Proċedura : 2018/2633(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0158/2018

Testi mressqa :

B8-0158/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.14
CRE 15/03/2018 - 10.14

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 424kWORD 49k
12.3.2018
PE616.104v01-00
 
B8-0158/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpanniji (CSR); (2018/2633(RSP))


Patrick Le Hyaric, Lola Sánchez Caldentey, Merja Kyllönen, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Barbara Spinelli, Younous Omarjee, Ángela Vallina f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpanniji (CSR) (2018/2633(RSP))  
B8‑0158/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 6, 9, 151, 152, 153(1) u (2), 173 u 174 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-TFUE dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, b'mod partikolari fl-oqsma affettwati mit-tranżizzjoni industrijali,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 22 u 23 tagħha dwar id-drittijiet ekonomiċi u soċjali u d-dritt għax-xogħol,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 lill-Kunsill dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar u dwar ir-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpanniji fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji rigward l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi qed jitħabbru l-għeluq ta' postijiet tax-xogħol u s-sensji fl-UE kollha filwaqt li l-ekonomiji qed jirritornaw lejn it-tkabbir u l-valuri tal-azzjonisti ġew massimizzati; billi t-trasferimenti ta' attivitajiet fi ħdan l-Unjoni lejn postijiet li joffru xogħol bi prezz irħas għadhom qed iseħħu, bħal fil-każijiet ta' Carrefour, Embraco, Kingfisher, Castorama u BRICO Dépôt, li ġieli anke jitolbu parteċipazzjoni attiva minn dawk li jkunu qed jitilfu l-impjiegi tagħhom;

B.  billi r-ristrutturar tal-kumpanniji, inċentivat mill-massimizzar tal-profitt għall-benefiċċju tal-azzjonisti, iwassal għal sensji tal-massa, ta' spiss f'reġjuni diġà ekonomikament żvantaġġati, bħal fil-każ tad-deċiżjoni ta' Siemens li tagħlaq impjanti fil-Ġermanja u fin-Netherlands, bir-riżultat ta' telf ta' aktar minn 4400 impjieg, filwaqt li l-istess kumpanniji rċevew sussidji u fondi mill-Istati Membri rispettivi;

C.  billi l-multinazzjonali Brażiljana Embraco ħabbret l-għeluq tal-fergħa tagħha, ħdejn Turin fl-Italja sabiex tmur is-Slovakkja, fejn qed tistenna li tikseb vantaġġi ekonomiċi u fiskali kbar permezz ta' għajnuniet mill-istat u ħlasijiet taħt il-Fondi Strutturali; billi Embraco ma tinstabx fi kriżi, u l-500 ħaddiem speċjalizzati ħafna tagħha ingħataw is-sensji, iżda mhux għal raġunijiet ekonomiċi, u huma saħansitra mistennija li jħarrġu lill-ħaddiema Slovakki;

D.  billi l-kumpannija mir-Renju Unit Kingfisher, ħabbret ir-rilokazzjoni lejn il-Polonja tas-servizz tal-kontabilità tan-negozju tagħha u l-eliminazzjoni ta' 446 impjieg fis-sussidjarji Franċiżi tagħha Castorama u BRICO Dépôt; billi l-impjegati Franċiżi intalbu jħarrġu lill-kollegi Pollakki tagħhom li ser jieħdu posthom qabel ma jitkeċċew;

E.  billi l-globalizzazzjoni introduċiet skemi globali ġodda ta' ktajjen ta' valur ta' produzzjoni, b'kompetizzjoni aktar ħarxa bejn l-atturi kummerċjali; billi l-kummerċ internazzjonali ġust tal-prodotti industrijali jrid jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema, ir-regoli ambjentali u standards soċjali u fiskali oħra;

F.  billi d-dumping soċjali, ambjentali, u fiskali ma jistax jiġi aċċettat, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna ma' sħab esterni;

G.  billi mudelli ġodda ta' konsum jistgħu jwasslu għal sensji fuq skala enormi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, bħal fil-każ ta' Carrefour, jew fil-qasam tas-servizzi, bħal fil-każ tal-ħafna sensji mħabbra fis-settur bankarju;

H.  billi r-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji (CSR) tirreferi għal kumpanniji li jieħdu responsabbiltà għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà; billi l-intrapriżi Ewropej għandhom japplikaw l-istandards tas-CSR fl-organizzazzjoni tax-xogħol u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom;

I.  billi l-kumpanniji involuti fir-ristrutturar għandhom ir-responsabbiltà li jqiegħdu d-djalogu soċjali fil-qalba tal-proċessi ta' ristrutturar, u għandhom jaġixxu b'mod soċjalment responsabbli, hekk kif l-esperjenza wriet li mingħajr djalogu soċjali suffiċjenti, iffukat b'mod partikolari fuq l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, ma jistax ikun hemm ristrutturar soċjalment u ekonomikament sostenibbli;

J.  billi d-djalogu kostanti, miftuħ u ġust mal-imsieħba soċjali jibqa' kruċjali biex jiġu żgurati produzzjoni u tranżizzjonijiet fid-dinja tax-xogħol, l-indirizzar ta' benesseri mentali u fiżiċi fil-post tax-xogħol u t-tfassil ta' relazzjonijiet ġodda ta' xogħol mal-impjegaturi filwaqt li jiġu rispettati u msaħħa d-drittijiet tal-ħaddiema;

1.  Jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-ħaddiema li qed jiffaċċjaw l-għeluq tal-post tax-xogħol tagħhom u l-impożizzjoni ta' tibdil relatat max-xogħol u jitlob li b'mod urġenti jiġu adottati miżuri biex jappoġġawhom;

2.  Jiddeplora l-impatt negattiv doppju tal-pjanijiet ta' ristrutturar tal-kumpanniji, jiġifieri s-sensji tal-massa u l-ħela ta' fondi pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw l-obbligi soċjali fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema f'każ ta' ristrutturar meta l-kumpanniji jkunu benefiċjarji ta' fondi pubbliċi, u jikkundanna bil-qawwa l-pjanijiet ta' għeluq tal-postijiet tax-xogħol u ta' ristrutturar li jħallu lil eluf ta' ħaddiema mingħajr impjieg biss sabiex jiġi mmassimizzat id-dħul kapitali; barra minn hekk jemmen li l-kumpanniji għandhom ikunu obbligati jirritornaw fondi pubbliċi diretti u indiretti riċevuti matul is-sentejn ta' qabel, jekk dawn jirrilokaw f'pajjiż ieħor;

3.  Ifakkar li l-Fondi Strutturali tal-UE ma jistgħux jintużaw b'mod li direttament jew indirettament jappoġġjaw ir-rilokazzjoni ta' servizzi jew tal-produzzjoni lejn Stati Membri oħra;

4.  Jikkundanna l-istrateġiji fuq medda qasira li jipprijoritizzaw il-dħul mill-kapital u d-dividendi lill-azzjonisti f'livelli mhux sostenibbli fuq l-investiment u responsabbiltajiet lejn il-ħaddiema u l-komunitajiet lokali;

5.  Jirrifjuta l-idea tal-kompetizzjoni bejn il-ħaddiema dwar id-drittijiet tax-xogħol jew bejn l-intrapriżi fi kwistjonijiet soċjali, ambjentali u fiskali, u jikkundanna kull forma ta' dumping soċjali u ekonomiku;

6.  Jappella għal infurzar aħjar tal-liġijiet tax-xogħol fi ħdan l-Istati Membri permezz ta' spettorati tax-xogħol, u għal miżuri effettivi biex jinfurzaw il-liġijiet tax-xogħol fil-kuntest ta' mudelli tax-xogħol transnazzjonali, pereżempju permezz tal-ħolqien ta' forza Ewropea tal-ispetturi tax-xogħol;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq qafas Ewropew għall-proċedimenti ta' insolvenza li jpoġġi mhux biss lill-kredituri, iżda anke lill-ħaddiema fil-qalba tal-proċess, li jiffoka fuq iż-żamma tal-akbar għadd possibbli ta' impjiegi;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-politika dwar il-kompetizzjoni u r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-intervent pubbliku mmirat biex iżomm il-koeżjoni soċjali u reġjonali, jitjiebu l-istandards tax-xogħol u ambjentali u jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-saħħa pubblika;

9.  Ifakkar li l-ewwel dmir tal-kumpanniji lejn is-soċjetà huwa li jħallsu t-taxxi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu estensjoni komprensiva tar-rappurtar pajjiż b'pajjiż, u biex jintroduċu obbligi ta' informazzjoni aktar stretti għal kumpanniji li jieqfu joperaw jew li jiddikjaraw insolvenza fi Stati Membri;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirkupraw ir-riżorsi kollha ddedikati sabiex jiġu megħjuna l-kumpanniji, fil-forma ta' sussidji, ħelsien mit-taxxa, tnaqqis fil-prezz tal-art, eċċ. meta kumpannija tiddeċiedi li tirriloka jew tagħlaq l-impjanti ta' produzzjoni tagħha, u biex jiżguraw protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u pagi diċenti, permezz ta' leġiżlazzjoni jew ta' ftehimiet kollettivi, kif ukoll protezzjoni effikaċi kontra t-tkeċċija inġusta;

11.  Jappella għat-tisħiħ jew għal implimentazzjoni aħjar tal-liġijiet dwar it-tkeċċija inġusta; jenfasizza li s-sensji tal-massa għal raġunijiet ekonomiċi għandhom ikunu pprojbiti f'każijiet fejn il-kumpannija jew il-korporazzjoni għandha suċċess ekonomiku u/jew il-motivazzjoni tagħha hija biss biex iżżid il-profitti;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pagi bażiċi fil-forma ta' pagi minimi nazzjonali, b'rispett dovut għal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, u sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni fil-pagi bejn l-Istati Membri;

13.  Jenfasizza r-rwol fundamentali tas-CSR fl-iżgurar ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta strateġija ġdida dwar is-CSR li tistabbilixxi rekwiżiti ta' rappurtar u ta' konformità aktar b'saħħithom, u jħeġġeġ lill-Istati Membri japprovaw il-promozzjoni tas-CSR;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu strumenti obbligatorji biex il-kumpanniji jkunu mġiegħla jinternalizzaw l-ispejjeż soċjali tad-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura qafas Ewropew profond u komprensiv ġdid li jinkludi r-responsabbiltajiet soċjali, ambjentali u lokali tal-kumpanniji, għall-intrapriżi li joperaw fl-UE u għall-entitajiet tal-Unjoni li joperaw barra l-Unjoni;

16.  Jisħaq fuq il-fatt li l-istandards tal-UE tas-CSR ma jistgħux jiġu sodisfatti meta kumpannija tirriloka l-produzzjoni tagħha mingħajr ma tikkunsidra l-konsegwenzi soċjali tad-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħha; jappella għal strumenti obbligatorji biex il-kumpanniji jkunu mġiegħla jinternalizzaw l-ispejjeż soċjali tad-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni tagħhom;

17.  Jindika l-ħtieġa li tiġi estiża l-portata tas-CSR sabiex tinkludi oqsma ġodda bħall-organizzazzjoni tax-xogħol, l-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni soċjali, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni u l-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja; jenfasizza li s-CSR għandha tkopri, pereżempju, il-kwalità tax-xogħol, l-ugwaljanza tal-pagi, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-prospetti għall-karriera u l-promozzjoni ta' proġetti innovattivi li jappoġġaw il-bidla lejn ekonomija sostenibbli;

18.  Ifakkar li l-għajnuna potenzjali mogħtija mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ma tistax tintuża biex tiffaċilita t-tluq tal-ħaddiema, u jinsisti li dan il-fond jintuża biex jgħin lill-ħaddiema jżommu l-impjieg tagħhom;

19.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun disponibbli finanzjament adegwat għal taħriġ u azzjonijiet ta' rkupru biex jiġu ffaċilitati perjodi ta' tranżizzjoni kritiċi fl-industriji Ewropej, u jinsisti li l-FEG għandu jintuża biex jgħin lill-ħaddiema jieħdu f'idejhom il-fabbriki tagħhom sabiex jiġu ppreżervati l-impjiegi, aktar milli sabiex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' siti;

20.  Jitlob it-trasformazzjoni tal-FEG f'Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u d-Diġitalizzazzjoni li joffri taħriġ antiċipatorju, korsijiet ta' taħriġ mill-ġdid u servizzi mfassla apposta għall-ħaddiema li tilfu jew li jistgħu jitilfu l-impjiegi tagħhom minħabba tibdil fil-post tax-xogħol;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq fond Ewropew għal żvilupp soċjali u ambjentali, li jinvesti, grazzi għall-ħruġ ta' bonds u appoġġ ta' kreditu tal-BĊE, fit-trasformazzjoni tal-għodod tal-produzzjoni u l-ħiliet tal-ħaddiema fil-livell Ewropew sabiex iħaddnu t-tibdil fil-produzzjoni u fix-xogħol u jagħmilhom sorsi għall-progress soċjali u ambjentali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-allokazzjonijiet mill-Fondi Strutturali jekk ikunu użati minn Stat Membru b'mod abbużiv u irregolari li jippermettu jew jestendu d-dumping soċjali fil-livell nazzjonali;

23.  Jitlob kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri:

•  jippreżervaw l-impjiegi billi jiġu evitati tkeċċijiet mhux ġustifikati u billi jiġu ottimizzati l-livelli eżistenti għolja ta' ħiliet professjonali filwaqt li jillimitaw id-dividendi tal-azzjonisti;

•  jiżguraw it-trasparenza fit-trasferimenti finanzjarji minn sussidjarja Ewropea lil kumpannija parent tal-Istati Uniti jew lejn rifuġji fiskali;

•  jimplimentaw sanzjonijiet kontra kumpanniji jekk jippersistu fil-pjanijiet tar-ristrutturar tagħhom;

24.  Jistieden bil-qawwa lill-UE u lill-Istati Membri jmexxu 'l quddiem ftehim dwar it-trattat vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat, l-abbużi mill-kumpanniji transnazzjonali; jitlob f'dan ir-rigward li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jiġu inkorporati fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-ftehim;

25.  Jissottolinja r-rwol tas-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' strateġija industrijali koerenti, li trid tinkorpora dimensjoni soċjali sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tax-xogħol ma jiġux imminati mit-tranżizzjoni industrijali attwali;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0377.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0346.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0010.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0317.

(5)

ĠU C 289, 9.8.2016, p. 19.

(6)

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza