imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-projbizzjoni tal-pestiċidi neonikotinojdi
Mireille D’Ornano
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-projbizzjoni tal-pestiċidi neonikotinojdi
B8-0223/2018
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew dwar is-settur tal-apikultura tal-UE, adottat fl-1 ta' Mejju 2018, jappella għall-projbizzjoni tal-pestiċidi neonikotinojdi kemm għal testijiet fil-laboratorji kif ukoll għal testijiet fuq il-post, minkejja li ma tantx twettqu testijiet fuq il-post u dan il-fatt qed jittardja l-projbizzjoni globali;
B. billi fl-2015, l-EFSA kkonfermat li l-użu ta' dawn il-pestiċidi bħala bexx għall-weraq kien jikkostitwixxi riskju għan-naħal u li, fit-28 ta' Frar 2018, l-aġenzija kkonfermat ir-riskju "għoli" ta' tliet neonikotinojdi li bħalissa huma soġġetti għal restrizzjonijiet fuq użu fl-UE;
C. billi n-neonikotinojdi użati fis-serer, minkejja li jkunu inqas perikolużi għan-naħal, jibqgħu preżenti għal diversi snin fil-ħamrija u fl-ilma, u b'hekk jikkostitwixxu periklu;
D. billi, sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin jew illegali ta' dawn is-sustanzi u bil-għan li jitwaqqaf it-tnaqqis tan-naħal, il-projbizzjoni ġenerali tikkostitwixxi urġenza assoluta;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprojbixxi mingħajr dewmien jew deroga n-neonikotinojdi kollha sabiex jiġu protetti l-popolazzjonijiet tan-naħal.