Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0183/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0183/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet permezz tas-settur diġitali

11.4.2018 - (2017/3016(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0010/2018
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Agnieszka Kozłowska-Rajewicz f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Proċedura : 2017/3016(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0183/2018
Testi mressqa :
B8-0183/2018
Testi adottati :

B8-0183/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet permezz tas-settur diġitali

(2017/3016(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fl-1995, u, b'mod partikolari, il-qasam ikkonċernat "In-Nisa u l-Midja",

–  wara li kkunsidra l-eżitu tad-dokument tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar il-laqgħa ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar ir-rieżami ġenerali tal-implimentazzjoni tal-eżiti tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-impenn strateġiku tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192), u r-rieżami ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tagħha bit-titolu "Suq Uniku Diġitali Konness għal Kulħadd" (COM(2017)0228),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru II tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Suq Uniku Diġitali, li għandu l-għan li joħloq il-kundizzjonijiet adegwati u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u ambjent fejn in-netwerks diġitali u s-servizzi innovattivi jkunu jistgħu jimxu 'l quddiem, u l-Pilastru III, li jappoġġa soċjetà diġitali inklużiva, li fiha ċ-ċittadini jkollhom il-ħiliet it-tajba biex jaħtfu l-opportunitajiet li jġib miegħu l-Internet u jagħtu spinta lill-possibilitajiet tagħhom li jiksbu impjieg,

–  wara li kkunsidra l-qafas dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni "L-ICT għax-xogħol: Il-ħiliet diġitali fuq il-post tax-xogħol" u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-analiżi bir-reqqa bit-titolu "Empowering women on the Internet" ("It-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fuq l-Internet"), ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni tal-Unjoni f'Ottubru 2015[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Women active in the ICT sector" ("In-nisa attivi fis-settur tal-ICT"),

–  wara li kkunsidra l-Istudju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) tas-26 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Gender and Digital Agenda" ("Il-Ġeneru u l-Aġenda Diġitali"),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: Wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna, u b'mod partikolari l-Gran Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[5],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali[6],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tas-settur diġitali (O-000004/2018 – B8–0010/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-diġitalizzazzjoni rrivoluzzjonat u bidlet b'mod fundamentali l-mod li bih il-persuni jaċċedu u jipprovdu l-informazzjoni, jikkomunikaw, jissoċjalizzaw, jistudjaw u jaħdmu, filwaqt li qed toħloq opportunitajiet ġodda biex in-nies jieħdu sehem f'diskussjonijiet pubbliċi u politiċi, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u qed tiftaħ prospetti ġodda għal ħajja ta' awtodeterminazzjoni, u għandha potenzjal ekonomiku enormi għall-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha; billi d-diġitalizzazzjoni għandha impatt mhux biss fuq is-swieq, iżda anki fuq is-soċjetà b'mod ġenerali;

B.  billi s-soċjetà tal-informazzjoni, xprunata mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), iġġib magħha opportunitajiet enormi biex jiġu ġġenerati u mxerrda l-ġid u l-għarfien;

C.  billi madwar id-dinja kollha, in-nisa bħala grupp demografiku huma anqas probabbli li jkunu online milli huma l-irġiel; billi 68 % tal-irġiel u 62 % tan-nisa jużaw il-kompjuters u l-internet fuq bażi regolari; billi 54 % tal-irġiel, meta mqabbel ma' 48 % tan-nisa, jużaw l-internet fuq apparat mobbli; billi 33 % tal-irġiel jinstallaw is-softwer fuq l-apparat huma stess, meta mqabbel ma' 18 % biss tan-nisa; billi 41 % tal-irġiel jużaw ir-radju u t-televiżjoni online, meta mqabbel ma' 35 % tan-nisa; billi 47 % tal-irġiel jużaw is-servizzi bankarji online, meta mqabbel ma' 35 % tan-nisa; billi 22 % tal-irġiel ibigħu prodotti fuq l-internet, meta mqabbel ma' 17 % biss tan-nisa; billi 20 % tal-irġiel jixtru oġġetti online, meta mqabbel ma' 13 % tan-nisa;

D.  billi l-mudelli diġitali ta' komunikazzjoni kkontribwew għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għat-tixrid dejjem iżjed ta' diskors ta' mibegħda u ta' theddid kontra n-nisa, fejn insibu li 18 % tan-nisa fl-Ewropa batew xi sura ta' fastidju ċibernetiku mindu laħqu l-adolexxenza; billi n-numru ta' theddidiet, inklużi theddidiet ta' mewt, li n-nisa jirċievu, żdied; billi l-kuxjenza soċjali dwar is-suriet diġitali ta' vjolenza għadha mhix suffiċjenti; billi diversi suriet ta' vjolenza online għadhom ma ġewx ikkunsidrati għalkollox mill-qafas legali;

E.  billi 2 % biss tan-nisa kollha fis-suq tax-xogħol huma impjegati f'impjiegi tekniċi, professjonali u xjentifiċi, meta mqabbel ma' 5 % tal-irġiel; billi 9 % biss tal-iżviluppaturi fl-Ewropa huma nisa, 19 % biss tal-maniġers anzjani fis-setturi tal-ICT u tal-komunikazzjonijiet huma nisa (meta mqabbel ma' 45 % f'setturi tas-servizzi oħra) u n-nisa jirrappreżentaw biss 19 % tal-imprendituri f'dawn is-setturi (meta mqabbel ma' 54 % f'setturi tas-servizzi oħra);

F.  billi hemm distakk sinifikanti bejn is-sessi fl-aċċess għall-opportunitajiet professjonali u edukattivi fir-rigward tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-ħiliet tal-informatika;

G.  billi s-sessiżmu u l-istereotipi tas-sessi jikkostitwixxu ostaklu serju għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u jkomplu jwessgħu d-distakk bejn is-sessi fis-settur diġitali, u dan jagħmilha diffiċli biex in-nisa jiżviluppaw bis-sħiħ il-kapaċitajiet tagħhom bħala utenti, innovaturi u inventuri;

H.  billi l-impjiegi, mhux biss fi ħdan is-settur tal-ICT, aktar ma jgħaddi żmien aktar jeħtieġu xi livell ta' ħiliet elettroniċi u litteriżmu diġitali, u din ix-xejra x'aktarx se tiġi amplifikata fil-ġejjieni b'firxa usa' ta' ħiliet diġitali meħtieġa għall-maġġoranza tal-impjiegi u tal-postijiet tax-xogħol vakanti;

I.  billi t-titjib tal-ħiliet diġitali u tal-litteriżmu fl-IT jippreżenta opportunità unika biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jżid l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ u jiffaċilita l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol mhux biss tan-nisa u tal-bniet, iżda anki tan-nies bi bżonnijiet speċjali, bħalma huma l-persuni b'diżabilità, u tal-abitanti taż-żoni rurali u remoti li jinsabu 'l bogħod miċ-ċentri urbani; billi d-diġitalizzazzjoni tal-post tax-xogħol tista' ġġib magħha xi sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati; billi żieda fil-għadd tan-nisa fis-settur tal-ICT, li huwa wieħed mis-setturi bl-ogħla pagi, tista' tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni finanzjarja tagħhom u għall-indipendenza finanzjarja tagħhom, li jwassal għal tnaqqis fid-differenza totali bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u għat-tisħiħ tal-indipendenza finanzjarja tan-nisa; billi madwar 16 % biss tal-kważi tmien miljun ruħ li jaħdmu fl-ICT fl-Ewropa huma nisa;

J.  billi d-diġitalizzazzjoni toffri opportunitajiet ġodda ta' intraprenditorija għan-nisa, inklużi l-intraprenditorija diġitali fuq skala żgħira, li f'ħafna każijiet ma teħtieġx kapital inizjali sinifikanti, kif ukoll impriżi mħaddma fil-qafas tal-ekonomija soċjali, li jsaħħu l-inklużjoni soċjali; billi hemm il-ħtieġa ta' appoġġ għall-intraprenditorija diġitali tan-nisa minħabba li din hija wieħed mis-setturi li qed jikbru b'ritmu mgħaġġel u li qed jirnexxu fl-ekonomija, li joffri għadd kbir ta' opportunitajiet għall-innovazzjoni u t-tkabbir, u n-nisa jirrappreżentaw biss 19 % tal-intraprendituri f'dan il-qasam;

K.  billi d-dħul ta' iktar nisa fis-settur tal-ICT isaħħaħ suq li fih hija prevista skarsezza ta' ħaddiema, u li fih il-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa tkun twassal għal żieda annwali ta' madwar EUR 9 biljun fil-PDG tal-UE; billi n-nisa għadhom wisq sottorappreżentati fil-programmi ta' lawrji fl-ICT, fejn jikkostitwixxu biss madwar 20 % tal-gradwati fil-qasam, fejn insibu li 3 % biss tal-gradwati nisa għandhom lawrja fl-ICT; billi n-nisa jiffaċċjaw għadd kbir ta' diffikultajiet biex jintegraw u jibqgħu fis-settur tal-ICT; billi l-ambjent tax-xogħol iddominat mill-irġiel, fejn naraw li 30 % biss tal-forza tax-xogħol huma nisa, jikkontribwixxi għax-xejra li ħafna nisa jitilqu mis-settur tal-ICT ftit snin wara li jkunu lestew il-lawrja universitarja tagħhom; billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol diġitali tonqos bl-età; billi n-nisa ta' taħt it-30 sena b'lawrja fl-ICT jammontaw għal 20 % tas-settur tal-ICT, meta mqabbel ma' 15,4 % tan-nisa ta' bejn il-31 u l-45 sena u 9 % tan-nisa ta' aktar minn 45 sena;

L.  billi skont l-estimi tal-istudju "Women active in the ICT sector" ("In-nisa attivi fis-settur tal-ICT") se jkun hemm 900 000 post tax-xogħol vakanti fis-settur tal-ICT fl-Ewropa sal-2020; billi s-settur tal-ICT qed jikber b'pass mgħaġġel, u qed joħloq madwar 120 000 impjieg ġdid kull sena;

M.  billi s-settur tal-ICT huwa kkaratterizzat minn livell partikolarment għoli ta' segregazzjoni vertikali u orizzontali, kif ukoll minn distakk bejn il-kwalifiki edukattivi tan-nisa u l-pożizzjonijiet tagħhom fis-settur tal-ICT; billi anqas minn 20 % tal-imprendituri tal-ICT huma nisa; billi l-maġġoranza (54 %) tan-nisa f'impjiegi tal-ICT jokkupaw pożizzjonijiet inqas imħallsa u li jirrikjedu ħiliet ta' livell aktar baxx, u għadd żgħir biss minnhom (8 %) jokkupaw pożizzjonijiet fl-inġinerija tas-softwer li jirrikjedu ħiliet ta' livell għoli; billi n-nisa huma sottorappreżentati wkoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan dan is-settur, fejn 19,2 % biss tal-impjegati fis-settur tal-ICT għandhom maniġers nisa, meta mqabbel ma' 45,2 % tal-impjegati f'setturi oħra;

N.  billi n-nisa ta' 55 sena u aktar jinsabu f'riskju partikolari tal-qgħad u tal-inattività fis-suq tax-xogħol, fejn ir-rata medja ta' impjieg tal-UE fost in-nisa tal-età ta' bejn il-55 u l-64 sena kienet biss ta' 49 % fl-2016, meta mqabbel ma' 62 % għall-irġiel; billi livell baxx ta' litteriżmu fit-teknoloġija tal-informatika (IT) u fil-ħiliet elettroniċi jkompli jkabbar dan ir-riskju; billi t-titjib u l-investiment fil-kompetenzi diġitali tan-nisa ta' 55 sena u aktar għandhom isaħħu l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom u joffrulhom livell ta' protezzjoni kontra l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

O.  billi skont id-data tal-Eurostat tal-2014, aktar nisa (42,3 %) milli rġiel (33,6 %) jibqgħu tilgħin għall-edukazzjoni għolja, iżda n-nisa huma preżenti f'numri akbar fl-istudji umanistiċi milli huma fl-oqsma xjentifiċi; billi 9,6 % biss tal-istudenti nisa fl-edukazzjoni terzjarja jistudjaw għal lawrji li għandhom x'jaqsmu mal-ICT, meta mqabbel ma' 30,6 % tal-istudenti rġiel; billi, f'inizjattivi bħalma huma l-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, l-ICT għal Edukazzjoni Mtejba, il-Klabb tal-Mexxejja Ewropew tal-Istartups u l-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, li huma mmirati biex irawmu dejjem iktar l-edukazzjoni elettronika u l-ħiliet elettroniċi, in-nisa għadhom fil-biċċa l-kbira sottorappreżentati;

P.  billi l-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni relatata mal-ICT, u aktar tard fl-impjieg, hi r-riżultat ta' relazzjoni kumplessa tal-isterjotipar tas-sessi li jibda fl-istadji bikrija tal-ħajja u tal-edukazzjoni u jkompli fil-karriera professjonali;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta u tindirizza aħjar l-Aġenda Diġitali u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali bl-għan li tindirizza d-disparità serja bejn is-sessi fis-settur tal-ICT u trawwem l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa fis-settur, b'mod partikolari fir-rigward tal-professjonijiet tekniċi u tat-telekomunikazzjoni, u titrawwem l-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nisa u t-tfajliet fl-ICT u f'suġġetti oħra tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM);

2.  Jilqa' l-azzjonijiet li jappoġġaw l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà tal-informazzjoni inklużi fl-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tad-differenzi bejn il-pagi, il-qligħ u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, b'tali mod li jiġi miġġieled il-faqar fost in-nisa, u tingħata prijorità lill-promozzjoni tal-impjieg tan-nisa fis-settur tal-ICT, il-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha u f'kull tip ta' edukazzjoni, inkluż fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-għażla tal-istudji u l-karrieri, f'konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-qafas tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu fi spirtu ta' kooperazzjoni miftuħa fi ħdan il-Qafas Strateġiku għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 biex isibu soluzzjonijiet u jikkondividu l-aħjar prattiki dwar l-edukazzjoni diġitali bikrija, inklużi l-ħiliet diġitali u l-ikkowdjar, li huma inklużivi għat-tfajliet, kif ukoll, fi stadji aktar tard fl-edukazzjoni, dwar programmi mmirati li jżidu s-sehem tan-nisa li jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw is-suġġetti STEM u jiggradwaw bi gradi fis-suġġetti STEM, peress li dan ikun jippermetti lin-nisa biex jiksbu aċċess sħiħ għas-servizzi elettroniċi fuq bażi ugwali mal-irġiel, u jibbenefikaw minn opportunitajiet ta' impjieg previsti għal inġiniera u speċjalisti tal-IT;

4.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw, jappoġġaw u jimplimentaw l-azzjonijiet promossi min-NU u mill-korpi tagħha, partikolarment fil-qafas tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u s-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), inkluż fil-kuntest tal-kurrikuli tal-iskejjel, sabiex isir sforz għall-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali fil-livell Ewropew u dinji;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw id-disparità bejn is-sessi fis-settur tal-ICT billi jenfasizzaw l-argument favur id-diversità u billi joħolqu inċentivi addizzjonali u aktar b'saħħithom kemm għall-kumpaniji kif ukoll għan-nisa bħal pereżempju billi jipprovdu mudelli ta' eżempju, programm ta' mentoraġġ u karrieri, sabiex tiżdied il-viżibbiltà tan-nisa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw u jieħdu azzjoni, fost affarijiet oħra, fuq l-iżvilupp tal-kontenut online li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-promozzjoni tal-aċċess għal u l-użu tal-ICT bħala għodod biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bejn is-sessi f'oqsma bħal l-vjolenza sessista, u l-kisba ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

6.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni 2017-2019 tal-UE dwar l-indirizzar tad-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (COM(2017)0678); jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-konformità mal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali għan-nisa u l-irġiel stabbilit fit-TUE, u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-inizjattivi inklużi fl-Azzjoni II tal-Pjan immirati biex jattiraw iktar nisa fil-professjonijiet STEM, li skont l-EIGE, jista' jwassal għal għeluq tad-disparità fil-pagi bejn is-sessi sal-2050 minħabba produttività ogħla tal-impjiegi STEM;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli fondi u jtejbu l-aċċess għall-fondi eżistenti sabiex jippromwovu u jappoġġaw l-imprendituri nisa, b'mod partikolari fil-qafas tat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija, jiżguraw li kwalunkwe kumpanija, irrispettivament mid-daqs tagħha, is-settur li topera fih, jew il-post fejn tinsab fl-Ewropa, tista' tgawdi minn innovazzjonijiet diġitali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li ċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, li huma essenzjali biex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni diġitali, għandhom jagħmlu enfasi speċifika fuq l-intraprendituri nisa u l-istart-ups b'sidien nisa; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod sħiħ u komprensiv id-disparità bejn is-sessi fi ħdan il-proċess tad-diġitalizzazzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja kollha kif ukoll it-taħriġ u l-iskemi li jgħinu lill-parteċipanti biex jadattaw aħjar jew biex jippreparaw għal bidla potenzjali tal-karriera skont id-domanda li qed tikber għal ħiliet elettroniċi f'ħafna setturi differenti, b'attenzjoni partikolari għan-nisa ta' 55 sena u aktar, partikolarment dawk b'responsabbiltajiet marbuta mal-indukrar, u n-nisa li interrompew il-karriera tagħhom jew qed jidħlu mill-ġdid fil-post tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li ma jitħallewx jibqgħu lura fil-bidla rapida dejjem tikber lejn id-diġitalizzazzjoni, u sabiex ikunu ssalvagwardjati minn esklużjoni mis-suq ta-xogħol;

9.  Jenfasizza l-effikaċja tal-użu tal-internet għal kampanji, fora u biex tissaħħaħ il-viżibbiltà ta' mudelli ta' eżempji femminili, li jaċċeleraw l-ugwaljanza bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu n-netwerks tan-nisa online, peress li jinvolvu approċċ minn isfel għal fuq fl-għoti tas-setgħa lin-nisa;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem il-ħolqien ta' netwerks fost is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet professjonali tal-midja sabiex jagħtu s-setgħa lin-nisa b'tali mod li jkollhom parti attiva u jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fis-settur tal-midja;

11.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili fil-governanza tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-organizzazzjonijiet diġitali tas-soċjetà ċivili u jappoġġawhom;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kollha u lill-atturi tas-soċjetà ċivili biex jappoġġaw l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tas-servizzi elettroniċi, il-ħiliet elettroniċi u l-forom diġitali tax-xogħol li jistgħu jagħtu spinta lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jiżguraw li jiġi evitat piż doppju fuq in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw l-opportunitajiet u l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni, anki fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal forom ta' impjieg instabbli u problemi tas-saħħa mentali relatati max-xogħol;

13.  Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-integrazzjoni tas-sessi fis-settur tal-edukazzjoni billi jiġi promoss il-litteriżmu diġitali u l-parteċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet fl-ICT għall-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-inklużjoni tal-ikkowdjar, il-midja u t-teknoloġiji ġodda fil-kurrikuli edukattivi fil-livelli kollha, kif ukoll fl-edukazzjoni extrakurrikulari, informali u mhux formali, u f'kull tip ta' edukazzjoni u taħriġ, inkluż fost l-għalliema, bl-għan li jitnaqqsu u jitneħħew id-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali, u biex it-tfajliet u ż-żgħażagħ nisa jitħeġġew jibdew karrieri fix-xjenzi u l-ICT; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali sabiex jingħeleb id-distakk bejn is-sessi f'dan il-qasam;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu l-edukazzjoni tal-ICT skont l-età xierqa fl-istadji bikrija tal-iskejjel, b'enfasi partikolari fuq it-tħeġġiġtat-tfajliet biex jiżviluppaw interess u talenti fil-qasam diġitali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni STEM għat-tfajliet minn età żgħira, peress li t-tfajliet jitbiegħdu mis-suġġetti STEM fi stadju aktar bikri waqt il-perkors edukattiv tagħhom minħabba l-isterjotipi tas-sessi madwar dawn is-suġġetti, nuqqas ta' mudelli ta' eżempju, u segregazzjoni ta' attivitajiet u ġugarelli, bir-riżultat li teżisti sottorappreżentanza ta' nisa f'dawn is-suġġetti fl-università, li testendi għall-post tax-xogħol;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, il-parteċipazzjoni tan-nisa f'setturi ta' negozju sterjotipikament ikkunsidrati bħala "maskili", bħal fil-każ tad-diġitalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ u integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-atturi kollha involuti fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata l-kisba tal-ħiliet elettroniċi min-nisa f'setturi li mhumiex intensivi fl-ICT, iżda li jeħtieġu ħiliet u kompetenzi diġitali fil-futur qrib;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lin-negozji, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-ICT permezz tal-ġbir ta' data diżaggregata skont is-sessi rigward l-użu tal-ICT, l-iżvilupp ta' miri, indikaturi u punti ta' referenza sabiex jiġi segwit il-progress tal-aċċess tan-nisa għall-ICT, u jippromwovu eżempji tal-aħjar prattika fost il-kumpaniji tal-ICT; jistieden lill-EIGE jiġbor data dwar kif is-servizzi diġitali jistgħu jiġu użati aħjar għall-benefiċċju tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

17.  Jenfasizza l-importanza ta' identifikazzjoni tal-isfidi dovuti għall-użu tal-ICT u l-internet biex jitwettqu reati, isir theddid jew jitwettqu atti ta' fastidju jew vjolenza fuq in-nisa; iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet kif xieraq, u biex jiżguraw li jkun hemm qafas biex jiżgura li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jkunu kapaċi jindirizzaw dawn ir-reati diġitali b'mod effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-protezzjoni tat-tfajliet mir-reklamar fl-ambjent diġitali li jista' jħajjarhom iġibu ruħhom b'tali mod li jagħmel ħsara lil saħħithom;

18.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jvaraw kampanji biex iqajmu s-sensibilizzazzjoni tan-nisa dwar il-benefiċċji tal-ICT, kif ukoll ir-riskji involuti, u biex jagħtuhom l-edukazzjoni u t-tagħrif meħtieġa dwar kif jipproteġu lilhom infushom online;

19.  Jistieden lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, kif ukoll lill-Istati Membri u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, jikkooperaw u jieħdu passi konkreti għall-koordinament tal-azzjonijiet tagħhom sabiex jikkumbattu l-użu tal-ICT bl-iskop li jitwettqu reati relatati mat-traffikar tal-bnedmin, il-fastidju ċibernetiku u s-cyber-stalking, peress illi ta' spiss huma ta' natura transfruntiera u li l-koordinazzjoni fuq livell tal-UE hija vitali għall-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati; jistieden lill-Istati Membri jirrieżaminaw id-dritt kriminali tagħhom biex jiżguraw li jiġu definiti u rikonoxxuti forom ġodda ta' vjolenza diġitali;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza