Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0149/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0149/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-attakk mill-Istati Uniti fuq l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)

 - (2018/2566(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8/2018
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Maria Lidia Senra Rodríguez, Lola Sánchez Caldentey, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Younous Omarjee, Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0137/2018

Proċedura : 2018/2566(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0149/2018
Testi mressqa :
B8-0149/2018
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8‑0149/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attakk mill-Istati Uniti fuq l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)

(2018/2566(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni interim meħuda mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, li impona tariffa fuq iż-żebbuġ Spanjol wara li kkonkluda li s-sussidji li l-produtturi taż-żebbuġ irċevew fl-UE fissru li l-prodotti taż-żebbuġ jistgħu jiġu importati fl-Istati Uniti taħt il-prezz tas-suq,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-attakk tal-Istati Uniti kontra l-appoġġ agrikolu tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol) (O-000006/2018 – B8 0007/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-22 ta' Ġunju 2017, il-Koalizzjoni għall-Kummerċ Ġust fiż-Żebbuġ Misjur, li tikkonsisti mill-akbar żewġ proċessuri ta' żebbuġ misjur tal-Istati Uniti, ressqet petizzjoni lill-Kummissjoni għall-Kummerċ Internazzjonali u d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, fejn allegat li industrija fl-Istati Uniti hija materjalment danneġġata jew mhedda minħabba "valur inqas milli hu ġust" u importazzjonijiet issussidjati ta' żebbuġ misjur minn Spanja;

B.  billi tal-Kummissjoni għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Istati Uniti kienet iddeterminat, skont l-Att dwar it-Tariffi tal-1930, li hemm indikazzjoni raġonevoli li industrija fl-Istati Uniti ġarrbet dannu materjali minħabba importazzjonijiet ta' żebbuġ misjur minn Spanja li huwa allegatament mibjugħ fl-Istati Uniti b'valur inqas milli hu ġust, u imponiet restrizzjonijiet provviżorji fuq dan il-prodott;

C.  billi l-miżuri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) taħt investigazzjoni mhumiex speċifiċi għall-prodott u għalhekk mhumiex kumpensabbli skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji;

D.  billi l-analiżi kontra s-sussidji u l-antidumping biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni ġusta trid tikkunsidra kemm il-fatturi soċjali kif ukoll ambjentali, bħalma huma d-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u l-istandards ambjentali;

E.  billi s-settur taż-żebbuġ Spanjol huwa kruċjali għall-impjiegi u l-ekonomija Spanjola, speċjalment għar-reġjuni ta' Andalusija u Extremadura; billi l-potenzjal ta' dan is-settur u ż-żoni rurali f'dawn ir-reġjuni jista' jissaħħaħ permezz ta' mudell agrikolu li jkun ibbażat aktar fuq id-diversifikazzjoni u s-sostenibilità soċjali, ekonomika u ambjentali, aktar milli wieħed li sempliċement ifittex profitti għal kumpaniji kbar esportaturi ta' prodotti agrikoli;

F.  billi ż-żebbuġ jaqa' fi ħdan il-kompetenza tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE (PAK); billi l-PAK għandha tiggarantixxi prezzijiet ġusti għall-produtturi u d-dinjità tal-bniedem u m'għandhiex tkun dipendenti fuq swieq internazzjonali u l-volatilità tal-prezzijiet, u lanqas ma għandha tfittex li tibbenefika kumpaniji multinazzjonali b'mod esklussiv; billi l-PAK għandha wkoll tippromwovi s-sovranità tal-ikel ta' territorji differenti u l-produzzjoni sostenibbli u lokali, u għandha tkun allinjata ma' xejriet kummerċjali internazzjonali ġusti;

G.  billi l-produzzjoni agrikola fl-Ewropa tagħti prijorità lill-profitt privat għal kumpaniji kbar fuq dħul ġust għall-farms żgħar u ta' daqs medju, il-ħaddiema u s-sostenibilità rurali; billi l-għajnuna tal-PAK għall-imsaġar taż-żebbuġ hija stabbilita abbażi tan-numru ta' ettari, ma tikkunsidrax l-għadd tal-bdiewa attivi, u ma tagħtix kumpens għall-waqgħa fil-prezzijiet imħallsa lill-produtturi, li normalment ikunu inqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni; billi s-settur taż-żebbuġ f'Andalusija prinċipalment jitmexxa minn kumpaniji transnazzjonali kbar u f'ħafna każijiet jinvolvi mhux biss kwistjonijiet ta' trasferiment tal-profitt u b'hekk evitar tat-taxxa, iżda wkoll tnaqqis fid-dritt demokratiku sovran ta' regolamentazzjoni;

H.  billi s-sussidji għandhom rwol importanti kemm fi ħdan il-politika agrikola tal-Istati Uniti kif ukoll tal-UE; billi kemm il-politiki agrikoli huma orjentati lejn l-esportazzjoni, kif ukoll huma bbażati fuq produzzjoni agroindustrijali u l-profitti għall-kumpaniji kbar;

I.  billi l-politiki kummerċjali ma għandhomx jirreagixxu għall-interessi ġeostrateġiċi iżda għandhom ikunu ċċentrati fuq il-persuni; billi l-każ taż-żebbuġ Spanjol mhuwiex l-uniku wieħed kurrenti, peress li l-amministrazzjoni Trump ħabbret ukoll dazji ta' importazzjoni fuq setturi oħra;

1.  Jiddeplora l-impatt li d-deċiżjoni interim meħuda mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li jimponi tariffi fuq iż-żebbuġ Spanjol se jkollha fuq il-ħaddiema fis-settur taż-żebbuġ Spanjol;

2.  Jiddeplora l-fatt li l-Istati Uniti qed tikkontesta l-PAK tal-UE peress li s-sussidji għandhom rwol importanti fiż-żewġ territorji;

3.  Huwa mħasseb li dan il-każ jista' joħloq preċedent li jiġi ntużat kontra prodotti agrikoli oħra Ewropej li jaqgħu fi ħdan il-PAK;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lid-difiża ta' farms żgħar u ta' daqs medju Spanjoli u lill-ħaddiema fis-settur taż-żebbuġ fir-reazzjoni tagħha għall-miżuri tal-Istati Uniti; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri li jiffavorixxu s-suq intern u l-konsum intern permezz ta' ktajjen qosra tal-provvista alimentari b'mod li jiżgura sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali;

5.  Jiddeplora t-tendenza dejjem tiżdied li miżuri ta' politika kummerċjali jiġu subordinati għall-interessi ġeostrateġiċi u l-profitti ta' kumpaniji kbar;

6.  Ifakkar fil-ħtieġa li tingħata spinta lill-fora demokratiċi dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ internazzjonali, li fih l-Istati kollha huma rappreżentati b'mod ekwu, bħala l-pjattaforma biex tilwimiet kummerċjali internazzjonali jiġu solvuti u megħluba;

7.  Jistieden lill-UE tiżgura li l-PAK il-ġdida tagħti prijorità lill-appoġġ għall-farms żgħar u ta' daqs medju u lill-agrikoltura diversifikata li ma tkunx dipendenti fuq l-esportazzjoni jew il-monokulturi, u għas-sovranità tal-ikel, l-agroekoloġija u l-produzzjoni lokali u l-konsum ta' prodotti agrikoli, anki bil-għan li tiġi evitata l-inkonsistenza possibbli mal-politiki esterni, jiġifieri il-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-SEAE u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza