Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0157/2018

Testi mressqa :

B8-0157/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.14
CRE 15/03/2018 - 10.14

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 402kWORD 49k
12.3.2018
PE616.103v01-00
 
B8-0157/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji (2018/2633(RSP))


Enrique Calvet Chambon

f'isem il-Grupp ALDE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji (2018/2633(RSP))  
B8-0157/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), u 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Pakkett "Negozji responsabbli"' (COM(2011)0685),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tar-riċerki u tal-istħarriġ mwettqa mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji (CSR) hija definita mill-Kummissjoni bħala r-responsabbiltà tal-kumpanniji għall-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq is-soċjetà, li timplika li jittieħdu deċiżjonijiet volontarji sabiex jintlaħqu objettivi soċjali u ambjentali matul l-attivijiet kummerċjali tagħhom;

B.  billi r-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji tista' tintuża bħala għodda utli, li tippermetti lill-kumpanniji jżidu l-kompetittività globali tagħhom u joħolqu valur għall-azzjonisti, filwaqt li fl-istess ħin jibbenefikaw il-ħaddiema, il-konsumaturi u s-soċjetà kollha kemm hi;

C.  billi żdied l-għadd ta' kumpanniji tal-UE li jħaddnu s-CSR, u dan juri li hemm sensibilizzazzjoni li qiegħda tikber dwar il-benefiċċji tagħha;

D.  billi tenħtieġ azzjoni ulterjuri sabiex jinxterdu l-prinċipji tas-CSR, li għandha tkun promossa kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-kunċett tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji u l-użu volontarju kif ukoll l-iżvilupp ulterjuri tal-prinċipju CSR mill-kumpanniji;

2.  Iqis li s-CSR tista' tiġi deskritta bħala r-responsabbiltà tal-kumpanniji għall-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq is-soċjetà, b'mod partikolari għall-integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali, tal-istandards soċjali u ambjentali, tal-valuri etiċi u tal-aħjar interessi tal-konsumatur fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom;

3.  Jemmen li s-CSR għandu jkun immexxi mill-kumpanniji; jemmen ukoll li l-awtoritajiet pubbliċi jista' jkollhom rwol ta' appoġġ, billi jintroduċu miżuri ta' politika volontarji u, fejn meħtieġ, regolamentazzjoni komplementari;

4.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar is-CSR;

5.  Jenfasizza li s-CSR għandha tibqa' politika volontarja u li, sabiex kwalunkwe strateġija tas-CSR tkun ta' suċċess, il-kumpanniji jridu jassumu r-responsabbiltà tagħha; iqis ukoll li l-kumpanniji għandhom iżommu l-flessibbiltà meħtieġa sabiex jiżviluppaw l-kunċett tas-CSR tagħhom, skont iċ-ċirkostanzi, il-mezzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

6.  Jemmen, b'mod partikolari, li s-CSR ma għandhiex tillimita l-kumpanniji fir-rigward tad-deċiżjonijiet strateġiċi tagħhom, inklużi d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' lokalizzazzjoni;

7.  Jemmen bil-qawwa fil-libertà tal-istabbiliment minqux fit-Trattati u msaħħaħ ulterjorment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, li hija pilastru fundamentali biex jiġi ggarantit il-funzjonament tas-suq intern; jilqa' l-isforzi biex jiġi żgurat li s-suq uniku jkun aktar ġust, u biex jiġu miġġielda l-abbużi u l-frodi;

8.  Jesprimi solidarjetà mal-ħaddiema, kumpanniji u reġjuni milquta mis-sensji; jemmen, madankollu, li s-CSR ma tista' qatt tkun ta' sostitut għall-obbligi tal-awtorità pubblika fir-rigward tal-politika soċjali u r-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-kumpanniji biex iħarrġu, iħarrġu mill-ġdid u jaġġornaw il-ħiliet tal-ħaddiema kollha sabiex itejbu l-impjegabbiltà tagħhom;

10.  Jenfasizza li l-awtoritajiet pubbliċi huma primarjament responsabbli biex jipprowmovu, jimplimentaw u jissorveljaw l-istandards soċjali, u jappella lill-ispettorati tax-xogħol u lis-sistemi ġudizzjarji biex jirrimedjaw sitwazzjonijiet illegali;

11.  Jilqa' l-eżempji tajbin stabbiliti minn ħafna SMEs fl-Ewropa li qegħdin iħaddnu b'suċċess il-prinċipji tas-CSR;

12.  Jenfasizza l-fatt li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-SMEs, u b'mod partikolari l-mikrointrapriżi, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-CSR;

13.  Jappella sabiex ikun hemm konsultazzjoni u involviment attiv mas-sħab soċjali fl-iżvilupp, l-operazzjoni u s-sorveljanza tal-proċessi tas-CSR; jemmen li kooperazzjoni mill-qrib bejn min iħaddem u l-ħaddiema hija essenzjali sabiex is-CSR tkun ta' suċċess;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza