MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
12.3.2018 - (2018/2626(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marietje Schaake, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0139/2018
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949,
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), b'mod partikolari dik tat-23 ta' Frar 2018 dwar il-massakru fil-Lvant ta' Ghouta, kif ukoll il-kummenti tagħha mal-wasla fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-26 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-20 ta' Frar 2018 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju, Christos Stylianides, dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Lvant ta' Ghouta u Idlib, is-Sirja, u tas-6 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta u f'inħawi oħra fis-Sirja,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[2], u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar iż-żieda ta' żewġ ministri fil-lista tas-sanzjonijiet,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 intitolata "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja" (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza dwar "Appoġġ għall-Ġejjieni tas-Sirja u tar-Reġjun",
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Frar 2018 u tat-2 ta' Marzu 2018, kif ukoll l-aġġornament orali tiegħu tas-7 ta' Marzu 2018 dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju tiegħu u dwar żviluppi reċenti rigward id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2401 (2018) dwar waqfien tal-ostilitajiet ta' 30 jum fis-Sirja biex tkun tista' tingħata l-għajnuna umanitarja,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-5 ta' Marzu 2018 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant ta' Ghouta,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A-71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 2016 dwar Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, kif ukoll it-tribunali ad hoc, inkluż it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni fis-Sirja hija diżastru umanitarju straordinarju, u qed tkompli tmur għall-agħar hekk kif il-vjolenza u l-attakki jkomplu għaddejjin; billi 13-il miljun ruħ huma rreġistrati bħala li jeħtieġu xi forma ta' għajnuna umanitarja, li minnhom 6 miljuni huma tfal; billi 6,1 miljun ruħ huma spostati internament u aktar minn 5 miljun ruħ huma rreġistrati bħala rifuġjati Sirjani li jirrisjedu fir-reġjuni tal-viċinat; billi total ta' 400 000 Sirjan tilfu ħajjithom matul il-kunflitt;
B. billi 3 miljun ruħ qed jgħixu f'żoni taħt assedju (fosthom Raqqa u Deir-ez-Zor li, fl-2017, kellhom l-akbar numru ta' vittmi ċivili); billi fil-Grigal tas-Sirja qed jiġu attakkati l-infrastrutturi mediċi u ċivili, u dan wassal biex 300 000 ruħ kellhom ifittxu rifuġju f'Idlib;
C. billi mindu faqqgħet il-gwerra, l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 10,4 biljun f'għajnuna għall-kriżi Sirjana, kemm internament kif ukoll esternament fir-reġjun tal-viċinat, u b'hekk l-UE hija l-akbar donatur; billi l-UE appoġġjat ukoll b'mod sostanzjali u faħħret lill-pajjiżi tal-viċinat li jospitaw ir-rifuġjati;
D. billi l-ġlied fis-Sirja għadu għaddej, kif għadhom għaddejjin l-attakki u l-bombardamenti militari tar-reġim Sirjan kontra l-poplu tiegħu stess, bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran, fil-Lvant ta' Ghouta u Idlib, li qed iwasslu għal għexieren ta' vittmi ċivili; billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja ġiet iddikjarata ripetutament bħala estremament preokkupanti, u b'mod partikolari fil-Lvant ta' Ghouta, peress li l-kundizzjonijiet ddeterjoraw b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar ġimgħat, b'konvojs tal-għajnuna jiġu attakkati u mwaqqfa milli jaslu għand dawk li għandhom bżonn l-għajnuna; billi l-preżenza ta' gruppi terroristiċi bħal Jabhat Al Nusra (affiljat ma' Al-Qaeda) u ta' organizzazzjonijiet terroristiċi oħra fil-Lvant ta' Ghouta hija magħrufa u dokumentata sew; billi dawn l-attakki u t-tattika tal-gwerra li biha ċ-ċivili jitħallew imutu bil-ġuħ permezz ta' assedju kontra żoni popolati, jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali;
E. billi ħafna żoni assedjati preċedentement kienu ġew iddikjarati żoni sikuri għal nies li kienu ġew spostati bil-forza u li kienu ħarbu minn żoni oħra tas-Sirja;
F. billi l-vjolazzjonijiet imwettqa matul il-kunflitt Sirjan mir-reġim ta' Assad u l-alleati tiegħu, kif ukoll minn gruppi terroristiċi, jinkludu attakki mmirati, indiskriminati u b'armi kimiċi fuq ċivili, qtil extraġudizzjarju, tortura u trattament ħażin, għajbien furzat, arresti tal-massa u arbitrarji, kastigi kollettivi, attakki kontra persunal mediku u t-tiċħid ta' ikel u ilma u għajnuna medika;
G. billi mindu t-Turkija varat l-operazzjoni "Olive Branch" fl-20 ta' Jannar 2018 kontra l-forzi Kurdi tal-YPG l-YPJ fid-distrett Kurd ta' Afrin fil-Majjistral tal-provinċja ta' Aleppo, għexieren ta' eluf ta' nies ġew spostati u s-sitwazzjoni umanitarja ddeterjorat malajr; billi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw delitti tal-gwerra mwettqa mill-militar Torok u l-forza tal-ajru Torka, kif ukoll ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; billi eluf ta' ċivili qed jiġu attakkati permezz ta' bumbardamenti indiskriminati, u rapporti jiżvelaw l-użu ta' armi mhux konvenzjonali mit-truppi Torok u minn gruppi armati Iżlamisti Sirjani alleati magħhom;
H. billi l-ISIS/Da'esh u movimenti ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet u vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali, fosthom eżekuzzjonijiet brutali u vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u l-bniet; billi tfal qed jiġu rreklutati u użati f'attivitajiet terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar l-użu ta' ċivili bħala tarki umani fiż-żoni li jinsabu taħt il-kontroll tal-estremisti; billi dawn id-delitti jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;
I. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-aħħar irnexxielu jadotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, jiġifieri r-Riżoluzzjoni 2401, li tappella għall-waqfien "mingħajr dewmien" tal-ostilitajiet għal xahar, sabiex tkun tista' tingħata l-għajnuna umanitarja kif ukoll biex isiru evakwazzjonijiet mediċi; billi, f'dawn l-aħħar snin, ir-Russja użat il-veto tagħha għal 11-il riżoluzzjoni tal-KSNU u kellha rwol attiv fil-limitazzjoni tal-kontenut tar-riżoluzzjonijiet;
J. billi l-waqfien mill-ġlied fil-Lvant ta' Ghouta, iddikjarat fir-Riżoluzzjoni 2401 tal-KSNU, ma ġiex implimentat mir-reġim Sirjan u mill-forzi Iranjani, minkejja appelli ripetuti mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà, minn membri oħra tal-KSNU, mis-Segretarju Ġenerali tan-NU u minn atturi internazzjonali oħra, inkluża l-UE; billi l-armata avvanzat fuq diversi fronti, u ħadet il-kontroll ta' rħula u azjendi agrikoli filwaqt li attakkat min-naħa tal-Lvant tal-enklav; billi l-militar qed juża l-"liberazzjoni" tar-reġjun bħala skuża biex jattakka ċ-ċivili;
K. billi l-Lvant ta' Ghouta ilu taħt assedju mir-reġim Sirjan u l-alleati tiegħu għal 5 snin, u ċ-ċivili huma soġġetti għal bumbardamenti mill-arja, attakki mill-artillerija u l-użu ta' armi kimiċi, filwaqt li hemm rapporti li gass tossiku kien il-kawża ta' mijiet ta' mwiet fiż-żona; billi, minħabbba mblokk, in-nies li jgħixu fil-Lvant ta' Ghouta ilhom maqtugħin minn kwalunkwe forma ta' għajnuna mill-14 ta' Frar 2018, meta konvoj wieħed irnexxielu jilħaq lil 7 200 ruħ mill-400 000 ruħ li jgħixu fiż-żona; billi, illum minn qatt qabel, l-appoġġ għall-għajnuna umanitarja huwa preokkupazzjoni ewlenija, u dan wassal għal eżitu pożittiv żgħir wieħed meta konvoj tal-għajnuna tan-NU fl-aħħar irnexxielu jidħol Douma fil-5 ta' Marzu, u ta l-għajnuna lil 27 500 ruħ fil-bżonn ta' provvisti alimentari u mediċi;
L. billi din l-għajnuna għadha 'l bogħod ħafna milli tilħaq lil dawk kollha fil-bżonn f'Ghouta, peress li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni qed tistkenn taħt l-art, b'aċċess limitat jew b'ebda aċċess għall-komoditajiet bażiċi, għall-ilma u għas-sistema sanitarja; billi r-reġim ta' Assad u l-alleati tiegħu għadhom jimblukkaw attivament l-konsenja u l-amministrazzjoni ta' provvisti mediċi, alimentari u umanitarji vitali min-NU, mill-UE, minn NGOs u minn atturi lokali fis-Sirja kollha;
M. billi aktar rapporti dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta jindikaw li, f'dawn l-aħħar ġimgħat, attakki mill-ajru kontinwi kienu qed jolqtu apposta l-isptarijiet, l-iskejjel u s-swieq, fi kliem ieħor postijiet frekwentati primarjament minn ċivili innoċenti; billi t-tim tal-Mibgħut Speċjali ddikjara li total ta' 14-il sptar, 3 ċentri tas-saħħa u 2 ambulanzi ġew attakkati bejn it-18 u t-22 ta' Frar 2018; billi ftit jiem biss wara, fil-25 ta' Frar, ġie rrappurtat li f'Shifouniya diversi ċivili, inklużi tfal, kien qed ikollhom problemi respiratorji minħabba li ġew esposti għal sustanzi velenużi; billi djalogu interattiv fil-KSNU mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi u s-Sotto Segretarju Ġenerali tan-NU, Izumi Nakamitsu, huwa skedat għall-20 ta' Marzu;
N. billi r-reġim ta' Assad juża tattiki ta' spostament furzat sabiex jibdel il-kompożizzjoni settarja ta' bliet, irħula u reġjuni u jwettaq bidla demografika; billi tali tattiki ntużaw fi bliet bħal Darayya u Muadamiyat al-Sham barra Damasku, u fil-kwartier ta' Al-Waer fil-belt ta' Homs;
O. billi, fis-26 ta' Frar 2018, l-UE żiedet żewġ ministri ġodda fil-lista tas-sanzjonijiet – il-Ministru tal-Informazzjoni u l-Ministru tal-Industrija – minħabba n-numru jiżdied ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja; billi ġie rrappurtat li l-kap tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Sirja, Ali Mamlouk, li huwa inkluż fil-lista tas-sanzjonijiet tal-UE, iltaqa' mal-Ministru tal-Intern Taljan u mad-Direttur tal-Aġenzija Taljana għall-Informazzjoni u s-Sigurtà Esterna f'Ruma, bi ksur flagranti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK;
P. billi, f'April 2017, ir-Renju Unit ippropona, fil-kuntest tal-G7, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet addizzjonali kontra r-Russja wara l-attakk kimiku li qatel lil ħafna nies f'Khan Sheikhoun; billi l-Italja użat il-veto tagħha kontra din il-proposta;
Q. billi huwa l-obbligu tal-komunità internazzjonali u tal-istati individwali li jtellgħu l-qorti lil dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa matul il-kunflitt Sirjan, anke permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali kif ukoll tad-dritt nazzjonali; billi dan jista' jsir jew abbażi ta' rimedji nazzjonali u internazzjonali eżistenti, inklużi l-qrati nazzjonali u t-tribunali internazzjonali, jew ta' tribunali kriminali internazzjonali ad hoc li għad iridu jiġu stabbiliti; billi, minbarra din ir-responsabbiltà kriminali personali, anki stati jistgħu jiġu prosegwiti, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-ksur ta' obbligi skont it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom għandha ġurisdizzjoni l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, inkluża l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948;
R. billi l-komunità internazzjonali ma appoġġjatx biżżejjed lill-oppożizzjoni demokratika u sekulari; billi, fis-sitwazzjoni attwali, l-oppożizzjoni demokratika u sekulari hija mdgħajfa u ċ-ċivili huma maqbuda bejn it-terroristi ġiħadisti u l-fundamentalisti Iżlamiċi, minn naħa waħda, u s-sostenituri tar-reġim ta' Assad, min-naħa l-oħra;
S. billi l-UE ddikjarat ripetutament li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt Sirjan, u li hija biss tranżizzjoni inklużiva u mmexxija mis-Sirja taħt l-awspiċju tan-NU li tista' ttemm it-tbatija inaċċettabbli tal-poplu Sirjan; billi l-operazzjonijiet militari fil-prattika ddefinew il-gwerra fis-Sirja u wasslu biex atturi esterni, inklużi r-Russja, l-Iran u t-Turkija, jiddettaw it-termini fit-territorju; billi n-negozjati li saru f'Ġinevra s'issa ma wasslux għal progress konkret biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kriżi fis-Sirja, wara d-disa' ċiklu fi Vjenna fil-25 u s-26 ta' Jannar 2018; billi, fl-4 ta' Mejju 2017, ir-Russja, l-Iran u t-Turkija laħqu ftehim fil-Każakistan biex jistabbilixxu erba' żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt, li ma ġewx rispettati u protetti mill-garanti; billi l-Kungress tad-Djalogu Nazzjonali Sirjan li sar f'Sochi fit-30 ta' Jannar 2018 ħabbar il-ħolqien ta' Kumitat Kostituzzjonali, li ma ġiex aċċettat mill-partijiet kollha;
T. billi t-tieni konferenza ministerjali dwar "L-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u r-Reġjun" li se ssir fl-24 u l-25 ta' April 2018 se tkun kopreseduta mill-VP/RGħ u min-NU; billi, bħas-sena l-oħra, l-għan tal-Konferenza se jkun li żżomm l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali fuq is-Sirja, billi tindirizza l-kwistjonijiet kritiċi kollha (umanitarji, finanzjarji u politiċi) relatati mal-kriżi fil-pajjiż u fir-reġjun (il-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija); billi l-appoġġ u l-impenn tal-komunità internazzjonali għadhom essenzjali għal futur ta' paċi fis-Sirja u fir-reġjun;
U. billi l-isforzi tal-UE fl-għoti ta' appoġġ umanitarju u fl-ippjanar għall-ġejjieni tas-Sirja huma ta' min ifaħħarhom; billi l-UE qatt m'għandha tipprovdi assistenza mingħajr kundizzjonijiet għar-rikostruzzjoni ta' Sirja mmexxija u kkontrollata minn Assad u mill-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran; billi Assad, ir-Russja ta' Putin u l-Iran ma jistgħux jitħallew jaħslu jdejhom mill-konsegwenzi ekonomiċi tal-interventi militari tagħhom; billi kwalunkwe impenn għar-rikostruzzjoni jrid jiffavorixxi l-paċi u l-obbligu li jingħata rendikont;
V. billi r-rikostruzzjoni tas-Sirja għandha tkun ibbażata fuq approċċ minn isfel għal fuq, u fuq l-abilitazzjoni b'suċċess ta' atturi lokali, u b'hekk teskludi gruppi terroristi magħrufa;
1. Jiddeplora b'mod qawwi d-deterjorament drammatiku tas-sitwazzjoni fis-Sirja, li huwa konsegwenza diretta tal-attakki u l-azzjonijiet li għaddejjin min-naħa tar-reġim Sirjan u l-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran, u li diġà wassal għal aktar minn 400 000 ruħ mejta, 6,1 miljun persuna spostata fis-Sirja u 5 miljun rifuġjat; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda drammatika fil-vjolenza f'ħafna partijiet tal-pajjiż, bħalma huwa l-każ fil-Lvant ta' Ghouta, f'Afrin u f'Idlib;
2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li għaddejja fil-Lvant ta' Ghouta, minkejja l-adozzjoni unanima tar-Riżoluzzjoni 2401 tal-KSNU, u jappella b'urġenza lill-partijiet kollha, u b'mod partikolari lir-reġim ta' Assad, lir-Russja u lill-Iran, biex jimplimentaw u jirrispettaw dik ir-riżoluzzjoni b'mod sħiħ u b'urġenza; ifakkar lir-reġimi tas-Sirja, tar-Russja u tal-Iran li huma responsabbli taħt id-dritt internazzjonali għad-delitti faħxija li qed ikomplu jwettqu fis-Sirja, u li dawk li jwettqu delitti bħal dawn, kemm jekk stati jew individwi, ikollhom iwieġbu għal għemilhom; jiddeplora l-fatt li r-Russja użat il-veto kontra r-riżoluzzjonijiet kollha tal-KSNU li kkundannaw l-attakki u talbu li jsiru investigazzjonijiet;
3. Jilqa' l-fatt li fil-5 ta' Marzu 2018, għall-ewwel darba f'erba' xhur, konvoj bl-għajnuna tan-NU seta' jasal f'Douma fil-Lvant ta' Ghouta, iżda jenfasizza li tali aċċess sporadiku u limitat mhuwiex biżżejjed; jistieden lir-reġim Sirjan u lill-alleati tiegħu jwaqqfu minnufih il-vjolenza fil-Lvant ta' Ghouta u f'inħawi oħra fis-Sirja, u jwaqqfu l-assedji, il-bombardamenti deliberatament eċċessivi, sproporzjonati u indiskriminati u l-attakki kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, inklużi t-tfal, il-konvojs b'nies evakwati, il-persunal li jagħti l-għajnuna u tal-kura tas-saħħa, u infrastrutturi ċivili bħal skejjel u sptarijiet;
4. Jappoġġja bis-sħiħ l-appell li sar fir-Riżoluzzjoni 2401 tal-KSNU biex il-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu l-ostilitajiet mingħajr dewmien għal tal-anqas 30 jum konsekuttiv; itenni l-appell lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet Sirjani, biex jonoraw ir-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu lill-popolazzjoni Sirjana u jwaqqfu minnufih l-attakki kollha kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; jistieden lill-garanti kollha tal-waqfien mill-ġlied fiż-żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom bil-għan li jintemmu l-vjolenza u d-delitti mwettqa u li jiġi permess u ggarantit aċċess bla xkiel għal dawn iż-żoni;
5. Jikkundanna, għal darb'oħra u bl-aktar mod qawwi, l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa matul il-kunflitt, u b'mod partikolari l-atti mwettqa mill-forzi tar-reġim ta' Assad, anke bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran, kif ukoll mit-Turkija u minn gruppi armati mhux statali, b'mod partikolari l-ISIS/Da'esh u Jabhat Fateh al-Sham; jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu li dawk kollha responsabbli għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jridu jagħtu kont ta' għemilhom; itenni li, skont il-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali, qorti nazzjonali tista' tipproċedi kontra individwi għal kwalunkwe delitt serju li jikser id-dritt internazzjonali; jilqa' l-passi meħuda minn għadd ta' Stati Membri skont dan il-prinċipju u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra kollha jagħmlu l-istess; jilqa' wkoll l-inizjattivi minn Stati Membri bil-għan li individwi jagħtu kont ta' għemilhom skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jagħmlu l-vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali reat skont id-dritt nazzjonali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jressqu lill-Istat Sirjan quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għal vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura, li huwa firmatarju tagħha, sabiex ir-responsabbiltà tal-Istat tiġi stabbilita bħala mezz indirett għal determinazzjoni ġudizzjarja ta' responsabbiltà kriminali individwali fi stadju aktar tard; jiddeplora l-imblukkar kontinwu ta' tentattivi biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri biex jivvalutaw, f'koordinament mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra mwettqa fis-Sirja;
6. Għadu konvint li ma jista' jkun hemm ebda riżoluzzjoni effikaċi tal-kunflitt jew paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr responsabbiltà għad-delitti mwettqa; jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta stabbilita min-NU fit-twettiq ta' inkjesti indipendenti komprensivi dwar il-vjolazzjonijiet imwettqa fis-Sirja, inkluż l-użu ta' armi kimiċi; jilqa' l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011; jiddeplora l-fatt li dan il-mekkaniżmu għadu mhux iffinanzjat kompletament; jistieden lill-Istati Membri kollha jwettqu l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward; iqis li l-UE għandha wkoll tagħti kontribut dirett akbar lill-mekkaniżmu;
7. Jenfasizza r-rwol kritiku tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u vjolazzjonijiet oħra, inkluża l-qerda tal-wirt kulturali, anke b'mezzi diġitali; jappella lill-UE tfittex attivament lil tali organizzazzjonijiet, u tiffinanzjahom kif xieraq;
8. Ifaħħar l-isforzi tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja li jagħmlu ħilithom biex iwasslu l-għajnuna, l-ikel, l-ilma u l-mediċini tant meħtieġa lin-nies maqbuda fil-kunflitt, u jerġa' jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiżguraw aċċess bla xkiel tal-aġenziji umanitarji għaċ-ċivili affettwati mill-gwerra; jiddeplora d-diversi każijiet ta' abbuż sesswali u mġiba ħażina li nstab li twettqu fi ħdan organizzazzjonijiet tal-għajnuna internazzjonali, inkluż l-isfruttament sesswali tar-rifuġjati Sirjani minn dawk li kienu qed jagħtu l-għajnuna f'isem in-NU u f'isem organizzazzjonijiet internazzjonali magħrufa;
9. Jafferma mill-ġdid il-preminenza tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU u jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali għas-Sirja tan-NU, Staffan de Mistura, biex tinkiseb tranżizzjoni politika ġenwina u inklużiva, skont ir-Riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU, innegozjata mill-partijiet Sirjani kollha u bl-appoġġ ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin; jissottolinja l-importanza li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt;
10. Jistieden lill-VP/RGħ tagħmel kull sforz biex tagħti spinta lit-taħditiet ta' paċi bil-medjazzjoni tan-NU, u teżiġi rwol aktar attiv f'dawn in-negozjati, billi tuża l-kapaċità finanzjarja u r-rieda tal-UE li talloka riżorsi sinifikanti għar-rikostruzzjoni tas-Sirja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tinvolvi aktar mill-qrib u tappoġġja attivament lis-soċjetà ċivili Sirjana u lil dawk li jridu Sirja demokratika, pluralistika u inklużiva, fl-isforzi tagħha għall-futur tal-poplu Sirjan, u dan għandu jsir mit-Tieni Konferenza ta' Brussell li għandha ssir fl-24 u fil-25 ta' April 2018; iħeġġeġ lill-VP/RGħ taħdem mal-poplu Sirjan favur l-iżvilupp ta' strateġiji lokalizzati għar-rikostruzzjoni tad-diversi reġjuni tas-Sirja; jissottolinja li l-UE għandha tikkunsidra l-opzjonijiet kollha disponibbli fil-ħidma mas-sħab internazzjonali tagħha, inklużi l-paraxutaġġ ta' konsenji tal-għajnuna u l-istabbiliment ta' żoni ta' divjet ta' titjiriet;
11. Jilqa' ż-żamma tat-Tieni Konferenza ta' Brussell ospitata mill-UE bil-għan li jiġi espress u implimentat l-appoġġ politiku u ekonomiku sħiħ tal-komunità internazzjonali għall-proċess ta' Ġinevra għas-Sirjani fil-bżonn u għall-pajjiżi li jospitaw rifuġjati Sirjani; iwissi kontra l-bidu ta' kwalunkwe sforz ta' rikostruzzjoni qabel ma jkun hemm fis-seħħ ftehim politiku nnegozjat min-NU li jinvolvi lill-partijiet kollha; jistieden lill-VP/RGħ tinkludi b'mod iktar sħiħ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'din il-konferenza;
12. Jenfasizza l-importanza fundamentali li t-tfal jiġu protetti u li tingħata prijorità lill-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, inklużi t-tfal rifuġjati f'pajjiżi tal-viċinat, kif ukoll li tiġi appoġġjata r-riabilitazzjoni psikoloġika ta' dawn it-tfal trawmatizzati; jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji pendenti tagħha ta' appoġġ umanitarju fis-Sirja u fil-pajjiżi tal-viċinat;
13. Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom ferm aktar favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, b'tali mod li jippermettu lir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra fis-Sirja jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat dirett, anke permezz ta' skemi ta' risistemazzjoni u ta' akkoljenza umanitarja, u jwettqu dan l-impenn fil-prattika; huwa preokkupat dwar is-sentiment li qed jikber kontra r-rifuġjati fil-pajjiżi tal-viċinat tas-Sirja; itenni li ebda rifuġjat m'għandu jintbagħat lura s-Sirja kontra r-rieda tiegħu bħala parti minn ftehimiet ta' konvenjenza ma' partijiet involuti fil-kunflitt;
14. Jilqa' l-aħħar analiżi tal-miżuri ristrettivi tal-UE kontra s-Sirja, li wasslet biex jiżdiedu żewġ individwi li jikkondividu r-responsabbiltà għat-trażżin tal-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż fil-lista ta' persuni fil-mira; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żjara riċenti li ġie rrappurtat li saret mill-kap tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Sirja f'Ruma sabiex jinżammu hekk imsejħa taħditiet dwar is-sigurtà mal-Ministru tal-Intern Taljan u mad-Direttur tal-Aġenzija Taljana għall-Informazzjoni u s-Sigurtà Esterna, bi ksur flagranti tal-lista tas-sanzjonijiet tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet Taljani u lill-VP/RGħ jikkundannaw din iż-żjara bl-aktar mod qawwi possibbli; jistieden lill-VP/RGħ tagħti bidu minnufih għal investigazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi li fihom din is-sitwazzjoni setgħet tinħoloq; jistieden lill-Istati Membri kollha jirrispettaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK; jappella biex jiġu imposti sanzjonijiet addizzjonali fuq ir-Russja u l-Iran wara l-azzjonijiet immirati u deliberati tagħhom kontra l-popolazzjonijiet ċivili fil-Lvant ta' Ghouta kif ukoll fil-bqija tas-Sirja;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, filwaqt li tkun żgurata wkoll traduzzjoni Għarbija ta' dan it-test.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2017)0227.
- [2] ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.