Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0145/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0145/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-attakk mill-Istati Uniti fuq l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)

12.3.2018 - (2018/2566(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B80007/2018
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Esther Herranz García, Albert Deß, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Michel Dantin, Rosa Estaràs Ferragut, Santiago Fisas Ayxelà, Antonio López-Istúriz White, Gabriel Mato, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ramón Luis Valcárcel Siso, Verónica Lope Fontagné, Carlos Iturgaiz f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0137/2018

Proċedura : 2018/2566(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0145/2018
Testi mressqa :
B8-0145/2018
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B80145/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attakk mill-Istati Uniti fuq l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)
(2018/2566(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-investigazzjoni mħabbra mid-Dipartiment tal-Kummerċ u mill-Kummissjoni tal-Kummerċ Internazzjonali tal-Istati Uniti fit-13 ta' Lulju 2017 biex jiġi determinat jekk l-esportazzjonijiet ta' żebbuġ Spanjol misjur huma oġġett ta' dumping fis-suq tal-Istati Uniti u jirċievu sussidji li jfixklu, wara petizzjoni mill-Koalizzjoni għall-Kummerċ Ġust fiż-Żebbuġ Misjur rigward l-allegata kompetizzjoni inġusta mill-esportazzjonijiet Spanjoli,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-5 ta' Awwissu 2017 li tiddetermina li l-esportazzjonijiet Spanjoli ta' żebbuġ misjur jikkawżaw dannu u jistgħu jkunu ta' theddida għas-settur ta' California,

  wara li kkunsidra d-deċiżjoni preliminari tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-21 ta' Novembru 2017 li tistabbilixxi dazji kompensatorji proviżorji kontra l-esportazzjonijiet Spanjoli;

  wara li kkunsidra d-deċiżjoni preliminari tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tat-18 ta' Jannar 2017 li tistabbilixxi dazji antidumping proviżorji kontra l-esportazzjonijiet Spanjoli;

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009[1],

  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-attakk tal-Istati Uniti kontra l-appoġġ agrikolu tal-UE fil-qasam tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol) (O-000006/2018B8 0007/2018),

  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-antidumping tal-Istati Uniti u, b'mod partikolari, l-investigazzjonijiet ta' dazju kompensatorju kontra ż-żebbuġ misjur Spanjol joħolqu preċedent perikoluż ħafna għal prodotti agrikoli oħra li jibbenefikaw mis-sussidji agrikoli taħt il-qafas tal-PAK;

B.  billi hemm ir-riskju li investigazzjonijiet simili oħra jistgħu jitwettqu mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, u b'hekk jipperikolaw relazzjonijiet ta' kummerċ agrikolu bilaterali u jqajmu dubju dwar il-mudell agrikolu Ewropew kollu;

C.  billi r-riżultat finali tal-investigazzjoni ta' dazju kompensatorju jista' jiskatta investigazzjonijiet simili minn pajjiżi terzi, inkluż għall-prodotti agroalimentari li mhumiex żebbuġ misjur, li jistgħu jikkawżaw dannu lill-isforzi magħmula mill-UE biex tagħmel lill-PAK sistema li ma tfixkilx il-kummerċ fuq livell internazzjonali;

D.  billi l-Unjoni Ewropea wettqet bosta riformi tal-PAK li kellhom l-għan, fost objettivi oħra, li jallinjaw il-politika agrikola tagħha f'konformità mar-regoli tad-WTO permezz tal-introduzzjoni ta' bidliet drastiċi, b'mod partikolari l-qlib minn sistema ta' appoġġ akkoppjata għal waħda diżakkoppjata;

E.  billi s-sussidji allokati mill-PAK lill-produtturi primarji taż-żebbuġ tal-mejda fi Spanja jikkwalifikaw bħala appoġġ tal-"kaxxa l-ħadra" ("green box") skont l-Anness II tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura, peress li huma diżakkoppjati mill-produzzjoni u ma jfixklux il-kummerċ;

F.  billi dawk is-sussidji agrikoli mhux se jikkwalifikaw bħala speċifiċi għall-prodott skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji.

G.  billi l-investigazzjoni mibdija fil-konfront tal-każ taż-żebbuġ Spanjol hija waħda minn aktar minn 50 proċedura kummerċjali diġà mibdija mill-Istati Uniti tal-Amerka fi ħdan il-qafas tal-politika protezzjonista ġdida tagħha mwettqa taħt l-islogan ta' "America first", li qed iwasslu għal restrizzjonijiet kummerċjali mhux ġustifikati u sproporzjonati li jxekklu r-relazzjoni transatlantika;

H.  billi hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà mar-regoli tad-WTO tal-formula użata mill-investigaturi tal-Istati Uniti biex jikkalkulaw l-marġni antidumping preliminari;

I.  billi l-investigazzjoni tal-Istati Uniti hija ffukata fuq it-tliet manifatturi Spanjoli ewlenin, li ammontaw għal 70 % tal-esportazzjonijiet Spanjoli lejn l-Istati Uniti tal-Amerka, u d-dazji antidumping u kompensatorji jistgħu jaffettwaw l-esportazzjonijiet kollha taż-żebbuġ misjur minn Spanja, li hija l-produttur ewlieni tad-dinja;

J.  billi l-Istati Uniti tal-Amerka imponiet dazji antidumping proviżorji b'medja ta' 17,13 % fuq it-tliet kumpaniji Spanjoli taħt investigazzjoni, u dazji kompensatorji b'medja ta' 4,47 % fuq kwalunkwe esportatur Spanjol;

K.  billi l-manifatturi Spanjoli jistgħu jitilfu s-suq tal-Istati Uniti li pprovdielhom fatturat ta' EUR 70 miljun fis-sena, filwaqt li kompetituri minn pajjiżi terzi, bħall-Eġittu, it-Tuneżija jew it-Turkija, jibbenefikaw mill-vakwu fl-esportazzjoni kkawżat mid-deċiżjoni tal-Istati Uniti;

L.  billi riżultat finali negattiv mill-investigazzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerka jwassal għal perjodu ta' implimentazzjoni ta' ħames snin, li jista' jittawwal b'ħames snin oħra u jtemm l-esportazzjonijiet Spanjoli;

M.  billi, minbarra t-telf fl-esportazzjoni, it-tliet kumpaniji qed jaffaċċjaw spejjeż tal-avukati għoljin ħafna, li diġà laħqu aktar minn EUR 5 miljun;

N.  billi l-kompetittività tal-esportazzjonijiet Spanjoli, li s-sehem tagħhom mis-suq żdied b'mod progressiv fl-Istati Uniti fis-snin reċenti, hija r-riżultat tal-isforzi magħmula minn dawn il-kumpaniji biex inaqqsu l-ispejjeż permezz ta' investiment f'teknoloġija mill-aktar avvanzata u titjib fil-kwalità, u mhix konsegwenza tas-sussidji Ewropej;

O.  billi ż-żieda fl-esportazzjonijiet Spanjoli lejn l-Istati Uniti tal-Amerka (+ 20 % mill-2013) ippermettiet il-ħolqien ta' eluf ta' impjiegi u pprovdiet solliev ekonomiku għal żoni tal-Andalusia li kienu fost l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika;

P.  billi medja ta' 83 % ta' żebbuġ misjur prodott fi Spanja huwa esportat, li jindika l-importanza vitali tas-swieq internazzjonali għal dan il-prodott;

Q.  billi l-importazzjonijiet jammontaw għal 50 % tal-konsum taż-żebbuġ tal-Istati Uniti u ż-żebbuġ Spanjol jammonta għal 37 % ta' 100 miljun kilogramma kkonsmati fil-pajjiż, li ħafna drabi huma użati fil-produzzjoni ta' prodotti pproċessati, bħal pizez;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti appoġġ konsultattiv qawwi lill-kumpaniji Spanjoli milquta mill-investigazzjonijiet tal-Istati Uniti;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kompatibbiltà mar-regoli tad-WTO tal-formula użata mill-investigaturi tal-Istati Uniti biex jikkalkulaw l-marġni antidumping;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tikkontesta d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti quddiem il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha possibbli ta' azzjoni diplomatika biex tiddefendi n-natura li ma tfixkilx tas-sussidji agrikoli tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jappoġġja l-instigazzjoni mill-Unjoni Ewropea ta' investigazzjonijiet simili tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-Istati Uniti lejn l-UE, b'attenzjoni partikolari fuq dawk il-prodotti agroalimentari li jirċievu sussidji li jfixklu l-kummerċ mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u huma importati mill-UE f'ammonti sinifikanti, bħall-etanol, il-lewż, il-qamħ durum u l-qamħirrum;

6.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi negattivi li l-proċedura kompensatorja tal-Istati Uniti jista' jkollha fuq il-mudell agrikolu Ewropew kollu;

7.  Jikkritika bil-qawwa dawn il-miżuri kummerċjali restrittivi u oħrajn tal-Istati Uniti adottati reċentement mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti kontra l-importazzjonijiet tal-UE, peress li dawn, b'mod ċar, jirrappreżentaw politika ġdida aktar protezzjonista li ma tikkonformax mar-regoli tad-WTO; iqis li dan se joħloq aktar instabbiltà ġenerali fil-kummerċ dinji u jirriskja li jxekkel serjament ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza