Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0155/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0155/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji

12.3.2018 - (2018/2633(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

David Casa f'isem il-Grupp PPE

Proċedura : 2018/2633(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0155/2018
Testi mressqa :
B8-0155/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0155/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji

(2018/2633(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), u 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna, li timmira lejn l-okkupazzjoni sħiħa u l-progress soċjali;

B.  billi l-bidliet industrijali kbar jista' jkollhom impatt fuq l-impjegati u r-reġjuni affettwati minnhom;

C.  billi l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jaħdmu favur l-iżvilupp ta' strateġiji kkoordinati bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni Ewropea stipulati fit-Trattati;

D.  billi l-istrumenti u l-obbligi legali skont id-dritt nazzjonali u dak tal-UE jistgħu jiġu akkumpanjati minn azzjoni volontarja mwettqa skont il-prinċipju ta' responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji (CSR);

E.  billi l-għadd ta' kumpanniji tal-UE li adottaw CSR żdied, u dan juri li hemm sensibilizzazzjoni li qed tikber dwar il-benefiċċji tagħha;

1.  Ifakkar li s-CSR hija volontarja u tinkludi miżuri meħudin mill-kumpanniji biex jindirizzaw it-tħassib soċjali u ambjentali oltre l-oqfsa legali nazzjonali u tal-UE;

2.  Huwa tal-fehma li sabiex jiġu salvagwardjati u jinħolqu l-impjiegi madwar l-Ewropa kollha, l-Istati Membri jridu joħolqu l-kundizzjonijiet ideali għas-settur tan-negozju Ewropew sabiex jattiraw u jżommu n-negozji fir-reġjuni Ewropej kollha; ifakkar li l-għan tal-istrateġiji kemm Ewropej kif ukoll nazzjonali dwar il-ħolqien u t-tkabbir tal-impjiegi huwa l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u fit-tul;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u jieħdu miżuri preventivi biex tinżamm l-impjegabbiltà tal-ħaddiema Ewropej matul il-karrieri tagħhom;

4.  Ifakkar fid-disponibbiltà ta' strumenti Ewropej bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-kurrikuli fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol li qegħdin jinbidlu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jagħtu spinta fit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-ICT u tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), sabiex il-forza tax-xogħol kemm attwali kif ukoll dik futura jkunu mgħammra bil-ħiliet elettroniċi rilevanti;

6.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' ħiliet tekniċi, b'mod partikolari fis-settur tal-manifattura; jitlob, għalhekk, l-iżvilupp u l-espansjoni tas-sistemi ta' apprendistat, u jenfasizza l-bżonn li tiġi promossa l-importanza ta' ħaddiema tekniċi tas-sengħa;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-kumpanniji jiżviluppaw possibbiltajiet ta' taħriġ għall-impjegati tagħhom matul il-karriera tagħhom, b'attenzjoni speċjali fir-rigward tal-ħaddiema anzjani;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-prattiki li permezz tagħhhom il-kumpanniji jistabbilixxu ruħhom temporanjament f'reġjuni għal perjodu ta' żmien limitat biss, u matul dan iż-żmien ikunu intitolati jibbenefikaw minn għajnuna biex jistallaw ruħhom;

9.  Ifakkar li d-dumping soċjali huwa waħda mill-konsegwenzi possibbli tal-ksur tal-istandards u r-regoli tal-UE;

10.  Jenfasizza li wieħed mill-għanijiet aħħarija tal-għajnuna reġjonali mill-Istat huwa ż-żamma u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fir-reġjuni kollha;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja jekk l-Istati Membri humiex qed jużaw il-fondi Ewropej b'mod xieraq, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' koeżjoni soċjali u tal-istrateġija Ewropa 2020 madwar l-Unjoni kollha;

12.  Jenfasizza li s-settur tan-negozju wkoll huwa responsabbli għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020; iħeġġeġ lil kumpanniji jestendu l-attivitajiet tagħhom li jaqgħu fi ħdan il-filosofija ta' CSR lil hinn mill-bażijiet industrijali tagħhom, u jieħdu inkunsiderazzjoni l-istabbiltà u t-tkabbir fit-tul tar-reġjuni fejn ikunu stabbiliti;

13.  Jenfasizza li f'każijiet fejn ma jkunx jista' jiġi evitat ir-ristrutturar, il-kumpanniji jridu jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom skont id-dritt tal-UE u dak nazzjonali, filwaqt li jipprijoritizzaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, u l-opportunità li jerġgħu jiġu eżaminati l-alternattivi proposti mis-sħab soċjali;

14.  Jitlob djalogu lokali, b-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jiġu diskussi l-aħjar arranġamenti possibbli f'każijiet ta' ristrutturar;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza