Proċedura : 2017/2922(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0217/2018

Testi mressqa :

B8-0217/2018

Dibattiti :

PV 02/05/2018 - 29
CRE 02/05/2018 - 29

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2018 - 7.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0202

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 506kWORD 57k
25.4.2018
PE621.590v01-00
 
B8-0217/2018

mressqa wara l-Mistoqsijiet għal Tweġiba Orali B8-0017/2018 u B8-0018/2018

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar projbizzjoni globali biex jintemm l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali (2017/2922(RSP))


Sirpa Pietikäinen, Miriam Dalli, Julie Girling, Frédérique Ries, Stefan Eck, Marco Affronte, Eleonora Evi, Sylvie Goddyn f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar projbizzjoni globali biex jintemm l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali (2017/2922(RSP))  
B8-0217/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi ("ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi")(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2013 dwar l-ittestjar fuq l-annimali u l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u dwar il-qagħda attwali fejn jidħlu metodi alternattivi fil-qasam tal-kożmetika (COM(2013)0135),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-aċċettazzjoni legali tal-metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali fil-qasam tal-kożmetiċi (2013-2015) (COM(2016)0599),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Stop Vivisection" (C (2015) 3773),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta' Lulju 2016 fil-Kawża C-592/14,

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali 442 ta' Marzu 2016 dwar "Attitudes of Europeans towards Animal Welfare" (L-Attitudnijiet tal-Ewropej fir-rigward tat-Trattament Xieraq tal-Annimali),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2017 bit-titolu "Animanl Welfere in the European Union" (It-Trattament Xieraq tal-Annimali fl-Unjoni Ewropea", ikkommisjonat fuq talba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar projbizzjoni globali biex jintemm l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali (O-000040/2018 - B8 0017/2018),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar projbizzjoni globali biex jintemm l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali (O-000041/2017 – B8 0018/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Regolament dwar il-Kożmetiċi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kożmetiċi u l-ingredjenti fl-UE, u għandu l-għan li jinkiseb suq intern għall-prodotti kożmetiċi filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

B.  billi l-Artikolu 13 tat-TFUE jgħid li fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tas-suq intern, għandhom jitqiesu b'mod sħiħ il-ħtiġijiet tat-trattament xieraq tal-annimali bħala esseri senzjenti;

C.  billi l-kożmetiċi huma parti integrali mill-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE u jkopru firxa wiesgħa ta' prodotti, minn irtokk għal deodoranti għal prodotti biex wieħed jinħasel bihom, biex wieħed jixxemmex, prodotti għall-kura tax-xagħar, tal-ġilda u tad-dwiefer, prodotti għat-tqaxxir u għall-iġjene orali;

D.  billi l-Unjoni ħadet impenji favur il-promozzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali filwaqt li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

E.  billi, sabiex tkun żgurata s-sikurezza tal-kożmetiċi, l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-Prodotti Kożmetiċi jiddikjara li trid titwettaq valutazzjoni tas-sikurezza u li jrid jitfassal rapport dwar is-sikurezza għal kull prodott kożmetiku;

F.  billi l-Artikolu 11 tar-Regolament jirrikjedi li l-fajl tal-informazzjoni dwar il-prodott irid jinżamm għal kull prodott fis-suq, li għandu jinkludi data dwar kull test fuq l-annimali mwettaq li jkollha x'taqsam mal-valutazzjoni tal-iżvilupp jew is-sikurezza tal-prodott kożmetiku jew l-ingredjenti tiegħu;

G.  billi l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi lesti u ta' ingredjenti kożmetiċi fuq l-annimali ilhom ipprojbiti fl-UE sa minn Settembru 2004 u Marzu 2009 rispettivament ("projbizzjoni tal-ittestjar");

H.  billi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti kożmetiċi lesti u ingredjenti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali ilha pprojbita fl-UE sa minn Marzu 2009, bl-eċċezzjoni tat-tossiċità tad-doża ripetuta, it-tossiċità riproduttiva u t-tossikokinetika; billi għal dawn l-effetti fuq is-saħħa speċifiċi u kumplessi, il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ilha tapplika sa minn Marzu 2013, irrispettivament mid-disponibilità ta' testijiet alternattivi mhux fuq l-annimali ("projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni");

I.  billi l-biċċa kbira tal-ingredjenti preżenti fi prodotti kożmetiċi jintużaw ukoll f'ħafna prodotti għall-konsumaturi u industrijali, bħal prodotti farmaċewtiċi, deterġenti u prodotti kimiċi oħra, u l-ikel; billi dawn l-ingredjenti setgħu kienu ttestjati fuq l-annimali skont il-qafas legali rilevanti, bħal pereżempju r-Regolament REACH(2), fejn ma kienx hemm alternattiva;

J.  billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali Nru 442 ta' Marzu 2016, 89 % taċ-ċittadini tal-UE jaqblu li l-UE għandha tagħmel aktar biex tippromwovi kuxjenza akbar dwar l-importanza ta' trattament xieraq tal-annimali fuq livell internazzjonali, u 90 % taċ-ċittadini tal-UE jaqblu li huwa importanti li jiġu stabbiliti standards għolja ta' trattament xieraq tal-annimali li jkunu rikonoxxuti madwar id-dinja;

K.  billi l-Parlament jirċievi bosta petizzjonijiet minn ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom skont l-Artikoli 24 u 227 tat-TFUE u l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jappellaw għat-tmiem tal-ittestjar fuq l-annimali fl-Ewropa u fid-dinja kollha u għall-istabbiliment ta' standards internazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

L.  billi ċ-ċittadini qegħdin jitolbu l-adozzjoni ta' qafas leġilattiv ġdid biex jiġu eliminati gradwalment it-testijiet fuq l-annimali;

M.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Lulju 2016 fil-Kawża C-592/14, ikkonfermat li t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' prodotti kożmetiċi li jkun fihom xi ingredjenti li jkunu ġew ittestjati fuq l-annimali barra mill-UE, sabiex jikkummerċjalizzaw dawn il-prodotti f'pajjiżi terzi, jistgħu' jiġu pprojbiti jekk id-data li tirriżulta minn dak l-ittestjar tintuża biex turi s-sikurezza tal-prodotti kkonċernati għall-finijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq tal-UE;

N.  billi l-lakuni jippermettu li prodotti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali barra mill-UE jitqiegħdu fis-suq tal-UE u l-prodotti jerġgħu jiġu ttestjati mill-ġdid fl-UE bl-użu ta' metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali, li jmur kontra l-ispirtu tal-leġislazzjoni tal-UE;

O.  billi l-UE hija attur ewlieni fin-Nazzjonijiet Uniti; billi l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jkomplu jimpenjaw ruħhom għal ordni globali bbażat fuq id-dritt internazzjonali u fuq il-kooperazzjoni multilaterali;

P.  billi l-Unjoni Ewropea għandha timpenja ruħha aħjar biex tipprowovi standards għoljin tat-trattament xieraq tal-annimali fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni tagħha;

Lezzjonijiet mill-projbizzjoni storika tal-UE fuq l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali

1.  Jinnota li l-Ewropa għandha settur tal-kożmetiċi li jiffjorixxi u huwa innovattiv u li jipprovdi madwar żewġ miljun impjieg, u li huwa l-akbar suq għal prodotti kożmetiċi fid-dinja; jenfasizza li l-projbizzjoni tal-UE fuq l-ittestjar fuq l-annimali ma pperikolatx l-iżvilupp tas-settur;

2.  Josserva li, fl-Ewropa, il-livell ta' konformità mal-projbizzjonijiet tal-ittestjar u tal-kummerċjalizzazzjoni fis-seħħ huwa għoli ħafna; jenfasizza, madankollu, li nuqqas ta' dokumentazzjoni kompluta u affidabbli fil-fajl tal-informazzjoni dwar il-prodotti kożmetiċi importati fl-UE minn pajjiżi terzi fejn it-testijiet fuq l-annimali għadhom meħtieġa, għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata bi prijorità;

3.  Jemmen li l-projbizzjoni storika tal-UE fuq l-ittestjar ta' prodotti kimiċi fuq l-annimali bagħtet sinjal qawwi lid-dinja dwar il-valur li hija tagħti lill-protezzjoni tal-annimali, u rnexxielha turi li t-tneħħija gradwali tat-testijiet ta' kożmetiċi fuq l-annimali hija possibbli;

4.  Ifakkar li fl-Ewropa saret għażla politika li l-projbizzjoni tkun implimentata irrispettivament mid-disponibilità sħiħa ta' metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali; jemmen li l-eżempju Ewropew juri li n-nuqqas ta' alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali għal xi punti aħħarin mhuwiex argument kontra l-impożizzjoni ta' projbizzjoni globali fuq l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali;

5.  Itenni li l-ittestjar fuq l-annimali m'għadux ġustifikabbli għall-prodotti kożmetiċi u jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi tal-UE u nazzjonali jilqgħu l-oppożizzjoni tal-pubbliku għall-ittestjar tal-prodotti kożmetiċi u jappoġġjaw l-avvanz ta' metodi innovattivi u umanitarji ta' ttestjar;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet regolatorji u lill-kumpaniji jistabbilixxu sistema ta' monitoraġġ li tkun miftuħa għal awditi indipendenti sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tal-industrija jikkonformaw mal-projbizzjoni sħiħa;

L-impatt tal-projbizzjoni fuq l-iżvilupp ta' metodi alternattivi

7.  Ifakkar li l-projbizzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali wasslet għal aktar sforzi ta' riċerka għall-iżvilupp ta' metodi alternattivi ta' ttestjar, b'effetti li jmorru ferm lil hinn mis-settur tal-kożmetiċi; jinnota li sar ukoll progress sinifikanti fir-rigward tal-validazzjoni u l-aċċettazzjoni regolatorja ta' metodi alternattivi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jagħmlu finanzjament biżżejjed disponibbli fuq terminu ta' żmien medju u twil għall-iżvilupp, il-validazzjoni u l-introduzzjoni rapidi ta' metodi alternattivi ta' ttestjar sabiex jissostitwixxu kompletament l-ittestjar fuq l-annimali għal punti aħħarin bħal karċinoġeniċità, tossiċità riproduttiva u tossiċità b'doża ripetuta(3);

9.  Jenfasizza l-ħtieġa għal sforz kontinwu fit-taħriġ u l-edukazzjoni sabiex jiġi żgurat li jkun hemm għarfien adegwat ta' alternattivi u proċessi fil-laboratorji u fost l-awtoritajiet kompetenti;

10.  Jirrimarka li l-istituzzjonijiet akkademiċi għandhom rwol importanti x'jaqdu f'termini ta' promozzjoni ta' alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali f'dixxiplini xjentifiċi u f'termini ta' tixrid ta' għarfien u prattiki ġodda li huma disponibbli iżda li mhux dejjem jintużaw b'mod wiesa'.

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm ħidma fi ħdan l-istrutturi internazzjonali sabiex jitħaffu l-validazzjoni u l-aċċettazzjoni ta' metodi alternattivi, u biex jingħata appoġġ finanzjarju u trasferiment ta' għarfien lill-pajjiżi terzi fejn ix-xjentisti jistgħu ma jkunux konxji ta' metodi alternattivi u l-faċilitajiet tal-ittestjar jista' ma jkollhomx l-infrastruttura ta' riċerka neċessarja;

12.  Jirrimarka li l-UE ppromwoviet il-kollaborazzjoni internazzjonali dwar metodi alternattivi permezz tas-Sħubija Ewropea għal Approċċi Alternattivi għall-Ittestjar fuq Annimali (EPAA), u kienet involuta f'għadd ta' proċessi internazzjonali rilevanti oħrajn, bħalma huma l-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kożmetika (ICCR) u l-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar Metodi Alternattivi tal-Ittestjar (ICATM); jinnota li tali kooperazzjoni hija kruċjali;

Is-sitwazzjoni internazzjonali

13.  Jenfasizza li l-Gwatemala, l-Iżlanda, l-Indja, Iżrael, New Zealand, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera u t-Turkija imponew projbizzjonijiet tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali; jinnota li pajjiżi oħra, bħall-Korea t'Isfel u l-Awstralja, għamlu progress sinifikanti lejn tali projbizzjoni;

14.  Jinnota li minkejja xi avvanzi leġislattivi importanti madwar id-dinja, madwar 80 % tal-pajjiżi tad-dinja għadhom jippermettu l-ittestjar fuq l-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali;

L-istabbiliment ta' projbizzjoni globali dwar l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali

15.  Jappella sabiex ir-Regolament tal-UE dwar il-Kożmetiċi jintuża bħala mudell għall-introduzzjoni fil-livell globali ta' projbizzjoni tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali u ta' projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali ta' ingredjenti u prodotti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali, li jidħlu fis-seħħ qabel l-2023;

16.  Jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti kollha mqiegħda fis-suq tal-UE u jiżguraw li l-ebda prodott ma jkun ġie ttestjat fuq l-annimali f'pajjiż terz;

17.  Jitlob li l-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, jippromwovu, jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' projbizzjoni globali tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali f'laqgħat mal-kontropartijiet tagħhom, b'mod partikolari mas-Segretarju Ġenerali tan-NU;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jużaw in-netwerks diplomatiċi tagħhom u jaġixxu b'determinazzjoni f'kull forum tan-negozjati possibbli, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, biex jibnu koalizzjoni usa' u b'saħħitha favur il-projbizzjoni globali tal-ittestjar fuq l-annimali fis-settur tal-prodotti kożmetiċi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiffaċilitaw, jippromwovu u jappoġġjaw il-konklużjoni ta' konvenzjoni internazzjonali kontra l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali, fi ħdan il-qafas tan-NU; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri sabiex jinkludu l-projbizzjoni globali tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali bħala punt fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod proattiv mal-partijiet ikkonċernati kollha, qabelxejn mal-promoturi tal-kampanja għat-tmiem globali tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali, mal-NGOs u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u dan sabiex jiġu promossi avvenimenti sekondarji fl-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss u biex jiġi ffaċilitat id-djalogu dwar il-benefiċċji u l-merti ta' konvenzjoni internazzjonali kontra l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-projbizzjoni tal-UE tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali ma tisfax imdgħajfa, la minn xi negozjati kummerċjali li jkunu għaddejjin u lanqas mir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni teskludi l-prodotti kożmetiċi li ġew ittestjati fuq l-annimali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles, li diġà jinsab fis-seħħ jew li bħalissa qiegħed jiġi nnegozjat;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59

(2)

ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(3)

1  Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur, Notes of Guidance for the Testing of Cosmetic Ingredients and their Safety Evaluation, 9th revision, SCCS/1564/15.

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' April 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza