MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
12.3.2018 - (2018/2626(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Karol Karski, Monica Macovei, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Zdzisław Krasnodębski, Pirkko Ruohonen-Lerner, Ryszard Czarnecki, Urszula Krupa, Jan Zahradil, Anna Elżbieta Fotyga, Branislav Škripek, Valdemar Tomaševski f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0139/2018
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sirja, adottata mill-Kunsill fit-3 ta' April 2017,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sirja, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2254 (2015) u 2401 (2018),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti fis-Sirja, fosthom dawk tal-14 ta' Novembru 2016[1], tal-20 ta' Marzu 2017[2] u tas-26 ta' Far 2018[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħha,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati tas-sena 2000,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza "Insostnu lis-Sirja u lir-reġjun", li saret f'Londra fi Frar 2016,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza "Insostnu l-futur tas-Sirja u tar-reġjun", li saret fi Brussell fl-4 u l-5 ta' April 2017, kif ukoll il-konferenzi preċedenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, li saru fil-Kuwajt, f'Berlin u f'Helsinki,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Memorandum dwar il-ħolqien ta' żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, iffirmat mill-Iran, mir-Russja u mit-Turkija, fis-6 ta' Mejju 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-gwerra fis-Sirja issa daħlet sew fis-seba' sena tagħha u l-kunflitt wassal għall-mewt ta' aktar minn 400 000 ruħ, eluf aktar indarbu, 13,5 miljun ruħ jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti u 5 miljun ruħ qed jgħixu bħala rifuġjati fil-pajjiżi tal-viċinat;
B. billi l-gwerra involviet gradwalment setgħat reġjonali u dinjija, ħarġet fid-dieher firdiet kbar, u heddet is-sigurtà reġjonali u internazzjonali usa';
C. billi minkejja bosta sforzi, inkluż permezz tan-Nazzjonijiet Uniti, il-komunità internazzjonali ripetutament naqset milli ssib soluzzjoni sostenibbli u paċifika biex tintemm il-gwerra, biex is-sitwazzjoni umanitarja mwiergħa tiġi indirizzata b'mod xieraq u individwi ħatja ta' attakki kontra nies ċivili jitressqu quddiem il-ġustizzja;
D. billi r-Russja hija fost is-sostenituri internazzjonali l-aktar importanti tal-President Sirjan Bashar al-Assad, u billi s-sopravvivenza tar-reġim hija ta' importanza kritika għaż-żamma tal-interessi Russi fil-pajjiż; billi r-Russja użat il-veto kontra bosta riżoluzzjonijiet li kkritikaw lill-President Assad fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u għadha qed tipprovdi appoġġ militari lir-reġim Sirjan minkejja l-kundanna internazzjonali;
E. billi fl-24 ta' Frar 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU unanimament adotta r-Riżoluzzjoni 2401 li titlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu l-ostilitajiet għal mill-inqas 30 jum konsekuttivi sabiex jippermettu li tingħata għajnuna umanitarja u sabiex il-persuni morda u midruba b'mod kritiku jkunu jistgħu jiġu evakwati għal raġunijiet mediċi fiż-żona tal-Lvant ta' Ghouta viċin Damasku; billi, minkejja l-pawża, l-isparar u l-attakki mill-ajru komplew;
F. billi mill-inqas 541 persuna ġew maqtula minn mindu żdiedu l-attakki fuq il-Lvant ta' Ghouta x-xahar li għadda; billi madwar 393 000 persuna ċivili jingħad li jinsabu maqbuda fiż-żona, li ilha assedjata mill-Gvern Sirjan sa mill-2013; billi ġie rrappurat li ntefgħu bombi bettija u projettili fir-reġjun, u li ngħalqu bosta sptarijiet;
G. billi l-Gvern Sirjan ċaħad li qed jimmira lil persuni ċivili u jiddikjara li qed jipprova jillibera lil-Lvant ta' Ghouta mit-'terroristi';
H. billi l-Gvern Sirjan, sa minn Novembru 2017, iffoka l-assedju tiegħu fuq il-Lvant ta' Ghouta, li wassal għal inqas provvisti tal-ikel, bir-riżultat li madwar 12 % tat-tfal taħt il-ħames snin maqbuda fiż-żona qed ibatu minn nuqqas ta' ikel akut; billi hemm ukoll nuqqas serju ta' provvisti mediċi u t-tobba huma mġiegħla jikkuraw lill-pazjenti feruti gravi mingħajr sustanzi għal anestesija ġenerali, antibijotiċi fil-vini, boroż tad-demm jew faxex nodfa; billi l-organizzazzjonijiet umanitarji jgħidu li jeħtieġ li jkunu ċerti li jkun hemm xi waqfien mill-ġlied fuq il-post qabel ma jkunu jistgħu jibagħtu ħaddiema umanitarji, vetturi u provvisti;
I. billi fl-2016, ir-reġim Sirjan ċaħad għajnuna umanitarja lil madwar 275 000 persuna ċivili fil-Lvant ta' Aleppo, u b'hekk naqas milli jieħu azzjoni biex jipproteġi d-dritt fundamentali għall-ħajja tal-bniedem;
I. billi l-gruppi tal-oppożizzjoni armati, inkluż l-Istat Iżlamiku/Daesh, ibbumbardjaw żoni ċivili b'mod indiskriminat, użaw lil persuni ċivili bħala tarki umani u ssuġġettaw żoni ċivili b'mod predominanti għal assedji mtawla, u b'hekk illimitaw l-aċċess għall-għajnuna umanitarja u medika;
J. billi s-Sirja hija firmatarja għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u kienet qablet li, fl-2013, teqred il-ħażna tal-armi kimiċi tagħha wara li attakk bis-sarin, sustanza li tattakka s-sistema nervuża, qatel mijiet ta' nies fis-subborgi ta' Damasku okkupati mir-ribelli; billi r-reġim Sirjan ġie akkużat li, b'mod ripetut sa mill-2013, uża armi kimiċi pprojbiti fil-gwerra ċivili; billi, skont rapport ġdid tan-NU, il-Korea ta' Fuq ilha tibgħat tagħmir lis-Sirja li jista' jintuża biex jinħadmu armi kimiċi;
K. billi l-użu tat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mifruxa ta' żoni popolati eskalaw b'mod drammatiku matul dawn l-aħħar seba' snin, hekk li għadd kbir ta' Sirjani sfaw spostati u ħafna ġew furzati jitbiegħdu aktar mill-għajnuna umanitarja li tant jeħtieġu;
L. billi ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fis-Sirja, u ebda ftehim ta' paċi sinifikanti jew li jirnexxi li permezz tiegħu l-President Bashar al-Assad jibqa' fil-poter;
M. billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iffirmat u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE, jafferma li jeħtieġ li l-aktar delitti serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, ma jitħallewx fl-impunità;
N. billi d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxu l-attakki fuq individwi jew gruppi abbażi tal-identità reliġjuża jew etnika, kif ukoll attakki kontra persuni ċivili li ma jiħdux sehem fl-ostilitajiet, u kontra individwi li jwasslu l-għajnuna umanitarja lin-nies maqbudin fil-kunflitt; billi dawn l-azzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
O. billi l-forzi tas-sigurtà Sirjani arrestaw, u għadhom iżommu, għexieren ta' eluf ta' nies, fosthom attivisti paċifiċi, ħaddiema umanitarji, avukati u ġurnalisti, filwaqt li jissoġġettaw lil ħafna minnhom għal għajbien furzat, tortura jew trattament ħażin ieħor, u kkawżaw imwiet f'faċilitajiet ta' detenzjoni.
P. billi s-Sirja ġiet sospiża mil-Lega Għarbija fl-2011 minħabba li ma waqqfitx it-tixrid ta' demm fil-pajjiż;
1. Jikkundanna bla riżervi l-attakki indiskriminati fuq il-persuni ċivili u fuq l-infrastrutturi mill-forzi tal-Gvern Sirjan u l-alleati tiegħu, inkluża r-Russja, b'mod partikolari permezz ta' bumbardamenti mill-ajru u b'artillerija, bombi bettija, munizzjonijiet dispersivi u armi kimiċi u oħrajn ipprojbiti fil-livell internazzjonali;
2. Jiddeplora l-fatt li aktar minn 400 000 ruħ inqatlu u eluf aktar sfaw midruba minħabba l-bumbardamenti, l-isparar u mezzi militari oħra fis-Sirja tul is-seba' snin ta' kunflitt, u li miljuni ġew spostati, filwaqt li l-persuni ċivili ma tħallewx ikollhom aċċess għal ikel, ilma, sanità u kura tas-saħħa bħala konsegwenza tal-assedji twal ta' żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni;
3. Jemmen li l-immirar intenzjonat tal-persuni ċivili, l-użu organizzat tat-tortura u tal-vjolenza sesswali, il-privazzjoni tal-għajnuna umanitarja u l-użu tal-munizzjonijiet inċendarji u oħrajn kontra bersalli u infrastrutturi ċivili jikkostitwixxi delitti tal-gwerra;
4. Jitlob li jitwaqqfu immedjatament il-bumbardamenti u l-attakki indiskriminati kontra l-persuni ċivili, il-ħaddiema umanitarji u l-faċilitajiet mediċi fis-Sirja sabiex tkun tista' ssir l-evakwazzjoni tal-każijiet l-aktar urġenti mil-Lvant ta' Ghouta u minn żoni assedjati oħrajn bħal Yarmouk, Foua u Kefraya; jinsisti li l-partijiet kollha għandhom jieqfu jċaħħdu lill-persuni ċivili mill-ikel u l-mediċini essenzjali u li atti bħal dawn jiksru d-dritt internazzjonali;
5. Ifakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt li l-persunal tal-isptarijiet u mediku huwa espliċitament protett fl-ambitu tad-dritt umanitarju internazzjonali, u li l-immirar intenzjonat ta' persuni ċivili u ta' infrastrutturi ċivili jikkostitwixxi delitti tal-gwerra;
6. Jiddispjaċih ħafna għall-falliment tal-isforzi ripetuti reġjonali u internazzjonali biex iwaqqfu l-gwerra, u jħeġġeġ kooperazzjoni globali mġedda u intensiva sabiex tinkiseb soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt;
7. Jiddispjaċih ferm li r-Russja użat il-veto kontra bosta riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bil-għan li jintemm il-kunflitt fis-Sirja, u li tappoġġa lir-reġim ta' Assad, li huwa primarjament responsabbli għall-attakki indiskriminati fuq il-persuni ċivili u fuq l-infrastrutturi ċivili;
8. Jistieden lir-Russja u lill-Iran b'mod partikolari jużaw l-influwenza tagħhom biex jikkonvinċu lill-President Bashar al-Assad u lill-partijiet l-oħra involuti fil-kunflitt biex jabbandunaw l-operazzjonijiet militari tagħhom u jimpenjaw ruħhom immedjatament fi proċess ta' paċi mmexxi min-NU;
9. Jirrifjuta kwalunkwe rwol għall-President Bashar al-Assad fis-Sirja ta' wara l-kunflitt;
10. Jappoġġa l-prosekuzzjoni quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali ta' dawk l-individwi akkużati li wettqu attakki indiskriminati fuq il-popolazzjonijiet ċivili, li ċaħħdu deliberament lil min kien qed imut bil-ġuħ mill-għajnuna umanitarja, li użaw armi kimiċi kontra persuni innoċenti, u li organizzaw l-użu tat-tortura u tal-vjolenza sesswali, u jwiegħed li jkompli jaħdem biex min hu responsabbli jagħti kont ta' għemilu fis-Sirja;
11. Jappoġġa lir-Riżoluzzjoni 71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, adottata f'Diċembru 2016, li tappella għal mekkaniżmu ġdid biex jassisti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawk fis-Sirja responsabbli għad-delitti l-aktar serji skont id-dritt internazzjonali; jappoġġa, barra minn hekk, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jitolbu biex jitwaqqaf panel ta' livell għoli dwar detenzjonijiet arbitrarji u għajbien furzat;
12. Jibqa' impenjat favur l-għaqda, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tas-Sirja;
13. Jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, biex jipprova jilħaq ftehim internazzjonali dwar soluzzjoni paċifika sostenibbli;
14. Jiddispjaċih li l-Lega Għarbija ma użatx l-influwenza tagħha ma' partijiet involuti fil-kunflitt fis-Sirja biex tinkiseb riżoluzzjoni dejjiema u paċifika għall-kunflitt;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarjat Ġenerali tan-NU, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-viċinat tas-Sirja u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.