommessi fil-Lvant ta' Ghouta;

20.  Jinsab maħsud bl-ammont ta' armi u munizzjon, iffabbrikati fl-UE, li nstabu f'idejn Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq; josserva l-falliment tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-applikazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK dwar l-esportazzjonijiet ta' armi fir-rigward tar-ritrasferimenti li jiksbu ċ-ċertifikati tal-utent finali; jistieden lill-Istati Membri kollha jirrifjutaw fil-futur trasferimenti simili, partikolarment lejn l-Istati Uniti u l-Arabja Sawdija, u jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri, partikolarment lill-Bulgarija u lir-Rumanija, jispjegaw il-passi li ttieħdu f'dan il-kwistjoni; jistieden lis-SEAE jindirizza l-bosta każijiet li kixef ir-rapport reċenti ta' Conflict Armament Research u jeżamina metodi aktar effikaċi għall-valutazzjoni tar-riskju ta' devjazzjoni fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM) u f'fora rilevanti, anki billi r-rispett tas-seba' kriterju tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK isir obbligu ġuridiku bħala parti tar-rieżami imminenti ta' dan id-dokument; jiddeċiedi li jagħti bidu għal investigazzjoni f'din il-kwistjoni;

21.  Ifakkar li kwalunkwe miżura meħuda biex jiġu miġġielda Da'esh u gruppi terroristiċi rikonoxxuti bħala tali mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU trid tirrispetta b'mod rigoruż id-dritt internazzjonali jistieden lill-Istati Membri u lill-alleati tagħhom, speċjalment l-Istati Uniti, jiżguraw it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u dak tad-drittijiet tal-bniedem fil-parteċipazzjoni tagħhom fl-isforzi ta' koalizzjoni internazzjonali u rigward il-kooperazzjoni militari tagħhom mal-partijiet involuti fil-kunflitt;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tan-NU u tal-Lega Għarbija għas-Sirja, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza