Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0152/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0152/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji

9.3.2018 - (2018/2633(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Mario Borghezio, Mara Bizzotto, Angelo Ciocca, Lorenzo Fontana, Matteo Salvini, Marco Zanni f'isem il-Grupp ENF

Proċedura : 2018/2633(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0152/2018
Testi mressqa :
B8-0152/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0152/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji

(2018/2633(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2018 dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji,

 

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.billi t-tħabbiriet ta' ristrutturar industrijali maġġuri, bħal fil-każ tal-Embraco, huma daqqa kiefra għall-ħaddiema, għall-familji tagħhom u għat-territorji li tagħhom jagħmlu parti;

 

B.billi l-kumpannija Embraco tkun qiegħda tissogra li tqiegħed f'riskju serju x-xogħol ta' kważi 500 impjegat fl-istabbiliment tagħha fl-Italja, f'Riva presso Chieri (fil-Pjemonte);

 

C.billi dan il-każ huwa biss l-aħħar wieħed minn lista twila ta' tkeċċijiet ikkawżati mid-delokalizzazzjoni, li wara kollox huma partikolarment gravi peress li saru għad-dannu tax-xogħol u tal-produzzjoni ta' kumpannija soda u ferm ikkwalifikata;

 

D.billi l-kumpannija multinazzjonali sidt l-Embraco biħsiebha tittrasferixxi l-produzzjoni fi Stat Membru ieħor minħabba raġunijiet purament ta' taxxi u ta' pagi, inkwantu kumpannija li tiddelokalizza fis-Slovakkja tgawdi minn 21 % f'rati tat-taxxa, minn 0 % għall-bejgħ u għax-xiri ta' proprjetà immobiljari, minn kost tal-manodopera baxx ħafna, minn skont ta' 35 % fuq it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet sa EUR 30 000 għal kull impjegat reklutat;

 

E.billi f'kuntest transnazzjonali bħal dak tas-suq intern tal-UE, ikkaratterizzat mill-preżenza ta' sistemi nazzjonali eteroġenji immens f'termini soċjali, ekonomiċi u leġiżlattivi, il-kumpanniji jikkompetu prinċipalment fil-kost tax-xogħol u b'hekk jikkaġunaw fenomeni perikolużi ta' labour shopping u dumping soċjali, li jissarrfu fid-delokalizzazzjoni bla rażan biex il-manodopera nazzjonali tkun sostitwita b'dik relattivament aktar konvenjenti tal-Istati Membri l-oħra, speċjalment tal-Lvant;

 

F.billi l-fenomeni ta' delokalizzazzjoni ma jirrigwardawx biss l-industriji hekk imsejħa tradizzjonali, jiġifieri dawk b'intensità għolja ta' manodopera bħat-tessuti u l-ħwejjeġ, iż-żraben, ix-xogħol fl-injam, iżda wkoll industriji b'intensità għolja ta' kapital, bħall-industrija tal-azzar, l-industrija mekkanika, it-tarzna, l-ajrunawtika u l-apparat elettroniku, mingħajr ma jitħallew barra setturi importanti tas-servizzi bħall-iżvilupp ta' programmi informatiċi u s-servizzi finanzjarji jew il-loġistika;

 

G.billi dawn il-prattiki inammissibbli ta' dumping soċjali jiffavorixxu lill-Istati Membri b'kostijiet soċjali aktar baxxi u b'rati tat-taxxa baxxi ħafna;

 

H.billi l-UE u l-għażliet politiċi li fuqhom huwa bbażat il-proċess ta' bini tas-suq uniku llum huma l-kawża prinċipali tal-faqar u tal-inugwaljanzi fl-Istati Membri, peress li jippermettu lill-atturi tas-suq u, partikolarment, lill-kumpanniji multinazzjonali l-kbar jisfruttaw id-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-kost tax-xogħol u t-tassazzjoni, biex jiksbu, permezz tad-delokalizzazzjoni, vantaġġi kompetittivi u profitti askapitu taċ-ċittadini, tal-ħaddiema u tat-territorji;

 

I.billi, quddiem l-emerġenzi soċjali u tal-impjiegi bħal fil-każ tal-Embraco, il-politiki ta' awsterità imposti mill-UE u mit-Trattati tagħha, li diġà ġabu magħhom tnaqqis sostanzjali tan-nefqa pubblika u d-deterjorament tal-funzjonijiet soċjali tal-Istati nazzjonali, se jostakolaw l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali effikaċi ta' investiment u ta' żvilupp kapaċi jirrispondu għall-bżonnijiet ta' dawn il-ħaddiema u tal-familji tagħhom, biż-żieda konsegwenti tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali;

 

J.billi huwa evidenti li ma jagħmilx sens li l-UE talloka fondi biex tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali favur il-pajjiżi bħas-Slovakkja u fl-istess ħin tħalli lil dan l-Istat Membru jwettaq prattiki li jiġbdu l-investiment li ma jirrispettawx ir-regoli tal-Unjoni;

 

1.Jesprimi solidarjetà sħiħa u sostenn mal-impjegati kollha tal-Embraco ta' Riva presso Chieri u mal-familji tagħhom, kif ukoll mal-ħaddiema tal-impriżi li kienu jaħdmu mal-Embraco li potenzjalment intlaqtu minn din id-deċiżjoni;

 

2.jitlob l-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura jew forma ta' sostenn favur dawn il-ħaddiema, tal-familji tagħhom u tal-partijiet ikkonċernati kollha li potenzjalment intlaqtu minn din id-deċiżjoni;

 

3.Iqis li l-każ tal-Embraco juri, mingħajr l-iċken dubju, mhux biss il-funzjonament ħażin tas-suq intern Ewropew, iżda wkoll l-effetti devastanti ta' politika ta' tkabbir indiskriminata, speċjalment lejn il-Lvant, li ma qisitx il-konsegwenzi qerrieda, f'termini ta' kompetizzjoni siewja u ġusta, tal-inklużjoni ta' pajjiżi b'tassazzjoni mnaqqsa;

 

4.Jagħmel appell urġenti għall-adozzjoni ta' politika ta' difiża soċjali tal-ħaddiema li ntlaqtu minn fenomeni ta' delokalizzazzjoni, biex lil dawn tal-aħħar jingħataw l-għajnuna meħtieġa u t-taħriġ mill-ġdid maħsub biex ikunilhom aktar faċli jsibu xogħol ieħor;

 

5.Jissottolinja bil-qawwa r-responsabbiltajiet tal-UE u tal-politiki tagħha f'din il-ġrajja u jqis li r-risposti li tat l-UE mhumiex biżżejjed biex tindirizza dawn il-fenomeni;

 

6.Itenni d-dritt ta' kull Stat Membru li jadotta kull forma ta' strument biex jipproteġi l-ekonomija tiegħu, il-ħaddiema tiegħu u t-territorji tiegħu biex ikun miġġieled il-fenomenu tad-delokalizzazzjoni, anki bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta' miżuri protezzjonistiċi;

 

7.Jisħaq fuq il-bżonn li kull Stat Membru jkun jista' jattiva l-miżuri meħtieġa biex jinċentiva r-ritorn tal-impriżi li ddelokalizzaw, anki permezz ta' pjanijiet imdaqqsin ta' investiment pubbliku nazzjonali;

 

8.Jeżiġi li l-kumpanniji benefiċjarji tal-għajnuna pubblika jitħeġġew jiżviluppaw, flimkien mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, imġiba soċjali responsabbli;

 

9.Jisħaq fuq l-importanza li jiġu imposti sanzjonijiet lill-kumpanniji li, wara li jkunu bbenefikaw minn għajnuna finanzjarja nazzjonali jew tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekononiku ta' ċertu territorju, jiddeċiedu li jiċċaqalqu inġustifikatament il-produzzjoni tagħhom barra mill-pajjiż; Jitlob għalhekk li dawn il-kumpanniji jkunu obbligati jagħtu lura l-fondi li jkunu rċevew u jiġu esklużi mit-tqassim tal-futur ta' kwalunkwe forma ta' kontribuzzjoni finanzjarja;

 

10.Jitlob lill-Kummissjoni twettaq il-verifiki neċessarji dwar jekk sidt l-Embraco użatx b'mod mhux xieraq il-fondi konċessi mill-Unjoni Ewropea u, b'mod speċifiku, biex tiffinanzja d-delokalizzazzjoni tal-impriża fi Stat Membru ieħor;

 

11.Jitlob li l-Kummissjoni twettaq investigazzjoni dwar il-fatt jekk it-Trattati humiex konsistenti ma' dan il-każ speċifiku ta' delokalizzazzjoni intra-Ewropea, mhux immotivata minn raġunijiet ekonomiċi u industrijali, iżda minn interessi prevalenti biex ikunu ffrankati t-taxxi u l-pagi;

 

12.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni (partikolarment lill-Viċi President u Kummissarju għall-Impjiegi, Tkabbir, Investiment u Kompetittività Jyrki Katainen, lill-Kummissarju għall-Impjiegi, Affarijiet Soċjali, Ħiliet u Mobilità tax-Xogħol Marianne Thyssen, lill-Kummissarju għas-Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs Elżbieta Bieńkowska u lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Margrethe Vestager), lill-Istati Membri, lill-Gvern Taljan u lill-Gvern Brażiljan.

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza